Katidral ad unur Santa Tereża ta’ Kalkutta

Print Friendly, PDF & Email

Il-Tlieta, 5 ta’ Settembru 2017: Għoxrin sena wara l-mewt ta’ Madre Tereża ta’ Kalkutta, eluf ta’ Kristjani u Musulmani ltaqgħu biex jiċċelebraw il-konsagrazzjoni tal-Konkatidral Kattoliku fi Pristina, il-kapitali tal-Kosovo, ad unur il-qaddisa l-ġdida.

Il-Katidral ta’ Santa Tereża huwa l-ewwel post ta’ qima dedikat lill-qaddisa Albaniża.  Il-konsagrazzjoni saret nhar il-5 ta’ Settembru 2017, l-ewwel anniversarju tal-kanonizzazzjoni tagħha.

L-ewwel ġebla tal-Katidral tpoġġiet f’Awwissu 2005 minn Ibrahim Rugova, l-ewwel president tal-Kosovo, illum mejjet.  Il-bini nnifsu beda fl-2007.  L-Aid to the Church in Need (l-ACN) ikkontribwiet 1.7 miljun dollaru.  L-Isqof Dode Gjergji ta’ Pristina qal:  “Aħna dħalna għal dan il-proġett għax nittamaw fil-providenza t’Alla, fis-saħħa tan-nazzjon tagħna u fil-kontribuzzjonijiet tal-poplu tagħna.  Aħna ħsibna li l-kostruzzjoni se tieħu s-snin.  L-Aid to the Church in Need kienu l-aktar li ssapportjaw dan il-proġett.  Grazzi tal-koperazzjoni kbira tagħkom.”

Meta tkellem f’isem il-Kardinal Mauro Piacenza, President Internazzjonali tal-ACN, l-Assistent Spiritwali Internazzjonali tal-Fondazzjoni, Dun Martin Barta, qal fid-diskors tiegħu għall-okkażjoni: “Inħossni verament ferħan li l-Fondazzjoni Pontifiċja Aid to the Church in Need ikkontribwiet attivament għall-bini ta’ dan il-Konkatidral. Santa Tereża ta’ Kalkutta itlob għalina lkoll, ulied Alla; itlob sabiex f’din l-art – maħsula għal żmien twil wisq bid-demm u d-dmugħ, u feruta bil-vjolenza – din il-Knisja li ġġib ismek tkun post ta’ talb sinċier, ta’ laqgħa, ta’ djalogu u ta’ rispett.”

Għalkemm il-Vatikan għadu ma jirrikonoxxix l-indipendenza tal-Kosovo mis-Serbja – li kienet dikjarata fl-2008 – il-Papa Franġisku appunta lill-Kardinal Ernest Simoni, li għandu 88 sena, bħala r-rappreżentant speċjali tiegħu biex imexxi ċ-ċerimonja.  Simoni, qassis Albaniż, baqa’ ħaj minkejja li għadda kważi tletin sena f’kampijiet tax-xogħol.  Huwa ġie darbtejn sentenzjat għall-mewt fi żmien id-dittatorjat komunista Albaniż ta’ Enver Hoxha.

Isqfijiet tal-Knejjes Ortodossi tal-Albanija u s-Serbja, kif ukoll it-tmexxija ta’ diversi komunitajiet Iżlamiċi, attendew iċ-ċerimonja.  Minkejja li l-komunità Kattolika hija f’minoranza f’dal-pajjiż predominantement Musulman, hija tgawdi rispett u awtorità konsiderevoli.  Il-Musulmani Albaniżi jħarsu lejn il-Kattoliċi u s-saċerdoti tagħhom bħala l-protetturi tal-identità u l-istorja Albaniża.  It-tmexxija politika tal-Kosovo tat lill-Knisja Kattolika fil-Kosovo rikonoxximent speċjali meta approvat il-bini tal-Katidral ta’ Madre Tereża fi Pristina.

Ftit tas-snin ilu, dak li qabel kien jaġixxi ta’ Chairman tal-Assemblea tal-Kosovo, Jakup Krasniqi, qal li l-proġett kien ingħata s-sapport politiku minħabba r-rwol uniku li l-Knisja għandha fil-kultura u l-identità nazzjonali Albaniża. L-aktar dokumenti antiki bil-lingwa Albaniża – per eżempju, il-formola tal-Magħmudija u l-Iskrittura – ġejjin mill-Knisja Kattolika. Skond Krasniqi, din hija r-raġuni għaliex l-Iżlam u l-Kristjaneżmu għexu ma’ xulxin fl-armonija fil-Kosovo.  Din hija relazzjoni li hija prattikament unika fil-Balkani.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading