L-Ispirtu jeħlisna, ngħidu ‘le’ għall-kompromessi u għar-riġidità

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 24 ta’ April 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Qatt m’għandna ninsew li l-fidi tagħna hi ħaġa konkreta u tirrofta l-kompromessi u l-idealiżmi.  Dan qalu l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.  L-Ispirtu s-Santu, saħaq il-Papa, jtina l-ħelsien biex inxandru l-Vanġelu mingħajr kompromessi u riġidità.

Fil-quddiesa ħadu sehem il-Kardinali kunsillieri tal-Papa li mil-lum se jkollhom il-laqgħat ma’ Franġisku.

Illum kienet l-ewwel darba li l-Papa ċċelebra l-quddiesa wara l-waqfa għal żmien il-festi tal-Għid.

Huwa għamel riflessjoni dwar il-laqgħa ta’ Nikodemu ma’ Ġesù u x-xhieda ta’

Pietru u Ġwanni wara li kienu fejqu lill-magħtub.

Ġesù, osserva l-Papa, lil Nikodemu jispjegalu bl-imħabba u l-paċenzja li jeħtieġ jitwieled mill-ġdid minn fuq, jitwieled mill-Ispirtu.  Ifisser li jibdel il-mentalità tiegħu.  Biex nifhmu sewwa dan, żied jgħid il-Papa, nistgħu nieqfu ftit fuq l-ewwel qari tal-ġurnata, meħud mill-Atti tal-Appostli.

Pietru u Ġwanni fejqu wieħed magħtub u d-dutturi tal-liġi ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu għax dak li sar kien pubbliku.

Waqt l-interrogatorju, l-Appostli jwieġbu bis-sempliċità u meta jwissuhom biex ma jsemmu xejn aktar dwar il-miraklu huma jwieġbu: ‘Ma nistgħux naħbu dak li rajna u smajna.  M’aħniex se nieqfu.’

Hekk hu, qal il-Papa, dan hu fatt konkret, hi fidi konkreta fil-konfront tad-dutturi tal-liġi li għandhom l-għan li jinnegozjaw biex jaslu għal xi kompromess.

Pietru u Ġwanni huma kuraġġużi, kienu onesti, kellhom il-libertà tal-Ispirtu li jfisser li titkellem bil-miftuħ, bil-kuraġġ, tgħid il-verità mingħajr kompromessi.  Din hi l-konkretezza tal-fidi.

Xi drabi, kompla jgħid il-Papa, aħna ninsew li l-fidi tagħna hi konkreta: Il-Verb sar bniedem, ma sarx idea: sar laħam.  Meta nirreċitaw il-Kredu ngħidu affarijiet konkreti: Nemmen f’Alla l-Missier li ħalaq is-sema u l-art, nemmen f’Ġesù Kristu li twieled u miet…  Dawn huma kollha affarijiet konkreti.

Il-Kredu ma jgħidx: Jiena nemmen li nista’ nagħmel din jew l-oħra jew li l-affarijiet isiru għal xi raġuni jew oħra, le.  Nistqarru ħwejjeġ konkreti.  Il-konkretezza tal-fidi ttina l-onestà, inkunu xhieda sal-martirju, tmur kontra l-kompromessi jew li lill-fidi nirriduċuha qisha xi ideal.

Għad-dutturi tal-liġi, kompla jgħid il-Papa, il-Verb ma sarx bniedem, sar liġi, u allura: irid isir hekk u ma nistgħux naqbżu dil-linja; irid isir hekk u hekk u xejn aktar.

B’hekk huma maqbudin fin-nassa tal-mentalità razzjonalistika, li fil-fatt, ma spiċċatx magħhom, osserva b’mod ironiku l-Papa.  Għax fl-istorja tal-Knisja, bosta drabi, kienet il-Knisja stess li kkundannat ir-razzjonaliżmu, l-illuminiżmu, iżda ħafna drabi waqgħet hi stess f’teoloġija ta’ ‘x’jista’ jsir u x’ma jistax’, ‘sa hawn iva, iktar ‘il hinn, le’.  B’hekk insiet il-qawwa, il-libertà tal-Ispirtu, it-twelid mill-ġdid mill-Ispirtu li jtik il-libertà, l-onestà tal-predikazzjoni, it-tħabbira li Ġesù Kristu hu l-Mulej.

Nitolbu lill-Mulej, issokta l-Papa Franġisku, li jtina din l-esperjenza tal-Ispirtu li jmur u jiġi u jmexxina ‘l quddiem, l-Ispirtu li jtina d-dilka tal-fidi, id-dilka tal-konkretezza tal-fidi.

Ir-riħ jonfoħ ‘il fejn irid u inti tisimgħu, imma ma tafx minn fejn ġej u lanqas fejn sejjer.  Kull min twieled mill-Ispirtu s-Santu hekk ikun:  jisma’ l-leħen, jimxi wara r-riħ, isegwi l-leħen tal-Ispirtu mingħajr ma jaf fejn se jispiċċa, għax għamel għażla favur il-konkretezza tal-fidi u t-twelid mill-ġdid mill-Ispirtu.

Jalla l-Mulej, temm l-omelija l-Papa Franġsiku, jagħti lilna lkoll dan l-ispirtu tal-Għid, li nimxu fit-triq tal-Ispirtu mingħajr kompromessi, mingħajr riġidità, bil-libertà li nħabbru li Ġesù Kristu huwa dak li ġie, li sar laħam.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading