Il-brejkijiet

Print Friendly, PDF & Email

Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar kont fuq il-programm ferm popolari, li fih il-preżentatur għamel kumment li laqagħtni ħafna. U ġagħlni naħseb mhux ftit. Qal: “Fil-ħajja, il-brejkijiet tajbin għat-telgħa u anki għan-niżla”.

Jien, li nħobb nitgħallem minn kollox u minn kulħadd, f’dak il-ħin tal-programm intfajt naħseb u naħseb! Kos hux! Tajba din li l-brekijiet tajbin għat-telgħa u kif ukoll għan-niżla. Imma l-għaliex għat-telgħa? Qabel inwieġeb għal din il-mistoqsija nixtieq ngħid ħaġa li, almenu kif naħsibha jien, hija importanti ħafna. Immaġina karozza li trid seba’ għajnejn biex taraha. Għandha kollox jaħdem perfett. Kollox bil-push! Bil-buttuna! Elettronika avvanzata. Imma għandha difett wieħed. M’għandhiex brejkijiet! Mill-ewwel ngħidlek, avolja fil-karozzi ma nifimhx saħta: jew tirranġaha. Inkella … armieha!

Mela taqbel miegħi sieħbi li l-brejkijiet għal din il-karozza huma essenzjali. U jekk għall-karozza, li hija ħadid, landa, plastik, ħġieġ, ġilda u ma nafx xiex, il-brejkijiet huma importanti mela aħseb u ara għan-nies tad-demm u l-laħam, imżejna b’intelliġenza u ruħ x’inhuma! Għax jekk titkisser karozza tgħid tagħmel naqra sagrifiċċju u tixtri oħra. Sakemm ma jkunx jaqbillek tirranġaha. Imma jekk nitkisser jien u titkisser int, min se jirranġana? Il-brejkijiet irriduhom sieħbi!

Aħseb ftit li kieku naqbdu u nisparaw kull ħsieb li jiġi f’moħħna x’rebus inġibu! Li kieku naqbdu u dak li nħossu fina inpaċpċuh. Inkella nagħmluh. L-istorja tal-libelli u d-delitti titħaddet waħedha! U kif taħseb li kieku nispiċċaw? Min jispiċċa b’imnieħru fil-ġibs. Min idu bye bye. Min bellgħulu snienu b’xi daqtejn ta’ ponn. U min minxur mal-art f’għadira demm b’xi żewġ tiri ta’ armi tan-nar ġo fiħ. Imma, l-għaliex għandna r-raġuni, il-kuxjenza u anki l-għajnuna tal-liġijiet kriminali u ċivili, l-affarijiet, qabel infattruhom, naħsbuhom u nerġgħu naħsbuhom! U mela jien għaliex Alla tani d-don li nikteb jew nitħaddet nista’ naqbad u nħammeġ lin-nies hekk? Għal kapriċċija?

Għandna bżonn il-brekijiet fit-telgħa. Spiss jiġrilna li t-telgħa tkun iebsa. Wieqfa. U twila. Allura faċli li, waqt li nkunu telgħin magħha, naħbtu nonfħu. Nilgħeġu. Bl-għaraq ħiereġ minna. U, jekk nagħġlu l-pass, sidirna jaf jibda’ juġagħna wkoll. Mela x’nagħmlu? Żomm il-brejk u strieħ! Oqgħod ftit bilqiegħda. Xejn xejn tixrob tazza ilma friska u tiġi f’tiegħek. U mbagħad abbli tibda’ tara b’liema mod din it-telgħa wieqfa tista’ tibqa’ titlagħha.

Tipprova. U terġa’ tipprova. U fl-aħħar tasal sa fuq nett! Għall-erwieħ! X’veduta sabiħa hawn! Taf li se niġri ġirja l-isfel! Le sieħbi! Bil-mod! Għaliex jekk tinżel sfraxxnat niggarantilek jien li titkaħħal mal-ewwel siġra jew karozza li ssib! Issa anki għan-niżla irrid nikkontrolla!

U issa, jien, il-Patri, se ngħidlek kelma ta’ ħabib. Fil-ħajja żomm il-brejk fl-ikel. Fl-irqad. Fid-divertiment. Fil-kliem. Fis-suċċessi. U fil-falliment. It-triq tan-nofs m’hemmx isbaħ minnha! Għax li ma tħalli xejn, lanqas suċċessi kbar, jitilgħu għal rasek, hija maturità kbira! Il-maturità li taf iżżomm il-brejkijiet! U jekk tkun taf tużahom ibqa’ ċertu u żgur li tirbaħ il-fiduċja ta’ Alla u tal-bnedmin! Eħ ħabib! Dawk il-brejkijiet!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading