L-Evanġelju tat-Tnejn, 19 ta’ Frar 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 25, 31-46

Normalment il-bnedmin għandhom it-tendenza jinfirdu, f’żewġ blokki jew iktar u, biex jingħarfu minn xulxin, jiddefinixxu lilhom infushom bħala ‘aħna’ u ‘intom’. Il-bnedmin kollha jagħmlu hekk. Anke fil-familji. Aħna, f’Malta, nafu sewwa x’jiġifieri. Ġieli tkun esperjenza li tagħtina gost imma fil-biċċa l-kbira, l-iktar meta l-qasma tkun esaġerata, hija biċċa wġiegħ ta’ ras u tikkawża qsim ta’ qalb.

F’dan ir-rakkont, fl-aħħar silta li qed naqraw matul din is-Sena Liturġika mill-Evanġelju ta’ San Mattew, il-ġnus kollha jinġabru flimkien quddiem Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż. Kienu merħla waħda u ragħaj wieħed, imma issa wasal iż-żmien li jinfirdu biex issir distinzjoni bejniethom. Għalfejn? U għalfejn nagħaġ u mogħoż?

In-nagħaġ u l-mogħoż jixxiebħu ħafna u mhux l-ewwel darba li jitrabbew flimkien. Għal min mhux espert, mhux faċli tagħraf liema hi n-nagħġa u liema hi l-mogħża. Imma l-espert, ir-ragħaj, għandu l-ħila jagħarfhom, anke mill-bogħod, mhux biss għax jidhru differenti imma għax l-imġieba tagħhom hija differenti.

In-nagħaġ għandhom il-fama ħażina li huma stupidi, mhux kapaċi jaħsbu għal rashom, għandhom bżonn ir-ragħaj biex imexxihom. Il-mogħoż indipendenti, arroganti u kapaċi jħarbtu fejn ikunu; lir-ragħaj imexxuh huma. B’dan it-tagħrif, it-tixbieha li jagħmel Ġesù, u li mal-ewwel daqqa ta’ għajn tidher bla għan, f’daqqa waħda tagħmel ħafna sens. Il-fatt li jqiegħed lin-nagħaġ fuq il-lemin u l-mogħoż fuq ix-xellug ukoll jagħtina indikazzjoni ta’ x’ġej. Il-lemin huwa, kulturalment, marbut mat-tajjeb u x-xellug mal-ħażin.

Hu x’inhu l-kas, l-istint tal-merħla, li qatt m’hu tajjeb, f’dan il-waqt wasal fi tmiemu. Huwa ż-żmien li fih kulħadd jieħu li ħaqqu, mhux skont kif imxiet il-merħla imma skont ma għamel meta kien mal-merħla. Ħadd m’hu se jieħu li ħaqqu fuq dak li għamel kulħadd imma fuq dak li għamel hu.

Ġesù jgħid li Bin il-bniedem, li darba stieden lid-dixxipli tiegħu biex, jekk iridu jkunu tassew dixxipli jimxu warajh mgħobbijin bis-salib, issa jgħidilhom: Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Ejjew u ħudu. Mhux iktar ejjew u agħtu jew ejjew u ġorru; ejjew u ħudu dak li tħejja għalikom sa mill-bidu. Intom ġejtu u tajtu u ġarrejtu, issa ejjew u ħudu u jġorrukom. L-istedina tiegħu mhux biss laqgħuha imma għexuha. Qdewh tajjeb kull meta kellu bżonn, kien x’kien il-bżonn tiegħu.

Ġesù jsemmi uħud mill-ħtiġijiet l-iktar fundamentali tal-bniedem. Isemmi żewġ eżempji ta’ bżonnijiet tal-ġisem il-għatx u l-ġuħ; mingħajr ikel u xorb il-bniedem ma jgħixx. Huma ħtiġijiet biex il-bniedem jikber u jkollu l-enerġija biex jaħdem u jieħu ħsieb tiegħu innifsu u ta’ dawk li jiddependu minnu. Isemmi wkoll żewġ eżempji ta’ bżonnijiet biex il-bnedem jgħix f’sigurtà u b’dinjità, saqaf fuq rasu meta jkun mitluf ’il bogħod minn daru, l-ospitalità li kull bniedem għandu bżonn biex iħossu milqugħ; billejl għandu fejn imidd rasu mingħajr ma jkun fil-periklu; u ħwejjeġ x’jilbes, biex jgħix bid-dnijità u mingħajr mistħija; ikun bħal kulħadd ma’ kulħadd. Fl-aħħar isemmi wkoll żewġ ħtiġjiet li jgħinu biex il-bniedem jibqa’ parti mill-familja jew mis-soċjetà. Il-marid mitfugħ f’qiegħ ta’ sodda ma jistax jgħix iktar flimkien mal-oħrajn, huwa limitat fil-movimenti, f’kemm jista’ joħroġ u jieħu sehem fil-ħajja tal-komunità. Il-ħabsi għandu l-libertà tiegħu imrażżna jekk mhux imxejna għal kollox u għalhekk ukoll huwa waħdu bil-piż tal-ħlas għall-ħtijiet tiegħu. Żgur li ma’ dawn hemm ħtiġijiet oħra.

Huma l-ħtiġijiet tal-bnedmin mhux il-ħtiġijiet ta’ Alla u la huma l-ħtiġijiet tal-bnedmin huma l-ħtiġijiet tagħna lkoll. Għalkemm jista’ jidher li Ġesù qed jgħidilna xi premju jieħdu fl-aħħar dawk li jaqdu dawn il-ħtiġijiet, qed jgħidilna wkoll kemm, kull bniedem jaqbillu jaqdi lil kull bniedem ieħor, hu min hu, jemmen x’jemmen, jgħix kif jgħix, fil-ħtiġijiet tiegħu kollha. Ma ninsewx, aħna bnedmin ukoll u llum jew għada il-bżonn jiġi fuq kulħadd.

Dawk li qdew lill-bnedmin fil-ħtiġijiet tagħhom jidħlu fil-hena tas-Saltna, dawk li li ġabu ruħhom ta’ mogħoż jibqgħu barra u l-bieb jingħalaq f’wiċċhom. Is-Saltna li thejjiet għall-imberkin li tbierku b’għemilhom kien għalihom sa minn dejjem, imma n-nar ta’ dejjem, li kien thejja għal dawk li ma riedux jafu, li ħasbu li huma aqwa minn Alla stess, ikun ix-xorti ta’ dawk li seħtu lilhom infushom għax qatt ma taw kas ħadd.

Hija ħaġa tassew stramba kif il-bniedem jinsa li hu bħall-bnedmin l-oħra meta ma jkunx fil-bżonn u jintrikeb mill-ħsieb li qatt ma jista’ jkun bħal min hu, u bħall-mogħoż, jipprova jmexxi kollox hu billi jkun arroganti u jħarbat kull fejn ikun. Hija ħaġa tassew stramba imma mhux daqshekk rari.

Il-Kelma ta’ Alla, bħal dejjem, mhix twiddibna biex twerwirna, imma biex timlilna qalbna bit-tama li għadna fil-ħin biex nistgħu nitbierku, biex inħennu għal min hu fil-bżonn (anke għax nagħrfu li aħna f’xi bżonn jew ieħor ukoll) mhux iżjed biss għax nixtiequ li ħaddieħor iġib ruħu magħna bl-istess mod, iżda għax nafu li kullma qed nagħmlu ma’ ħaddieħor u kullma ħaddieħor qed jagħmel magħna, qed isir ma’ Ġesù stess.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading