Il-Papa jitlob lit-tfal ikunu “artiġjana tal-paċi”

Nhar il-Ġimgħa filgħodu, aktar minn sitt elef tifel u tifla Taljani, konnessi man-Netwerk Nazzjonali Taljan tal-Iskejjel tal-Paċi żaru l-Vatikan, fejn kellhom laqgħa speċjali mal-Papa Franġisku.

Waqt diskors li fih ripetutament talab lit-tfal iwieġbu għall-mistoqsijiet li beda jagħmlilhom, il-Papa Franġisku għamel appell speċjali biex jiftakru fit-tfal li huma mġarrba bil-gwerra u l-kunflitt, speċjalment fit-tfal tal-Ukrajna “li nsew kif jitbissmu”, u għat-tfal ta’ Gaża, “maqtula” u li qed ibatu l-ġuħ.

In-Netwerk tal-Iskejjel tal-Paċi tfassal wara snin ta’ ħidma fil-promozzjoni tal-edukazzjoni permanenti għall-paċi u d-drittijiet tal-bniedem fil-kurrikuli tal-iskejjel kollha f’kull livell. In-Netwerk huma impenjat li jeduka liż-żgħażagħ dwar il-paċi, l-ġustizzja, ċ-ċittadinanza, d-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà.

Il-Papa Franġisku beda l-indirizz tiegħu billi rringrazzjahom għall-vjaġġ tagħhom “mimli ideat” li għandhom l-għan li jippromwovu “viżjoni ġdida għad-dinja”. Huwa rringrazzjahom “talli huma entużjażti” u għall-impenn passjonat u ġeneruż tagħhom biex jaħdmu għal futur aħjar.

B’ħarsa l’quddiem għas-Summit tal-Futur, tal-ħarifa li ġejja, ospitat min-Nazzjonijiet Uniti fi New York, il-Papa qal li l-kontribut tat-tfal huwa meħtieġ biex jiġi żgurat lir-riżoluzzjonijiet li jsiru fuq il-karta jsiru “konkreti u realizzati permezz ta’ mogħdijiet u azzjonijiet għall-bidla”.

B’referenza għall-inizjattiva Taljana “Nittrasformaw il-Futur: Għall-paċi b’attenzjoni”, l-Papa sfida lis-subien u lill-bniet biex ikunu “protagonisti, u mhux spettaturi tal-futur”. Dan, qal, jeħtieġ netwerk, b’konnessjonijiet, u biex in-nies ikunu jistgħu jaħdmu flimkien f’sinerġija u armonija.

Il-Qdusija Tiegħu wissa li l-isfidi tal-lum huma tassew globali, u li jolqtu lil kulħadd, u jeħtieġu “l-kuraġġ u l-kreattività ta’ ħolma kollettiva li tanima impenn kontinwu biex niffaċċjaw flimkien il-kriżijiet ambjentali, ekonomiċi, politiċi u soċjali li għaddejja minnhom id-dinja tagħna”. Hu qal, “hija ħolma li teħtieġ li nkunu mqajmin, u mhux reqdin”, u saħaq li ħolm bħal dan isir permezz tat-talb, “jiġifieri, flimkien ma’ Alla, u mhux bil-qawwa tagħna”.

Il-Papa Franġisku kompla jenfasizza ż-żewġ kelmiet ewlenin fil-qalba tal-impenn tagħhom: “paċi” u “ħarsien”. Dawn iż-żewġ ideat huma interkonnessi, qal, u spjega li l-paċi vera mhix biss in-nuqqas ta’ vjolenza iżda “klima ta’ rieda tajba, fiduċja u mħabba li tista’ timmatura f’soċjetà msejsa fuq relazzjonijiet ta’ ħarsien.”

Waqt li indirizza lil dawk preżenti b’affezzjoni profonda, l-Qdusija Tiegħu stedinhom jagħtu s-sehem tagħhom biex irawmu l-paċi fid-dinja tagħna. “F’dan iż-żmien li għadu mmarkat mill-gwerra nitlobkom tkunu artiġjana tal-paċi”, qal. “F’soċjetà li għadha priġuniera ta’ kultura li tintrema’, nitlobkom tkunu protagonisti tal-inklużjoni; f’dinja mqatta’ mill-kriżijiet globali, nitlobkom tkunu bennejja tal-futur, biex id-dar komuni tagħna ssir post ta’ fraternità.”

Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku appella lit-tfal biex jopponu attitudni ta’ indifferenza b’attitudni ta’ ħarsien, u stedinhom biex “dejjem jimpurtahom mid-destin tal-pjaneta tagħna u ta’ ħutkom il-bnedmin” u “dwar il-futur miftuħ quddiemna, biex jista’ jkun tassew kif joħlom Alla għal kulħadd: futur ta’ paċi u sbuħija għall-umanità kollha.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-04/pope-asks-children-to-be-artisans-of-peace.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading