Il-ġmiel tal-Karmelu

Print Friendly, PDF & Email

L-Avukat Carmelo Mifsud Bonnici

Biċċa biċċa, fit-trapass tas-sena bdejna t-triq lura lejn ix-xahar ta’ Lulju.  Wieħed li b’wirt sabiħ minn ta’ qabilna f’dan il-pajjiż bqajna norbtuh mal-Madonna tal-Karmnu.  Pajjiżna huwa f’din il-linja verament fortunat li għandu numru ta’ knejjes u parroċċi dedikati u fdati f’idejn l-Ordni Karmelitan u dak tar-riforma Tereżjana.  Huwa proprju tulu li diversi jiċċelebraw il-festa tal-Madonna, kif ukoll jiġu mfakkra diversi qaddisin u beati tal-Karmelu.  Dawn huma l-jiem meta jiġu ċelebrati diversi appuntamenti oħra, fosthom dak ta’ San Elija, kif ukoll dak tal-beatu Titus Bradsma.  Dan tal-aħħar qaddis li għalkemm insibu f’diversi knejjes l-immaġini tiegħu, però ftit jafu l-ħajja u l-kitba sabiħa tiegħu.

Bradsma kien professur teoloġiku fl-Olanda u għex ta’ karmelitan attiv ħafna, sakemm mal-miġja tan-nażiżmu ttieħed fil-kampi tal-konċentrament u fis-26 ta’ Lulju 1941 ġie maqtul.  Reċentement kelli l-pjaċir insib fuq l-ixkafef tal-librerija tal-Università waqt li qiegħed infittex ktieb ieħor, ktejjeb miktub minnu bl-isem “The Beauty of Carmel”.  Huwa bbażat fuq numru ta’ diskorsi li għamel fl-Istati Uniti tal-Amerika u li fih mess mal-iżvilupp sħiħ tal-moviment karmelitan, b’mod partikolari dak tar-riforma mmexxija minn Santa Tereża l-Kbira ta’ Avila.  Il-qaddisa tant importanti u determinanti fil-ħajja ta’ ħafna minna fuq dawn il-gżejjer u li din is-sena niċċelebraw il-ħames mitt sena mit-twelid tagħha.  Qaddisa li nfluwenzat u tkompli għaddejja twettaq dan.

Kitbet Bradsma għandha żewġ linji diretti u paralleli li fuqhom huma mibnija d-diskorsi li għamel.  Prinċiparjament u direttament riflessjoni kontinwa fuq is-sejħa karmelitana lejn l-Imitazzjoni tal-Madonna, u sekondarjament, għalkemm tieħu l-impressjoni differenti f’linja prinċipali, dik tal-iżvilupp storiku tal-Karmelu.

Din il-kitba, mingħajr ma trid tieħdok lura lejn iż-żewġ kotba attribwiti minn diversi għal Thomas a Kempis, jiġifieri l-“Imitazzjoni ta’ Kristu” (magħruf ħafna, tant li huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-iktar li jinxtraw wara l-Bibbja), u t-tieni, l-“Imitazzjoni ta’ Marija” (li sfortunatament diversi ma jafux dwaru.  Ir-rabta fundamentali għalih fl-imitazzjoni hija l-unjoni aktar viċina lejn Sidtna Marija.  Huma jgħid bi profondità: “One should not think of the imitation without thinking of the union, nor of the union without the thought of imitation”.  Dawn jitilqu jsiru t-temi prinċipali li bih jiftaħ il-ktejjeb li għalih il-Karmelu huwa immirat u proprju għalhekk hemm l-isbuħija tiegħu.

Għalih, il-bilanċ fil-Karmelu inħoloq u seħħ għax għal ċertu żmien kien hemm min ta iktar importanza lill-imitazzjoni, mentri f’oħrajn lejn l-unjoni.  Hu jagħraf dan u jillustrah b’mod interessanti tul din l-istorja kompatta mal-Karmelu li l-ktieb fih lejn iktar għaqda.  Huwa jgħid: “One should rather see both trends blended together into one harmonious whole”.  Bil-għan prinċipali jibqa’ dejjem dak li ulied il-Madonna tal-Karmnu jridu jagħmlu ħilithom sabiex jixbħuha f’kollox.  Fil-virtujiet, fl-aġir, fil-linja lejn il-perfezzjoni, fis-sagrifiċċji kontinwi u silenzjużi, fin-nuqqas, abbandun u difiżi kontra l-akkużi inġusti.

Proprju fuq dan huwa interessanti iktar għal dawk li jsegwu l-Ordni tal-Karmelu li huwa jagħżel li jagħti importanza partikolari lill-karmelitan ingliż John Baconthorpe, li għex fis-seklu erbatax.  Fil-linja diretta u sempliċi tiegħu jgħid li l-karmelitan irid isegwi l-eżempju ta’ Marija għax hija pprattikat diġà, qabel kull karmelitan, dak li r-regola tal-Ordni tippreskrivi.  Hija kienet u għadha l-ogħla perfezzjoni li forza umana setgħet bil-grazzja t’Alla tilħaq.

Huwa jfakkar fl-ubbidjenza, l-purità u l-faqar appostoliku tagħha.  Kif l-Ordni tagħżel diversi mumenti li tkun ‘il-bogħod, maqtugħa mill-aġir tad-dinja, hekk għamlet hi fid-dar żgħira ta’ Nazareth, fl-għar abbandunat u solitarju ta’ Betlehem u fil-faqar tal-Eġittu.  Jagħmel enfasi fuq l-osservanza tas-silenzju u b’mod partikolari għall-fatt li ftit kliem insibu ta’ Marija fil-Vaneġlu kollu.  F’dan laqtitni partikolarment din ir-riflessjoni: “We ought to let Mary live in us, Mary should not stand outside the Carmelite, but he should live a life so similar to Mary that he should live with, in, through and for Mary”.

Fit-triq biex ikompli juri l-isbuħija tal-Karmelu, Titus Bradsma jidħol pass ieħor fil-fond f’toroq ta’ sempliċità, simboliżmu fejn il-bniedem li jrid jgħix ħajja perfetta fl-imitazzjoni u l-unjoni ma’ Marija jixxebbaħ ma’ oġġetti u pjanti diversi.  Jippreżenta eżempju u, fl-istess ħin, toroq li wieħed għandu jżomm quddiemu f’ħajtu.

L-ewwel f’din id-direzzjoni nsibu l-warda tax-xemx.  Huwa jgħid dan fit-tul, imma forsi l-isbaħ mod huwa s-segwenti: “The (sun) flower itself represents the soul created after God’s image in order to absorb the sunlight of God’s bounty.  Two suns shining into each other, one radiant with an unfathomable light and glowing like another sun, but so enraptured by the beams of the sun which shines on it that it cannot turn itself away from Him, but can only live for Him and through Him”.  Il-figura hija Marija u l-karmelitan veru, li huwa ż-żerriegħa mill-warda tax-xemx, għandu jimxi fuq din it-triq.

It-tieni jerġa’ jmur lejn kitbet San Ġwann tas-Salib billi ssir it-taqbila mill-isbaħ, u li diversi jinsew, ma’ ħġieġa ta’ tieqa.  F’din, huwa jgħid bl-isbaħ mod: “If the pane of glass be clear and spotless the sunbeams will light it up and change it in such a way that it seems to be the light itself and gives out light itself”.  F’din id-direzzjoni huwa jirrifletti ulterjorment b’żewġ punti iktar qawwija u konsegwenzjali għal dan il-ħsieb bis-segwenti: i) “that is the reason why our Lady deserved to become the Mother of God, because she offered not the slightest hindrance to the divine indwelling.  Like our Lady we must absorb the divine light”.  U t-tieni, forsi iktar profond: “The pane of glass cannot prevent the light from lighting it.  Prepared by its purity, it is passively lit up, without any cooperation.  But St. John adds that although we cannot force God, nor prevent His doing certain things, it is the soul’s duty to bring itself into the right condition, to cleanse itself of all blemishes.

Fir-realtà dawn, għal min jaf sew kitbet Santa Tereża ta’ Avila u San Ġwann tas-Salib, dawn it-tixbihat huma klassiċi u jsegwuk fil-ħajja tiegħek.  Però Titus Bradsma jippreżentahom mill-ġdid f’forom differenti li jippermettu li wieħed jifhem iktar fil-fond u, fl-istess ħin, juri lilu nnifsu bħala wieħed minn dawk il-bnedmin li għaddew minn dan il-proċess ta’ bidla interna u allura jista’ jagħmel “tiegħu” dak li rċieva biex mill-ġdid iservi biex jittrasmettih lill-oħrajn.

Minn dawn il-passi l-ktieb jieħdok f’livell ieħor, forsi fit-tielet wieħed bħall-“Kastell Interjuri” ta’ Santa Tereża, meta huwa jħeġġeġ lill-karmelitani lejn l-isbuħija tal-Karmelu billi jgħidlu li jrid jagħmel ħiltu biex jgħix ħajja attiva li fiha l-virtujiet insara jiġu pprattikati.  Dan biex iwasslu lejn “the indispensable preparation for the higher grades of mystical life”.  Fejn f’din it-triq twila u ċara jitla’ ‘l fuq biex jifhem, aħjar il-lingwaġġ, il-messaġġi li fil-bidu ta’ kull pass ma jkunx jista’.  Għax f’dan il-mument, f’din l-esperjenza unika, il-karmelitan isib lilu nnifsu jixrob u jifhem waqt li jaqbad it-triq lejn l-għolja tal-Karmelu – dak li għalkemm jara, u jaqra, però la jifhem u lanqas jixrob.  Isib lilu nnifsu fost kliem li ma jistax japprezza.

Jispjega dan kollu b’iktar kliem ċari u diretti fis-segwenti: “So they, to whom God has given the highest understanding, speak in an incomprehensible language only to be understood by those who have been uplifted to an equal height.  Besides, men of this kind should not like to speak differently with others, unless God would desire it.”  U, mingħajr ma trid, jerġgħu jiġu quddiemek il-kotba ta’ Santa Tereża l-Kbira u San Ġwann tas-Salib, partikolarment tat-tieni, biex ma nsemmix oħrajn fosthom Edith Stein u Eliżabetta tat-Trinità.  Kitbiethom hija minnha nfisha vjaġġ fit-triq tas-sewwa.  Vjaġġ ġewwa qalb il-bnedmin li jqabbad in-nar tal-għerf ta’ dawk il-fatt, ta’ dik ir-realtà li jiġu njorati.  Dik ix-“scintilla animæ” li l-karmelitan huwa msejjaħ li jgħaddi minnha fejn, kif ikompli jgħid Titus Bradsma: “There God is like a spark in a soul.  He has kindled fire in us, fire that imports light and warmth, fire that must flame up”.  F’dak l-istadju meta jibda jifhem u dan jibda jakkumula fih jum wara jum sabiex dak li jaqra jibda jqegħdu fis-seħħ fil-ħajja, fid-diffikultajiet u l-isfidi tagħha.

Iktar ma naħseb dwar dan il-librett żgħir, iktar narah f’dimensjonijiet differenti.  Huwa żgur minjiera tad-deheb f’żewġ direzzjonijiet.  Waħda għal dawk li għadhom ma ltaqawx jew ma qrawx dwar il-Karmelu u hawn il-ktieb iservi żgur ta’ introduzzjoni.  Introduzzjoni lejn il-partijiet prinċipali u fundamentali tal-Karmelu li ma huwiex neċessarjament wieħed sempliċement deskrittiv, iżda li fih iktar milli l-wiċċ juri.  It-tieni waħda hija dik li minnha kull min qara testi varji tal-Karmelu u telaqhom jista’ jerġa’ jdur mill-ġdid u jerġa’ jkebbs lilu nnifsu lejn aktar qari.

Il-ktieb huwa ċar u mimli b’informazzjoni konċiża ta’ dak li jirrappreżenta l-Karmelu.  Minn kurrenti kumplikati huwa jislet spjegazzjonijiet sempliċi.  Li minn kitbiet il-qaddisin karmelitani huwa diffiċli li jaffronta.  Biss, proprju b’dan il-ktieb jista’ jifhem, l-ewwel, iktar dak li jgħidu; u t-tieni, jiggwidak lejn dak li għandek tieħu mill-ewwel f’idejk biex taqbad triq nisranija li tibdlek fil-fond.

It-tielet, il-ktieb fih ukoll viżjoni sħiħa tal-Karmelu għax jgħaqqad dak mhux reformat ma’ dak tar-riforma bħala pro            ċess wieħed sħiħ.  Ma hemmx direzzjoni differenti jew parallela iżda waħda unika.  Waħdanija fis-sens li kulħadd huwa prti minn dik il-viżjoni tal-ħajja.  Fejn kull karmelitan huwa mistieden li jaqra dak li nkiteb mill-qaddisin tar-riforma u dawk le biex jirrifletti u jieħu lezzjonijiet ġodda ta’ tiġdid.  Irnexxielu joqgħod fl-għan aħħari ta’ kull min jagħmel ħiltu biex ikun nisrani.  Is-salvazzjoni tar-ruħ għal min jagħmel ħiltu biex ikun nisrani.  Is-salvazzjoni tar-ruħ permezz ta’ ħajja diretta għas-sewwa.

Fuq dan il-ktejjeb ta’ ftit paġni, finalment insibuh jagħlaq billi jirreferi għall-kitba ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux (iż-Żgħira).  Jeħodhom u jislet minnhom żewġ temi fundamentali: l-ewwel waħda marbuta b’saħħa u qawwa mal-qaddisa; it-tieni, ma’ tema rikorrenti fil-Karmelu li però hija tiżviluppa b’qawwa akbar.  Primarjament iħares lejn il-punt fundamentali f’Santa Tereżina li kull att, mill-iktar żgħir, huwa parti minn proċess lejn is-sewwa.  Fejn il-bniedem jgħin fil-ġlieda għal dinja aħjar mhux bil-passi kbar iżda l-iktar b’dawn ferm inqas.  Sfida qawwija verament, speċjalment għal min qiegħed iservi fil-politika li trid bidliet interni li m’aħniex dejjem kapaċi għaliha f’kull mument, imma li l-qaddisa kienet.  Huwa jgħid hekk: “Leading the most ordinary life, without being in the least remarkable, she knows how to make of her life an uninterrupted sense of the most heroic acts of virtue and to be continuously busy with God.  In perfect accordance with all this we notice, little St. Theresa’s perfect surrender to God.  It is as it were one with her consciousness of her littleness and nothingness.”

Fit-tieni jdur lejn l-ikbar sfida karmelitana għal kull bniedem, għall-politiku u għall-avukat: dik li ma jiddefendix lilu nnifsu fl-avversità.  Li jżomm is-silenzju mingħajr ma jistenna risposti jew il-possibilità li l-isem imkasbar tiegħu ma’ wied din id-dinja ser jiġi ċċarat.  Kif jgħid u f’dan jgħaqqad l-ewwel temi ta’ ħsibijietu: “So little Theresa gave herself unreservedly to God, wishing to please Him only, to trust Him, to be His alone.  Like our Lady, who was not disturbed when St. Joseph did not understand her condition, but left the explanation of this mystery to God, so little Theresa gave everything into God’s hands with a limitless confidence.”

Il-messaġġ tal-Karmelu huwa wieħed ta’ sfida imma mezz uniku għal dawk li jridu jifhmu iktar il-verità fil-ħajja. F’din is-sena partikolari, f’dan l-anniversarju tat-twelid ta’ Santa Tereża ta’ Avila m’huwiex ħażin li wieħed jitħajjar jaqbad ktieb mid-diversi li għandna maqluba għal-lingwa nazzjonali u jaqrahom.  Ħassejt li għandi nuża dan il-ktejjeb biex nibgħat dan il-messaġġ.  Ħassejt li għandi nagħmel dan proprju: l-ewwel għax dan huwa ktieb mill-isbaħ, sija għal min irid jitgħallem, jiskopri u jersaq aktar lejn il-Karmelu, kif ukoll għal min diġà qiegħed sew fit-triq; u t-tieni, sabiex dawn ix-xhur ma jgħaddux mingħajr ma wieħed iduq ftit minnu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading