L-Evanġelju tas-Sibt, 27 ta’ Jannar 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum:http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 4, 35-41

Dan min hu? Dawn it-tlitt kelmiet għandhom valur kbir għalija. Meta ħarġet l-ewwel edizzjoni tal-Evanġelju ta’ San Mark għalih waħdu fi ktejjeb, fuq il-qoxra ta’ quddiem kien hemm ritratt tax-xatt meħud minn fuq il-pruwa tal-lanċa li missieri kien juża biex jitma lilna. Ritratt li minbarra li għandu valur sentimentali kbir għalija għandu tifsira għaliex il-Kelma ta’ Alla u l-ewwel mistoqsija u rejazzjoni tal-bniedem għal dak li Alla jrid iwassalu hija din: Dan min hu?

Mhux l-ewwel darba li fl-evanġelju ta’ San Mark, in-nies jistgħaġbu, mhux biss b’li kien jagħmel Ġesù, iżda b’li kien jgħid u kif jgħidu. Dan min hu?

Sar filgħaxija, il-jum wasal fi tmiemu u normalment kulħadd ilesti biex jorqod; ħadd ma jibda vjaġġ meta jkun dieħel il-lejl, iżda s-seher ta’ Ġesù jiġbed warajh lil kull min jisimgħu u jagħmilha miegħu, tmilielu qalbu bil-kuraġġ u t-tama lil-anqas il-lejl ma hu ta’ periklu, u billejl ukoll wieħed jista’ jkompli t-triq li jkun qabad matul il-jum. Jekk nimxi f’wied mudlam, ma natqax qalbi għax inti miegħi, il-ħatar u l-għasluġ tiegħek huma jwennsuni. In-nies iridu jmorru miegħu b’dgħajjes oħra, bit-tama li ma jitilfuhx, bir-ried ali jibqgħu miegħu.

Iżd amhux kollox ward u żaħar; għal min imur ma’ Ġesù mhux dejjem bnazzi. Marku jgħidilna li f’nofs ta’ baħar, qam riefnu. Mhix ħaġa fenomenali. Il-qagħda ġeografika tal-baħar tal-Gallilija, għadira kbira f’nofs art imħattba bl-għoljiet tagħti lok għal tempesti ta’ riħ għall-għarrieda, li jaħsdu li min ma jkunx imdorri u jbeżżgħu anke lil min hu tas-sengħa. Id-dgħajjes faċli jibdew jimtlew bl-ilma b’theddida serja tal-qerda tad-dgħajsa u, għal min ma jafx jgħum sewwa, b’sogru ta’ telfienta’ ħajja. Dakli beda bi vjaġġ ta’ tama jista’ jintemm fi traġedja.

U Ġesù rieqed komdu fuq imħadda. San Mark jgħidilna fejn ukoll. Minn tant postijiet fejn seta’ jorqod, u normalment min se jorqod fuq dgħajsa, jorqod fil-pruwa, San Mark jagħżel il-poppa, fejn normalment ikun hemm it-tmun, u dak li dmiru hu li jagħti direzzjoni lid-dgħajsa jkun imwaħħal miegħu, iktar u iktar jekk id-dgħajsa titmexxa bil-qlugħ. Kif jorqod hu id-dgħajsa tintelaq mar-riħ u ma tmurx lejn fejn kellha tmur iżda tintelaq mar-riħ.

Sakemm kien rieqed id-dixxipli u dawk ta’ magħhom ma qalu xejn. Ma kienx jimpurtahom fejn kienu sejrin. Kienu moħħhom mistrieħ li hemm hu. Iżda kif inqala l-għawġ twerwru. Kif qam ir-riħ li beda jgħolli d-dgħajsa u jwaqqagħha id-dgħajsa tant li beda dieħel l-ilma, fenomenu stramb ukoll, għax jekk id-dgħajsa tintelaq mar-riħ, tirkeb il-mewġ u timxi miegħu u allura togħla u taqa’, imma ilma, sakemm ma jkunx maltemp vera qawwi, ma tantx jidħol. Dan ifisser li t-tempesta li qabdithom, kienet waħda kbira.

U kienu qatgħu qalbhom bil-kbir. lanqas dawk li kienu tas-sengħa ma setgħu iżommu d-dgħajsa u jrażżnuha. U qajmuh mir-raqda ħelwa tiegħu. Is-sajjieda esperti qajmu lill-mastrudaxxa għax ħasbu li ġie jaqa’ u jqum minnhom. Kienu għadhom ma jafuhx. Mhux ta’ b’xejn il-mistoqsija: dan min hu?

Fejn hemm hu jinqala l-inkiwet ukoll, iżda għall-kelma tiegħu kollox jikkalma. Dal-biża’ kollu għalfejn? Mela m’għandkomx fidi? Faċli tgħidha Mgħallem, imma ir-riħ qawwi u l-baħar rasu iebsa. Aħna nibżgħu narawk aljenat, m’intix tagħti kasna.

M’hemmx tħieġa ta’ wisq dawl biex din il-ġrajja narawha sseħħ kuljum, b’mod speċjali fid-dgħajsa ta’ Pietru lihi l-knisja u mhux biss imma anke fid-dgħajsa tal-bnedmin li jbaħħru baħar wieħed. Donnu sakemm ikun bnazzi ma niddejqu xejn nesploraw ibħra differenti, inħallu r-riħ imexxina. Iżda kif jinqala l-maltemp, nirrejalizzaw li nistgħu nintilfu, u ġieli nagħtu t-tort lilu wkoll, li mhux hjagħti kasna. Il-fiduċja tagħna fih għandha tkun biżżejjed biex nindunaw li, wkoll meta niddeċiedu li nintelqu mal-kurrent u nittieħdu minn dak li jidher sabiħ madwarna u nduqu t-togħma tal-avventura bla lġiem, hu qiegħed hemm.

San Mark jagħlaq dan ir-rakkont billi jgħid li qabadhom biża kbir, ikbar mit-twerwir li qabdahom minħabba s-sogru ta’ ħajjithom. Dan il-biża jaqbad lilna wkoll meta nagħrfu l-qawwa ta’ dak li hemm magħna u li minkejja li jidher komdu rieqed fuq imħadda, xorta moħħu fina. Danil-biża jaqbadna lkoll u jqanqal fina l-mistoqsija, mhux għax ma nafux min hu imma għax ma nafuhx.

Dan min hu?

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.