Ġesù li jiġġudika bil-ħniena għax hu l-milja tal-liġi

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 3 ta’ April 2017. Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta.

Ġesù li jiġġudika bil-ħniena hu l-milja tal-liġi, qal dalgħodu l-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Franġisku stedinna biex ma niġġudikawx imma biex naħfru.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=rutaiJ3Q-bU?rel=0&controls=0&showinfo=0&w=560&h=315%5D

Quddiem id-dnubiet u l-korruzzjoni, il-milja tal-liġi waħdanija hi Ġesù. Il-Papa Franġisku kien qed jagħmel riflessjoni dwar il-Vanġelu minn San Ġwann li jtina s-silta dwar il-mara adultera, u Ġesù jgħid lil dawk li kienu qed jakkużawha: ‘Min minnkom hu bla ebda ħtija, jitfgħalha l-ewwel ġebla.’

Il-Qdusija Tiegħu għaqqad fir-riflessjoni, l-ewwel qari meħud mill-Ktieb tal-Profeta Danjel li jirrakkuntalna dwar Susanna u ż-żewġ imħallfin diżonesti li vvintaw li hi kienet adultera u fejn il-mara kienet imġiegħla tagħżel bejn il-fedeltà lejn Alla u l-liġi jew li ssalva ħajjitha.

Madankollu, qal Franġisku, hi kienet fidila lejn żewġha, anke jekk forsi kellha dnubiet oħra, għax aħna lkoll midinbin u l-unika mara li ma dinbitx kienet il-Madonna.

Fiż-żewġ episodji tal-qari tal-lum għalhekk niltaqgħu mal-innoċenza, id-dnub, il-korruzzjoni u l-liġi, għax fiż-żewġ każi l-imħallfin kienu korrotti.
Fid-dinja, kompla jgħid il-Papa, minn dejjem kien hawn imħallfin korrotti. Illum, u f’kull rokna tad-dinja, jeżistu wkoll.

Għaliex tidħol il-korruzzjoni fil-persuna? Għax ħaġa hi d-dnub – nidneb, inkun infidil lejn Alla, imma mbagħad infittex nagħmel paċi mal-Mulej; imma l-korruzzjoni hi meta d-dnub jidħol fil-fond tal-kuxjenza, tant li lanqas iħallilek post għall-arja.

Il-korrotti, issokta Franġisku, jemmnu li qed jagħmlu t-tajjeb. Fil-każ ta’ Sużanna, l-imħallfin anzjani kienu korrotti mill-vizzju tal-konkupixxenza u heddew li jagħtu xhieda falza kontriha.

Dan mhux l-uniku każ fl-Iskrittura, osserva l-Papa, li fih jidhru xhieda foloz. Niftakru li Ġesù kien kundannat minħabba xhieda foloz.

Fil-każ tal-adultera nsibu li kienu qed jakkużawha mħallfin oħra li kienu tilfu rashom u ħallew tinżera’ fihom interpretazzjoni tal-liġi tant riġida li ma kinitx tħallilhom wisa’ għall-Ispirtu s-Santu. Din hi l-korruzzjoni tal-legalità, tal-legaliżmu kontra l-grazzja. Imbagħad hemm Ġesù, il-veru Mgħallem tal-Liġi, quddiem l-imħallfin foloz, li qalbhom kienet imħassra u kienu jaqtgħu sentenzi inġusti billi jgħakksu lill-innoċenti u jaħfruha lil min hu ħażin.
Ġesù, kompla l-Papa, jgħid ftit kliem: ‘Min minnkom hu bla ħtija, jitfa’ l-ewwel ġebla.’ U lill-midinba: ‘Jien ma nikkundannakx, Mur u tidnibx aktar.’
Din hi l-milja tal-liġi, mhux dik tal-Iskribi u l-Fariżej li kellhom moħħhom korrott minħabba l-bosta liġijiet li kienu għamlu, tant liġijiet mingħajr wisa’ għall-ħniena. Ġesù hu l-milja tal-liġi u Ġesù jiġġudika bil-ħniena.

Ġesù, żied jgħid Franġisku, kellu kliem xejn sabiħ għall-imħallfin korrotti, li fi kliem il-Profeta kienu ‘xjaħu fil-vizzji’. Allura l-Papa għamel stedina biex naħsbu fil-mod ħażin li bih aħna niġġudikaw lin-nies.

Aħna wkoll niġġudikaw qlub l-oħrajn, qal il-Papa. Aħna korrotti. Ejjew nieqfu minn dan u niġġudikaw dejjem bil-ħniena: ‘Lanqas jien ma nikkundannak. Mur fil-paċi u tidnibx aktar,’ temm il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading