Arċisqof Charles J. Scicluna. 2018

Nirringrazzjaw lill-Mulej li ġie jżurna permezz tal-Appostlu Missierna


Is‑Sibt 10 ta’ Frar, festa ta’ San Pawl Nawfragu, fl‑10:30 a.m., Monsinjur Arċisqof iċċelebra Quddiesa fil‑Knisja ta’ San Pawl Milqi, Burmarrad.

377699-740xNone

 

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja ta’ San Pawl Milqi, Burmarrad

Nirringrazzja lill-Kappillan, lil Fr Christian Borg, talli qed jilqagħna hawnhekk f’din il-knisja antika u li tfakkarna propju fl-oqsma ta’ San Publiju. San Pawl Milqi huwa tradizzjonalment ukoll il-post fejn Publiju laqa’ lil Pawlu għal tlitt ijiem u fil-fatt instabu l-fdalijiet ta’ villa Rumana.

Kemm hi ħaġa sabiħa meta aħna naqraw il-Kelma ta’ Alla u nisimgħu isem li nafuh. Kemm hi ħaġa sabiħa li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nkunu fil-post li l-Kelma ta’ Alla nstemgħet. “Meta ħlisna mill-għarqa sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta” (Atti 28, 1) . “Fl-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira li kien jismu Publiju” (v. 7). Għalina dawn il-kliem mhumiex ħrafa għax Malta nafuha, l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publiju, sibnihom. Hawnhekk hawn magħsar kbir taż-żebbuġ bħalma jidher li hawn ukoll postijiet fejn jinżammu l-annimali u minn fejn jieklu. Għax il-villa kienet il-qasam fil-kampanja. Id-dar fil-belt kienu jsejħulha domus. Fl-Imdina hemm id-domus Romana, qabel konna ngħidulha villa romana imma kien żball, għaliex villa hija l-kelma tal-oqsma. Kienet fir-raba’ fejn il-protos; mhux biss in-nobbli ta’ żmien ir-Rumani, kien ikollhom l-għelieqi, is-siġar taż-żebbuġ u l-affarijiet l-oħra li kienu tant għeżież għalihom.

Hawnhekk x’aktarx, li la kien hawn il-prinċep, kien hawn missieru. Hawn min jgħid ukoll li fl-Imdina, l-Isqof Pawlu fejjaq lil missier Publiju. Dan il-post għalina huwa għażiż għax huwa l-post fejn il-protos ta’ Malta laqa’ lil dawn in-nawfragi. Minn hawnhekk x’aktarx setgħu jaraw in-nawfraġju jseħħ bħalma dalgħodu nkalja bastiment ieħor, x’aktarx fl-istess post fejn hemm żewġ kurrenti. Aħna nafu li n-naħa ta’ Fra Ben, f’dik il-ponta, hemm żewġ kurrenti u iżjed ma taqra r-rakkont tal-miġja ta’ San Pawl, anke bir-reazzjoni tal-Maltin, tirrealizza li veru mhux biss id-deskrizzjoni tal-inħawi, li ovvjament inbidlu għax aħna qed ngħidu 2,000 sena ilu, f’2,000 sena l-bajja mtliet ukoll bil-ħama u bir-ramel, u allura dak li kien qrib il-baħar illum huwa iżjed mbiegħed, imma anke qisu l-mentalità tal-Maltin li l-ewwel ħasbuh kriminal, imbagħad ħasbuh alla; minn estrem għall-ieħor.

Imma jiena llum nixtieq insellem lil dawn iż-żgħażagħ li ġew biex minn idejn il-Knisja, illum minn idejn l-Isqof, jirċievu dak li aħna ngħidulu s-simbolu tal-fidi. Xi jfisser? Ġabra qasira ta’ kliem li jipprova jispjega aħna x’nemmnu. Jekk xi ħadd l-iskola jgħidilkom ‘imma inti x’temmen?’ Kif se tgħidlu kollox fil-qosor? Tgħidlu l-Kredu. Il-kelma ‘kredu’ ġejja minn kelma bil-Latin ‘credo’, li hija jiena nemmen. Għalhekk ngħidulu kredu, mill-ewwel kelma, credo. Aħna ngħidu ‘jiena nemmen’ dik il-kelma ‘jiena nemmen’ bil-Latin hija credo. U għalhekk ngħidulu ‘kredu’ bħalma s-Salve Reġina ngħidulha salve regina mill-ewwel żewġ kelmiet; is-Sliema u l-Qaddisa wkoll. It-talb ħafna drabi nkunu nafuh mill-ewwel kelma. U hekk ukoll il-kredu, jibda mill-kelma credo u nafuh bħala dak kollu li jiġbor il-fidi tagħna.

Min ġabilna din il-fidi? Ġabilna appostlu. Il-kelma ‘appostlu’ xi tfisser? Din il-kelma ġejja mill-Grieg u tfisser xi ħadd mibgħut. U dan huwa mibgħut minn Alla, huwa appostlu li xandrilna l-fidi. Issa tgħidli ‘xandrilna l-fidi’ xi tfisser?’ Beda jkellimna fuq Ġesù imma b’mod konkret. Aħna u naqraw dan l-Evanġelju minn San Mark, l-għeluq tal-Evanġelju, għaliex Ġesù mhux biss “jibgħat lid-dixxipli tiegħu fid-dinja kollha jxandru l-bxara t-tajba lill-ħolqien kollu”. Hu jgħid ukoll li “min jemmen u jitgħammed, isalva” (Mk 16, 15-16). Mela bagħathom fid-dinja jxandru l-bxara t-tajba lil kulħadd, bagħathom biex iħeġġu lil min jemmen u jistednuh għall-Magħmudija.

Hu wegħedhom ukoll li mal-kelma tiegħu li huma se jxandru, jissieħbu l-mirakli: “F’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom”. Araw l-ewwel miraklu ta’ San Pawl li nsibuh anke fl-Evanġelju ta’ San Mark. Din il-ħaġa Ġesù wegħeda ma’ min iwassal il-Kelma: “Jaqbdu s-sriep b’idejhom. Jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt, ma jagħmlilhomx ħsara, iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn jfiqu” (Mk 16, 15-18), it-tieni miraklu li jsemmi Ġesù u li jseħħ ukoll hawnhekk f’dawn l-inħawi. Mela Ġesù jsemmi serje ta’ mirakli u aħna bix-xandir tal-kelma mill-Appostlu Pawlu, rajna u konna xhieda ta’ tnejn minnhom. U din il-wegħda ta’ Ġesù, dawn il-mirakli li llum niftakru u nirrakkuntaw, huma l-konferma li ma’ Pawlu kien hemm Ġesù: “Għax jiena magħkom dejjem sal-aħħar tad-dinja” (Mt 28, 20).

Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej li hu ġie jżurna permezz tal-Appostlu Missierna li mill-bidu nett, ftit wara l-qawmien mill-imwiet tiegħu, il-Mulej Ġesù ried li l-poplu tagħna jiltaqa’ miegħu: “Jeħtieġ li taħbtu ma’ gżira” (Atti 27, 16). Kien hemm din iċ-neċċessità: “Jeħtieġ li taħbtu ma’ gżira”. U San Pawl qagħad hawnhekk għal tliet xhur. X’aktarx il-vjaġġ beda fil-bidu tax-xitwa għaliex l-idea kienet li jagħmlu x-xitwa f’port fi Kreta, imma mbagħad iddeċidew li jmorru f’port aħjar, u spiċċaw hawnhekk. Jiġifieri aħna qegħdin niċċelebraw kważi t-tluq ta’ San Pawl, mhux il-miġja, għaliex ix-xitwa dalwaqt tispiċċa. Imma apparti meta ġie eżatt, aħna din il-festa ngħaqqduha wkoll mal-konverżjoni tiegħu li dejjem tiġi ċċelebrata fil-25 ta’ Jannar. U fil-konverżjoni ta’ San Pawl naraw il-konverżjoni tagħna. Alla għażlu biex hu jkun messaġġier ta’ dawk li mhumiex ġejjin mill-poplu Lhudi. Aħna m’aħniex ġejjin mill-poplu Lhudi, imma msejħin ukoll għas-saltna tal-Mulej.

Jiena u nagħtikom dan is-simbolu tal-fidi, il-kredu, għeżież żgħażagħ, qed nafdalkom teżor kbir. Aħna nistqarruh dan il-kredu, il-kredu tal-appostli, imbagħad teħduh magħkom u nawguralkom li fit-tagħlim li tirċievu tifhmu iżjed, titgħallmuh, biex min jistaqsikom ‘imma inti x’temmen? X’temmen inti?’. Meta tgħidu l-kredu hemm dak kollu li huwa għażiż għalina fil-fidi tagħna.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għerf 14, 3-7
Salm: 107, 21-31
Qari II: Atti 28, 1-6
Evanġelju: Mk 16, 15-20

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s