L-Ispiritwalità tar-Randan


Kitba ta’ Angelo Xuereb

Ir-Randan huwa iż-żmien ta’ qabel l-Għid. Jikkonsisti f’erbgħin jum ta’ talb u ta’ tħejjija għall-Misteru tal-Għid li jikkonsisti fil-passjoni mewt u qawmien ta Sidna Ġesù Kristu.
In-numru erbgħin għandu tifsira simbolika fl-Iskrittura. Infatti dan in-numru jfakkarna fl-erbgħin jum tad-dilluvju, l-erbgħin jum u lejl illi Mosè dam fuq is-Sinai, fil-mixja ta’ Elija lejn l-Horeb; il-poplu t’Iżrael dam erbgħin sena fid-deżert filwaqt li l-Profeta Ġona priedka għall erbgħin jum il-penitenza f’Ninive.

Ir-Randan skond il-ħsieb tal-Konċilju Vatikan II ma jikkonsisti fi prattiċi spiritwali tal-passat iżda b’mod mill-iżjed attwali. Hekk il-Konċilju jgħidilna: “Għandha ssir enfasi iżjed, kemm fil-Liturġija u kemm fil-katekeżi liturġika, fuq iz-żewġ karatteristici ta’ żmien ir-Randan li, l-aktar bit-tifkira tal-magħmudija jew fil-preparazzjoni għaliha u bil-penitenza, iħejji lill-fidili għaċ-ċelebrazzjoni tal-Misteru tal-Għid bis-smigħ aktar ta’ sikwit tal-Kelma ta’ Alla u b’aktar talb” (Sacrosanctum Concilium nru. 109.).
Propju fuq dawn l-elementi li semmilna l-Konċilju Vatikan II tinbena l-ispiritwalità tar-Randan. Għan-nisrani huwa żmien ta’ tifkira tal-magħmudija, żmien ta’ penitenza u tħejjija għall misteru tal-Għid permezz tal-Kelma t’Alla.

Forsi wieħed jistaqsi kif ir-Randan huwa żmien ta’ tifkira tal-magħmudija? Ir-risposta nsibuha fil-Liturġija tal-Knisja tal-ewwel żminijiet. Il-magħmudija kienet deċizzjoni importanti fil-ħajja tan-nisrani u għalhekk min ried jissieħeb fil-magħmudija kellu jgħaddi minn żmien ta’ konverżjoni kif wkoll tagħlim filwaqt li kien jinqara l-Vanġelu ta’ San Ġwann.

Hekk illum il-Knisja trid tfakkarna biex nidħlu fina nfusna sabiex nikkonvertu mill-qiegħ filwaqt li ngħixu ħajja ta’ talb. Bħal katekumeni tal-Knisja tal-bidu, irridu nkunu aktar disposti li nilqgħu l-Kelma t’Alla filwaqt li nimmeditawha b’tali mod illi l-ħajja ta’ kuljum tagħna tinbidel radikalment. Fil fatt, f’Sena A il-Liturġija għandha aċċent battesimali. Infatti matul il-Ħdud tar-Randan jinqraw dawn is-siltiet mill-Vanġelu ta’ San Ġwann. Ir-rakkont ta’ Sidna Ġesù mas-Samaritana, il-fejqan tal-Imwieled għama u l-qawmien ta’ Lazzru mill-mewt. Għalhekk b’dan il-qari l-Knisja qegħda tistedinna biex nixorbu mill-ilma ħaj li huwa Kristu, filwaqt li tpoġġielna quddiem għajnejna lill Kristu bħala d-dawl tal-ħajja nisranija. Ir-rakkont tal-qawmien ta’ Lazzru mill-mewt ġie imfisser mill-kittieba tal-Knisja tal-bidu dwar is-setgħa li għandu Kristu li jqajjem lill midneb.

Il-Knisja wkoll tpoġġielna quddiem għajnejna lill Kristu fid-deżert matul dan iż-żmien qawwi fil-ħajja tagħha. B’dan ir-rakkont il-Knisja trid tfakkarna kemm huwa importanti s-silenzju fil-ħajja tagħna. Id-deżert fil-mentalità tal-poplu Lhudi kien post nieqes mis-sigurtà tal-Ħajja, post li x’ħin jidlam tibża toqgħod fih. Hekk f’dan iż-żmien il-Knisja tistedinna biex nieqfu mir-rutina tal-ħajja ta’ kuljum biex nimmeditaw il-kelma t’Alla. Forsi illum aktar minn qatt qabel, l-bniedem modern qiegħed isibha diffiċli biex joqgħod fis-silenzju.

Il-bniedem tal-lum fil-kamra tiegħu, ma jistax mingħajr sagrifiċċju joqgħod jimmedita bil-kwiet il-Kelma t’Alla. Filfatt, l-mezzi tal-komunikazzjoni (radju, television, internet) tant żdiedu, li matul dan iż-żmien min jrid jersaq lejn Alla u jixbah lill Kristu fid-deżert, irid jiċċahhad għal xi żmien jew xi waqtiet minn dawn il-mezzi li huma tajbin iżda li jista jiġri li n-nisrani jitlef il-ħin tiegħu li jitlob b’mod intimu lill Alla.

B’dan il-mod, ir-Randan jsir parteċipazzjoni fil-misteru tal-Għid ta’ Kristu: “għax miegħu nbatu biex miegħu nkunu mseħbin’. (Ittra lir-Rumani 8, 17 ). Għalhekk f’dan iż-żmien għalkemm għandna ngħamlu il-ħila tagħna biex nersqu lejn Alla, ma għandniex ngħafsu fuq il-penitenza tagħna daqstant fuq il-fatt li huwa Kristu li qiegħed jippurifikana. L-opri ta’ penitenza huma sinjal tat-tisħib tagħna fil-misteru tal-Għid. Filfatt, biex jgħallimna li għandna bżonn tal-penitenza, Kristu mar fid-deżert fejn hemmhekk sam għal erbgħin jum u erbgħin lejl u sofra t-tentazzjonijiet tax-xitan.

Iż-żmien tar-Randan huwa żmien ta’ maħfra. Fil-Knisja tal-bidu il-penitenti kien jagħmlu penitenza għall erbgħin jum fejn wara kienu jitħabbu mal-Knisja. Wara li l-penitenza pubblika spiċċat, il-Papa Urbanu II estenda l-użu tal-penitenza għall-insara kollha. It-tema tal-maħfra insibuha fil-Liturġija tas-Sena Ċ. Il-Knisja, taqra siltiet mill-Vanġelu ta’ San Luqa li jħeġġu għal konverżjoni: il-parabbola tal-Iben il-Ħali, u t-test ta’ San Ġwann li jitkellem fuq il-maħfra tal-adultera.

Il-penitenza li jitkellem dwarha l-Konċilju Vatikan II mhix sempliċement interjuri imma anke esterna u komunitarja. F’din il-penitenza in-nisrani għandu jobgħod id-dnub, u l-konsegwenzi soċjali tad-dnub, filwaqt li jitlob għall-midinbin.

Il-Knisja fi żmien ir-Randan tistedinna biex nieħdu b’impenn il-meditazzjoni tal-kelma t’Alla. Għalhekk tkun ħaġa tajba jekk matul ir-Randan kollu nimmeditaw kuljum il-qari flimkien mal-Vanġelu. Dan jista’ jkun sinjal ta’ ċahda.

B’dan is-sens għandna nieħdu s-sawm. Qabel ir-riforma tal-Konċilju Vatikan II, il-Knisja kienet tgħamel ħafna aktar enfażi fuq is-sawm. Illum, il-ġranet obligatorji tas-sawm huma l-Erbgħa tal-Irmied u l-Ġimgħa l-Kbira. Iżda b’daqshekk ma jfissirx li issa s-sens tar-Randan intilef.

Mar-riforma tal-Koncilju Vatikan II għalina l-insara, ir-Randan sar aktar impenjattiv. Għalkemm is-sawm ma għadhux obligatorju tkun ħaġa wisq tajba jekk insumu minn rajna matul dan iż-żmien hekk qawwi u ta’ grazzja fis-sena Liturġika.

Barra s-smigħ aktar ta’ spiss tal-Kelma ta’ Alla, it-talb aktar fit-tul u aktar intens, u s-sawm il-Konċilju jsemmi wkoll l-karità li skond l-iskrittura taħfer id-dnubiet naturalment jekk nindmu minnhom u nqerruhom.

Għalhekk, jekk aħna wlied il-Knisja, irridu nibnu l-ispiritwalità tagħna fuq iż-żmien Liturġiku. Hekk, l-ispiritwalità tagħna tħalli aktar frott u tkun aktar matura.

Jalla iż-żmien tar-Randan ikun għalina żmien ta’ konverżjoni akkumpanjata mit-talb, sawm u l-qari tal-Iskrittura flimkien mal-opri ta’ karità.

Biblijografija..
Nuovo Dizionario di Liturgia- a cura di Domenico Sartore e Achille M. Triacca.
Dizionario Enciclopedico di Spiritualita Vol 3—a cura di Ermanno Ancilli.
The New Dictionary of Catholic Spirituality Editor Michael Downey.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.