Dun Brendan Gatt bħala Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Ekkleżjastiku

Print Friendly, PDF & Email

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Brendan Gatt bħala Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Ekkleżjastiku tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, bid-data effettiva tas-7 ta’ Jannar 2018, festa ta’ San Rajmondu ta’ Peñafort, il-qaddis patrun ta’ dawk li jagħtu servizz fil-qrati tal-Knisja.

17 DUN BRENDAN GATTDun Brendan Mark Gatt twieled fil-25 ta’ Marzu 1978. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja u sekondarja fil-Kulleġġ De La Salle, il-Birgu. F’Settembru 1997 daħal is-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù, filwaqt li studja l-Filosofija u t-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Bħala parti mill-formazzjoni saċerdotali tiegħu, matul is-sena akkademika 1999 – 2000, qatta’ sitt xhur jaħdem bħala ġurnalist u producer ma’ Radju RTK, u sitt xhur oħra jikseb esperjenza pastorali fil-parroċċa Our Lady of Mercy, fil-belt ta’ Baton Rouge, Louisiana (USA).

Dun Brendan ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 2004. F’Settembru tal-istess sena kompla l-istudji tiegħu billi speċjalizza fil-Liġi Kanonika fl-Università Pontifiċja Gregorjana, Ruma. F’Ġunju 2007 huwa kiseb Liċenzjat fil-Liġi Kanonika. Wara dan, segwa wkoll il-kors speċjalizzat ta’ Diploma fil-Ġurisprudenza Kanonika fl-istess università.

F’Ġunju 2009 rritorna Malta fejn ħadem bħala Difensur taż-Żwieġ u Promotur tal-Ġustizzja fit-Tribunal Ekkleżjastiku tal-Arċidjoċesi ta’ Malta (l-Ewwel Istanza). Bejn l-2011 u l-2014 Dun Brendan serva wkoll bħala mħallef fit-Tribunal Ekkleżjastiku tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

Fl-2014 inħatar imħallef fit-Tribunal Reġjonali tat-Tieni Istanza, u f’Ġunju tal-2015 sar imħallef fit-Tribunal Ekkleżjastiku tal-Arċidjoċesi ta’ Malta (l-Ewwel Istanza). Wara li fis-sajf tal-2016 Mons. Carmelo Zammit inħatar Isqof ta’ Ġibiltà, fl-1 ta’ Awwissu 2016, Dun Brendan ingħata l-inkarigu ta’ Vigarju Ġudizzjali Aġġunt fit-Tribunal Metropolitan ta’ Malta.

Matul dawn is-snin, Dun Brendan serva wkoll f’diversi parroċċi u komunitajiet, inkluż il-parroċċa tiegħu, il-Mosta. Bejn l-2009 u l-2012 kien rettur taż-Żona Pastorali Marija Omm il-Knisja, f’Ta’ Mlit, il-Mosta. Mill-2014 ’l hawn huwa qed jgħin bħala saċerdot fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp, l-Msida; bejn l-2015 u l-2016 kien ukoll membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Radju RTK. Bħalissa huwa jservi wkoll bħala direttur spiritwali ta’ diversi għaqdiet u gruppi fosthom it-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku f’Malta, u VOTO, il-Voluntiera tal-Ordni ta’ San Ġwann (SMOM).

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading