Il-Familja. Familji Miġruħa II

Print Friendly, PDF & Email

24. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 5 t’Awwissu 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

B’dik il-katekeżi qed nerġgħu naqbdu r-riflessjoni tagħna fuq il-familja. Wara li l-aħħar darba tkellimt fuq il-familji miġruħa minħabba fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-miżżewġin, il-lum nixtieq li nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq realtà oħra: kif nieħdu ħsieb ta’ dawk li, wara l-falliment irriversibbli tar-rabta taż-żwieġ tagħhom, daħlu f’rabta ġdida.

Il-Knisja taf tajjeb li sitwazzjoni bħal din tmur kontra s-Sagrament Nisrani. Madankollu, il-ħarsa tagħha ta’ għalliema ħierġa dejjem mill-qalb ta’ omm; qalb li, imħeġġa mill-Ispirtu s-Santu, tfittex dejjem il-ġid u s-salvazzjoni tal-persuni. Għalhekk hi tħossha fid-dmir, “bi mħabba lejn il-verità”, li “tgħarbel sew is-sitwazzjonijiet”. Hekk esprima ruħu San Ġwanni Pawlu II, fl-Eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio (nru 84), u ġab bħala eżempju d-differenza bejn min ġarrab is-separazzjoni u min ipprovokaha. Jeħtieġ li wieħed jagħmel dan id-dixxerniment.

Jekk imbagħad inħarsu lejn dawn ir-rabtiet ġodda bl-għajnejn ta’ l-ulied ċkejknin – u ċ-ċkejknin jaraw –, bl-għajnejn tat-tfal, iżjed u iżjed naraw l-urġenza li niżviluppaw fil-komunitajiet tagħna mod veru ta’ kif nilqgħu l-persuni li għaddejjin minn sitwazzjonijiet bħal dawn. Għalhekk importanti li l-istil tal-komunità, il-lingwaġġ tagħha, l-imġibiet tagħha, ikunu dejjem attenti għall-persuni, ibda miċ-ċkejknin. Dawn huma dawk li jbatu l-iktar, f’dawn is-sitwazzjonijiet. Mill-bqija, kif nistgħu ngħinu lil dawn il-ġenituri biex jagħmlu minn kollox ħalli jedukaw lil uliedhom għall-ħajja Nisranija, jagħtuhom l-eżempju ta’ fidi konvinta u pprattikata, jekk inżommuhom imbegħdin mill-ħajja tal-komunità, qishom kienu skomunikati? Għandna nħabirku biex ma nżidux toqol ieħor ma’ dak li l-ulied, f’dawn is-sitwazzjonijiet, diġà qed ikollhom iġorru! Sfortunatament, l-għadd ta’ dawn it-tfal u adolexxenti hu tassew kbir. Importanti li huma jħossu lill-Knisja bħala omm attenta għal kulħadd, dejjem lesta biex tismagħhom u tiltaqa’ magħhom.

Fil-verità, f’dawn l-aħħar għaxriet tas-snin il-Knisja la kienet qalbha magħluqa u lanqas żammet lura. Grazzi għat-tiftix fil-fond li għamlu r-Ragħajja, immexxi u mwettaq mill-Predeċessuri tiegħi, kiber tabilħaqq l-għarfien li hemm bżonn nilqgħu bħal aħwa u b’qalb attenta, fl-imħabba u fil-verità, lil dawk l-imgħammda li qegħdin f’konvivenza ġdida wara li ż-żwieġ sagramentali tagħhom falla; fil-fatt, dawn il-persuni m’huma xejn affattu skomunikati: m’humiex skomunikati!, u assolutament m’għandhomx jiġu ttrattati bħala tali: huma dejjem jagħmlu parti mill-Knisja.

Il-Papa Benedittu XVI tkellem fuq din il-kwistjoni, u sejjaħ għal dixxerniment attent u tisħib pastorali għaref, għax kien jaf li ma teżisti l-ebda “riċetta sempliċi” (Diskors fis-VII Laqgħa Dinjija tal-Familji, Milan, 2 ta’ Ġunju 2012, tweġiba nru 5).

Minn hawn l-istedina mtennija tar-Ragħajja biex juru b’mod miftuħ u koerenti d-disponibbiltà tal-komunità li tilqagħhom u tagħmlilhom il-qalb, biex jgħixu u jrawmu dejjem iżjed l-appartenenza tagħhom għal Kristu u għall-Knisja bit-talb, bis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, bis-sehem ta’ sikwit fil-liturġija, bl-edukazzjoni Nisranija ta’ l-ulied, bil-karità u s-servizz lill-foqra, bl-impenn għall-ġustizzja u l-paċi.

L-ikona Biblika tar-Ragħaj it-Tajjeb (Ġw 10:11-18) tiġbor il-missjoni kollha li Ġesù rċieva minn għand il-Missier: dik li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Din l-imġiba hi mudell ukoll għall-Knisja, li tilqa’ lil uliedha bħal omm li tagħti ħajjitha għalihom. “Il-Knisja hi msejħa tkun id-dar miftuħa tal-Missier […]”. – L-ebda bieb magħluq! Xejn bibien magħluqa! – “Kulħadd jista’ b’xi mod jieħu sehem fil-ħajja tal-Knisja, kulħadd jista’ jagħmel parti mill-komunità. Il-Knisja […] hi d-dar tal-Missier fejn hemm post għal kulħadd, kull wieħed bil-ħajja iebsa tiegħu” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, nru 47).

Bl-istess mod l-Insara kollha msejħin jixbhu lir-Ragħaj it-Tajjeb. Fuq kollox il-familji Nsara jistgħu jikkollaboraw miegħU biex jieħdu ħsieb tal-familji miġruħa, huma u jseħbuhom fil-ħajja tal-fidi tal-komunità. Kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u jagħmel tiegħu l-imġiba tar-Ragħaj it-Tajjeb, li jaf lil kull waħda min-nagħġiet tiegħu u lil ħadd ma jħalli barra mill-imħabba tiegħu bla tarf!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading