Riflessjoni fuq il-Via Sagra

Print Friendly, PDF & Email

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Il-Via Sagra, jew it-Triq tas-Salib, fiha erbatax-il stazzjon. Kull stazzjon ifakkarna f’xi episodju mill-passjoni ta’ Kristu.

Din hija talba adattata ħafna għal nhar ta’ Ġimgħa, matul ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa. Għalhekk ser nagħmel xi riflessjonijiet fuq kważi kull stazzjon.

L-ewwel stazzjon jurina lil Pilatu jordna biex Ġesù jiġi msallab. Dan l-episodju mill-ħajja ta’ Kristu jfakkarna kemm hawn inġustizzji fid-dinja. Ġesù ma għamel xejn ħażin biex ikun imsallab. L-inġustizzji ġraw u għadhom jiġru. Dawn huma frott l-egoiżmu tal-bniedem, li biex wieħed joqgħod sewwa, jasal biex jikkawża t-tbatija f’ħaddieħor. Iżda, kif mill-passjoni ta’ Kristu ħareġ il-ġid, anki l-inġustizzji, għalkemm huma ħżiena, Alla jaf joħroġ il-ġid minnhom. L-importanti hu li kif Kristu aċċetta l-passjoni minn idejn il-Missier Etern, hekk ukoll aħna għandna naċċettaw bil-fidi dak kollu li jiġrilna, anki jekk jidhrilna li mhuwiex sewwa.

It-tieni stazzjon jurina lil Kristu jingħata s-salib biex iġorru sa fuq il-Golgota u jissallab fuqu. U Kristu aċċetta s-salib mingħajr ma qagħad igerger. Anki l-bniedem, f’ħajtu jkollu jġorr bosta slaleb. Qawl Malti jgħidilna: li min m’għandux salib, għandu domna. Dan ifisser li, b’mod jew ieħor, kulħadd ibati. Iżda għandna għażla: jew inbatu ma’ Kristu u ngawdu l-paċi f’din id-dinja u jkun jistħoqqilna premju etern jew mingħajr Kristu nbatu bla ebda siwi għalina.

It-tielet, is-seba’ u d-disa’ stazzjonijiet, juruna t-tliet waqgħat ta’ Ġesù taħt is-salib. U anki l-bniedem taħt it-toqol tas-salib jogħtor u jaqa’. Jibda jistaqsi l-għala ġralu hekk u forsi jeħodha kontra Alla. Iżda meta jsib il-kalma għandu jiftakar li anki Kristu waqa’ tliet darbiet taħt it-toqol tas-salib. Madankollu Kristu reġa’ qam, u dan ifakkarna li meta naqgħu taħt it-toqol tas-salib m’għandniex naqtgħu qalbna. Il-kuraġġ u l-fiduċja f’Alla huma importanti, anzi neċessarji, daqskemm meta l-bniedem ikun għatxan u jkun jixtieq li jixrob l-ilma.

Ir-raba’ stazzjon jurina li Ġesù jiltaqa’ m’ommu Marija. Hija kienet preżenti għall-passjoni ta’ Kristu u fl-Evanġelji nsibu li kienet taħt is-salib. Il-Verġni Marija ma fixklitx lil Ġesù li jmur għall-passjoni, anzi b’fidi kbira qalet “iva” għall-pjan ta’ Alla. Kif hija ġabitu fid-dinja permezz tal-“Iva” tagħha lill-anġlu Gabriel, hija tatu lura lill-Missier bil-mewt tiegħu fuq is-salib. Il-presenza ta’ Marija Santissima waqt il-passjoni turina l-ħtieġa li għandna nirrikorru lejha f’kull tbatija li nġarrbu.

Il-ħames stazzjon jurina lil Xmun iċ-~irinew iġorr is-salib ta’ Kristu. U hawnhekk niftakru li anki l-bniedem, meta jogħtor u jaqa’ taħt is-salib, ikun hemm bżonn min jgħinu. U żgur li Alla mas-salib li jagħtina jibgħatilna wkoll min jgħinna. Qawl Malti jgħidilna: “Skont il-muntanja s-silġ.” L-importanti huwa li l-bniedem ikun umli: ma jaqax fis-suppervja u jingħalaq fih innifsu. Dan l-istazzjon ifakkarna kemm għandna bżonn ta’ xulxin. U dan huwa l-qofol tal-imħabba nisranija: li wieħed jgħin lill-ieħor fil-bżonnijiet materjali u spiritwali tiegħu.

Fis-sitt stazzjon naraw lil Veronika tixxutta l-wiċċ ta’ Ġesù. Dan l-episodju jfakkarna fil-wiċċ ta’ Ġesù. Billi Ġesù kien l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, il-partijiet ta’ ġismu kollha jingħataw qima li tingħata lil Alla. Hekk insibu id-devozzjonijiet lejn il-Wiċċ ta’ Kristu, Il-Qalb ta’ Ġesù u anki d-demm tiegħu. Għal min iħobb lil Ġesù, dawn mhumiex devozzjonijiet li għadda żmienhom iżda għandhom ifakkruna fl-Imgħallem u l-Feddej tagħna. Barra minn hekk, dan l-episodju jurina li għandna ntaffu kif nistgħu t-tbatijiet ta’ dawk li jinsabu madwarna.

Fit-tmien stazzjon naraw lil Kristu jiltaqa’ man-nisa ta’ Ġerusalemm. Dawn kienu qegħdin jibkuh u jitħassruh, iżda Ġesù qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom” (Lq 23, 28). Hawnhekk huwa mhux biss qiegħed iħabbar il-waqgħa ta’ Ġerusalemm iżda jurina li ma riedx min jitħassru. Huwa mar għall-passjoni għax ried u mhux għax kien maqbud. U ffaċċja t-tbatijiet tal-passjoni b’kuraġġ, u b’imħabba lejn il-bnedmin. Fil-passjoni, ma għandniex naraw kemm Ġesù bata biss, iżda wkoll b’liema ħeġġa u mħabba bata biex jagħmel ir-rieda ta’ Alla. U dan l-istazzjon jgħallimna li fit-tbatijiet tagħna għandna naraw l-id ta’ Alla, u mhux nitħassru lilna nfusna. Ma ninsewx li jekk nimxu wara Kristu fit-triq tat-tbatija, inkunu qegħdin nimxu miegħu lejn it-triq tal-glorja.

Mill-għaxar sat-tnax-il stazzjon naraw it-tislib ta’ Ġesù mas-salib u l-mewt tiegħu fuqu. F’dawn l-istazzjonijiet ma nistgħux ma niftakrux li Ġesù, għajjien fil-ġisem ġie imneżża’ minn ħwejġu u mislub mas-salib. Iżda l-ispirtu tiegħu baqa’ qawwi. Minn fuq is-salib huwa lissen is-seba’ kelmiet li fihom ħafer lill-għedewwa tiegħu; ta lil ommu Marija f’idejn San Ġwann filwaqt li qallu li din hija ommu; wiegħed il-ġenna lill-ħalliel it-tajjeb; karab li għandu l-għatx; qal li kollox huwa mitmum, filwaqt li fl-aħħar lissen: “F’idejk jien nerħi ruħi (Lq 23, 46).

It-tlettax-il stazzjon jurina lil Ġesù jiġi mniżżel minn fuq is-salib. Hawnhekk naraw li Ġesù kellu anki l-ammiraturi tiegħu fost il-poplu Lhudi. U għalhekk ikun żball jekk nixlu lill-poplu Lhudi ta’ dak iż-żmien li kien ħati tal-mewt ta’ Kristu. Ikollna namettu li, fl-aħħar mill-aħħar, il-kawża tal-mewt ta’ Kristu kienet id-dnubiet tad-dinja, anki jekk kien hemm ċirkustanzi esterni. Il-pjan ta’ Alla ma nistgħux nifhmuh. San Franġisk ta’ Assisi jgħidilna: “U mhumiex ix-xjaten li sallbuh imma magħhom int sallabtu u għadek issallbu, int u tithenna fil-vizzju u fid-dnub” (Admonitio 5, 3).

Fl-erbatax-il stazzjon naraw lil Kristu jiġi midfun f’qabar ġdid. U hawnhekk naraw ukoll it-tmiem f’din id-dinja ta’ kull bniedem. Ikun xi jkun u jgħix kemm jgħix fl-aħħar ħajtu tintemm u jindifen f’qabar. Għal dak il-bniedem li ma jkunx għex skont il-pjan ta’ Alla, din is-siegħa tal-mewt hija xi ħaġa tal-biża’. Kristu stess jgħidilna: “X’jiswielu l-bniedem li jirbaħ id-dinja kollha, imbagħad jitlef ruħu” (Mk 8, 36). Iżda għal dawk li jkunu mxew wara Kristu, is-siegħa tal-mewt hija siegħa ħelwa li fiha jaraw il-wiċċ ta’ Kristu.

Il-Via Sagra hija l-mixja tagħna wara Kristu fil-passjoni tiegħu. Għalkemm ma hemmx stazzjon li fih ifakkarna fil-qawmien tiegħu mill-imwiet, madankollu dan għandna wkoll inżommuh quddiem għajnejna. Kristu mexa t-triq tas-salib mhux bħala tellief, iżda bħala rebbieħ biex fit-tielet jum iqum mill-mewt b’ġisem glorjuż: rebbieħ fuq il-mewt u fuq id-dnub.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading