Nieqfu kontra kankru soċjali

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap 

Fl-Ittra Pastorali li ħarġet il-Konferenza Episkopali Filippina għal dan ir-Randan, li ġġib il-firma tal-Arċisqof Mons. Socrates B. Villegas, President tal-istess konferenza, fissret il-pornografija bħala “kankru soċjali pervażiv” li qed “iħassar għadd bla qies ta’ irġiel, nisa, u tfal mal-erbat irjieħ tad-dinja”. L-Isqfijiet qalu wkoll li l-pornografija hija “traġedja kontemporanja”.

Pajjiżna m’huwiex nieqes mill-pornografija. B’xorti ħażina l-pornografija online saret wisq aċċessibbli u, ħafna drabi, il-fatt li hija mingħajr ħlas tagħmilha aktar faċli biex il-persuna tinqbad fiċ-ċirku vizzjuż u qerriedi tagħha. L-għaliex il-pornografija tħassar lill-bniedem? Għaliex hija ħażina?

Kif ifisser il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, il-pornografija “toħroġ fil-beraħ l-atti sesswali, veri jew taparsi, li jsiru fl-intimità bejn il-miżżewġin, u dan bil-ħsieb li jarawhom nies oħra” (nru. 2354). Il-pornografija magħha tinkludi wkoll xeni viżwali, testi miktuba u konverżazzjoni li wieħed jista’ jismagħhom bil-għan li jitnisslu x-xewqat erotiċi tal-oħrajn.

Il-pornografija tikser gravament il-virtù tal-kastità. Dan l-għaliex, bħala “lussurja, hi xewqa diżordinata jew gost bla rażan ta’ pjaċir venerju. Il-pjaċir sesswali hu diżordinat meta hu mfittex għalih innifsu, bla ebda ħsieb ta’ tnissil u lanqas ta’ għaqda ma’ xulxin” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika nru. 2351). Il-pornografija proprju għandha l-għan li tqanqal dan il-pjaċir sesswali diżordinat. Barra minhekk wieħed jinħtieġlu jsemmi wkoll il-ħsara kbira li sseħħ lid-dinjità tal-persuni kollha involuti fil-pornografija jiġifieri dawk li jaħdmu fiha, il-konsumaturi, il-produtturi u anki d-distributuri. Dawn il-persuni kollha jispiċċaw imneżża’ mid-dinjità tagħhom ta’ bnedmin ħtija ta’ industrija li l-eżiżtenza aħħarija tagħha hija biss li tirrendi lill-persuni oġġetti ta’ profitt illeċitu tal-flus.

Fl-Ittra Pastorali tagħhom l-Isqfijiet Filippini jgħidu li “l-pornografija tagħmel ħsara lil dawk li jaħdmu fl-industrija tas-sess. Anki meta huma taw il-kunsens għall-attivitajiet immorali tagħhom”. Il-pornografija tbaxxilhom id-dinjità tagħhom ta’ bnedmin maħluqa xbieha ta’ Alla li ġew maħluqa għall-imħabba u tirriduċihom “sempliċiment f’oġġetti li huma mixtrija, mibjugħa u użati mill-oħrajn għall-gratifikazzjoni sesswali”. Ma rridux lanqas ninsew li l-pornografija tfixkel il-proċess tal-iżvilupp emozzjonali u iġġerraħ lil qalbhom b’weġgħat li, fi kliem l-Isqfijiet, “jagħmluha diffiċli għalihom li jidħlu f’relazzjonijiet li jagħtu l-ħajja ta’ fiduċja reċiproka u rispett li għalihom ġew maħluqa”. Dawk li jesibixxu ruħhom fil-pornografija jħabbtu wkoll wiċċhom ma’ ħsara fiżika, abbuż sesswali u infezzjonijiet li jgħaddu minn persuna għall-oħra permezz tal-attività sesswali.

It-tieni nett, il-pornografija tagħmel ħsara kbira lill-konsumaturi li jarawha. Dan l-għaliex hija tħassar il-kapaċità tal-persuna li tiżviluppa relazzjonijiet intimi u awtentiċi. L-Isqfijiet ifissru li l-pornografija “tħeġġeġ lill-irġiel u n-nisa joġġettivaw lill-oħrajn ħalli ma jarawhomx bħala individwalment uniċi u ta’ valur”. Fi ftit kliem il-pornografija tippreżenta u twassal viżjoni perversa għall-aħħar tas-sesswalità umana li hija spiss maqgħuda mal-vjolenza, l-abbuż u l-vittimizzazzjoni tal-oħrajn, l-aktar tan-nisa. Il-pornografija tirrendi lill-konsumaturi ilsiera tal-lussurja li, kif ifisser tajjeb il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, m’hija xejn għajr “il-pjaċir sesswali … diżordinat meta hu mfittex għalih innifsu” (nru. 2351).

L-aktar faxxa ta’ nies li jitkissru mill-pornografija hija dik li tħaddan lit-tfal u liż-żgħażagħ. Kif ifissru l-Isqfijiet, minħabba li dawn “jibdew jiskopru s-sejħa tagħhom li jħobbu u jkunu maħbuba” l-pornografija “tagħmilha diffiċli għalihom biex jidħlu b’mod sħiħ f’relazzjonijiet fejn wieħed jingħata, ikun hemm fiduċja reċiproka, sagrifiċċju, u rispett li huwa neċessarju għaż-żwieġ”. Għadd ta’ studji wrew kemm meta ż-żgħażagħ iqattgħu ħin twil jaraw il-pornografija mhux biss isiru ċiniċi dwar l-imħabba, iż-żwieġ u t-trobbija tal-ulied imma wkoll jitnisslu fihom imġibiet sesswali li jpoġġuhom f’periklu kbir għall-mard infettiv li jittieħed permezz tal-attività sesswali.

Tajjeb hawhekk li wieħed ifakkar ftit dak li kien qal Papa Franġisku fil-Messaġġ tiegħu għar-Randan tal-2014 meta ittratta l-pornografija bħala waħda mill-vizzjijiet li jagħmlu ħsara kbira lill-familja. “Kemm ħsara tiġi ikkawżata fil-familji l-għaliex wieħed mill-membri tagħhom – ġeneralment persuna żgħażugħa – tispiċċa ilsiera tal-alkoħol, tad-drogi, tal-logħob jew tal-pornografija”. Ejjew ma ninsewx li anki jekk wieħed jara pornografija mhux daqshekk ta’ spiss jista’ iwasslu jew iwassalha għad-dipendenza fuqha. Bħalma juru l-esperjenzi tal-ħajja din id-dipendenza tista’ iġġerraħ liż-żwiġijiet u tkisser il-familji għax iddgħajjef il-fiduċja u kif ukoll l-intimità sħiħa li permezz tagħhom mara u raġel jintrabtu flimkien fiż-żwieġ.

Fl-aħħar nett, kif ifissru l-Isqfijiet fl-Ittra Pastorali tagħhom, “il-pornografija tħassar il-produtturi u d-distributuri tagħha. Hija iddawwarhom fi sfruttaturi bla qalb li jieħdu vantaġġ mill-vulnerabiltajiet emozzjonali, psikoloġiċi u ekonomiċi tal-esibizzjonisti tas-sess u tal-konsumaturi għall-profitt u l-qliegħ tal-flus”. Kif wieħed jista’ jimmaġina l-pornografija hija partikolarment ħażina meta tagħmel persuni kompliċi f’atti kriminali tal-abbuż tat-tfal u kif ukoll tat-traffikar ta’ persuni. Fl-aħħar nett, il-pornografija tagħmi lil kull persuna milli tara tassew is-sbuħija vera u t-tifsira għanja tas-sesswalità umana.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha l-Isqfijiet Filippini waslu għall-konklużjoni li “l-pornografija hija ħażen gravi l-għaliex tattakka u ddgħajjef mhux l-persuna individwali biss imma wkoll il-ġid komuni”. Għalhekk, min jipproduċi, iqassam u juża’ l-pornografija qed iwettaq “dnubiet serji kontra l-kastità u d-dinjità umana”. Min iwettaqhom għandu jqerrhom bil-għan li jirċievi l-maħfra u l-ħniena ta’ Alla. L-Isqfijiet jerġgħu jisħqu li dawn l-atti huma “immorali u ta’ ħsara mhux biss fihom infushom imma wkoll l-għaliex spiss imexxu individwi biex iwettqu dnubiet gravi oħra u anki atti kriminali serji li jfixklu l-paċi u l-għaqda ta’ kull soċjetà”.

Minflok l-Isqfijiet Filippini, fl-Ittra Pastorali tagħhom tar-Randan, ħeġġu għall-viżjoni sabiħa u b’saħħitha tas-sesswalità umana. Saħqu dak li għallem San Ġwann Pawlu II: “Il-ġisem, li bil-maskulinità jew il-femminilità mill-bidu jgħin lir-raġel u lill-mara biex isibu lilhom infushom fil-komunjoni tal-persuni, isir, b’mod partikulari, l-element konstitwenti għall-għaqda tagħhom, meta jsiru raġel u mara fiż-żwieġ”. L-Isqfijiet ifakkru li “l-iġsma tagħna juru li aħna niġu minn ħaddieħor u ġejna magħmula għal ħaddieħor. Juru li s-sesswalità tagħna hija rigal sabiħ minn Alla li hija ordinata lejn il-perfezzjoni tas-sejħa tagħna li nħobbu”.

Barra minhekk l-Isqfijiet jgħallmu li “l-għaliex aħna ġejna maħluqa għall-imħabba ġejna wkoll maħluqa għall-kastità… Il-persuna kasta hija dik li trażżan ix-xewqat għall-pjaċir sesswali bil-għan li tkun tista’ tesperjenza u tgħix relazzjonijiet li huma veri, tajbin u sbieħ. Il-kastità tgħin lill-persuna tagħraf il-verità profonda li s-sesswalità tagħna hija primarjament ordinata għall-imħabba bejn raġel u mara fiż-żwieġ… Għalhekk ma tittollerax ħajja doppja jew dupliċità fil-kliem”.

Il-qrar, il-ħarba mill-okkażjoni tad-dnub, it-tħaddim tal-virtujiet morali, it-talb u anki liġijiet li jiddefenduna mill-pornografija jgħinuna bis-sħiħ biex nieqfu kontra dan il-kankru soċjali li qed jherrina.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading