Is-Salib m’għandux ikun għalina sinjal ta’ sħubija biss

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 4 ta’ April 2017. Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Is-salib m’għandux ikun għalina sinjal ta’ sħubija biss, qiesu xi ‘baġġ fuq il-pavru’, imma għandna nħarsu lejn il-Kurċifiss qiesna qed inħarsu lejn dan Alla li sar dnub biex isalvana. Il-Papa Franġisku għamel din l-eżortazzjoni dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=xWG9v9LxyX8?rel=0&controls=0&showinfo=0&w=560&h=315%5D

Fil-Vanġelu tal-liturġija tal-lum, Ġesù għal tliet darbiet jgħid lill-Fariżej: ‘Tmutu fi dnubietkom,’ għax kellhom qalbhom magħluqa u ma kinux jifhmu l-misteru li kien hemm fil-Mulej. Li tmut fid-dnub tiegħek hi ħaġa kerha ħafna, qal il-Papa.

Fid-djalogu magħhom, Ġesù jfakkar: ‘Meta Bin il-Bniedem ikun merfugħ tkunu tafu li jien ma nagħmel xejn għalija nnifsi.’ Kien qed jirreferi, qal Franġisku, għal dak li hemm fl-ewwel qari, meta l-poplu li ddejjaq jimxi, tbiegħed mill-Mulej u beda jgemgem fuq Mosè u l-Mulej.

Allura ġew is-sriep qerrieda u l-Mulej jgħid lil Mosè biex jagħmel serpent tal-bronż u jarbulah fuq lasta: kull min jingidem mis-sriep u jħares lejh, ifiq u jgħix.

Is-serpent, kompla Franġisku, hu simbolu tax-xitan, missier il-gideb, missier id-dnub, dak li waqqa’ lill-umanità fid-dnub. U Ġesù jfakkar: ‘Meta jien inkun merfugħ ‘il fuq, kulħadd jiġi għandi.’

Dan hu l-misteru tas-salib. Is-serpent tal-bronż kien ifejjaq imma kien sinjal ta’ żewġ affarijiet: tad-dnub magħmul mis-serpent, tas-seduzzjoni tiegħu u tal-ħażen ta’ moħħu; imma kien ukoll is-sinjal tas-salib ta’ Kristu. Kien profezija, spjega l-Papa.

Għaldaqstant Ġesù sar dnub, kif jgħidilna San Pawl, u ħa fuqu l-ħmieġ kollu tal-umanità; ried jintrefa’ biex il-bnedmin miġrugħin bid-dnub, iħarsu lejh. U min ma jagħrafx f’dak ir-raġel merfugħ ‘il fuq, il-qawwa ta’ Alla li sar dnub biex ifejjaqna, għad imut fi dnubu.

Is-salvazzjoni tiġi biss bis-salib, imma s-salib li hu Alla, li sar laħam. M’hemmx salvazzjoni bl-ideat, m’hemmx salvazzjoni bir-rieda tajba, bix-xewqa li nkunu tajbin…. Le. L-unika salvazzjoni tinsab fi Kristu msallab, għax Hu biss, bħalma jfisser is-serpent tal-bronż, kellu ħila jieħu fuqu l-velenu kollu tad-dnub biex isalvana.

Imma xi jfisser għalina s-salib? Huwa s-sinjal tal-Insara, huwa s-simbolu tal-Insara. Aħna nagħmlu s-sinjal tas-salib u mhux dejjem inrodduh tajjeb għax m’għandniex din il-fidi fis-salib.
Xi drabi, għal xi nies, dan hu ‘baġġ’ li turi ma’ min huma msieħba: ikolli fuqi s-salib biex nuri li jien Nisrani. Dak tajjeb, imma mhux biżżejjed. Is-salib mhux ‘baġġ’ qiesna ta’ xi tim sportiv, imma tifkira ta’ Dak li sar dnub.

Oħrajn ikollhom fuqhom is-salib bħala tiżjin. Xi wħud ikollhom slaleb bil-ħaġar prezzjuż biex jidhru, kompla josserva Franġisku.

Lil Mosè Alla qallu: ‘Min iħares lejn is-serpent, ifiq.’ Lill-għedewwa tiegħu Ġesù jgħidilhom: ‘Meta tkunu erfajtu ‘l fuq lil Bin il-Bniedem, taraw min hu.’

Min ma jħarisx lejn is-salib hekk, bil-fidi, imut fi dnubietu, ma jirċevix dik is-salvazzjoni. Għalhekk, issokta l-Papa Franġisku, il-Knisja tipproponi djalogu mal-misteru tas-salib, mal-misteru ta’ dan Alla li sar dnub għal imħabbtu lejja.

U kull wieħed u kull waħda minna jista’ jgħidu dan: għall-imħabba tiegħu lejja.

Imbagħad naħsbu: jien kif qed inġorru s-salib? Bħala tifkira? Meta nagħmel is-sinjal tas-salib, inkun naf x’qed nagħmel? Kif inġorru s-salib? Bħala sinjal li jien membru ta’ grupp reliġjuż? Bħala ġojjell b’ħafna ħaġar prezzjuż, tad-deheb?

Tgħallimt inġorru fuq spallti, temm il-Papa, hemm, fejn inweġġa’?
Kull wieħed u waħda minna llum, inħarsu lejn il-Kurċifiss, inħarsu lejn dan Alla li sar dnub biex aħna ma mmutux fi dnubietna, u nwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet li għamiltilkom.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading