Il-Maternità ma għandhiex prezz

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 23 ta’ Marzu 2018. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-Festa devozzjonali ta’ Marija Addolorata. Knisja ta’ San Ġakbu, il-Belt Victoria.

Meta llum ħarsitna tieqaf fuq id-Duluri, aħna nilmħu mara li qed tbati għax hija omm. Marija ma kinitx tkun l-Addolorata kieku fi ħdanha ma għandhiex il-ġisem bla ħajja ta’ Binha Ġesù.

Huwa minnu li kienu l-Lhud li qatlu lil Kristu u għalhekk kienu l-kawża tad-dulur ta’ Marija; imma r-raġuni vera għaliex Marija tinsab mifluġa bid-dulur hija għaliex il-laħam mitluq f’idejha huwa laħamha. Kien hemm oħrajn li weġġgħu qatigħ meta raw lil Kristu jbati (id-dixxipli, ħbieb ta’ Ġesù); imma s-sofferenza ta’ Marija hija għalkollox unika għax hija t-tbatija ta’ omm. Id-duluri ta’ Marija huma l-prezz li hi ħallset għall-maternità tagħha. Kif jgħid Victor Hugo, “ma hemmx faraġ għal dik l-omm li tbati. Il-maternità la għandha limiti u lanqas raġuni. L-omm hija sublimi għax il-maternità hija stint”.

20180323_183405 (1)

Dan ifakkarni f’Rakel, il-mara ta’ Ġakobb. Meta ma setgħetx issir omm, Rakel bdiet tgħir għal oħtha u ddur fuq Ġakobb u tgħidlu: “Agħtini t-tfal, għax ser immut” (Ġen 30:1). Luteru jikkummenta hekk dwar dan il-passaġġ: “Ma jidhirlix li qatt qrajt xi ħaġa tixbah lil din l-istorja. Rakel kienet tant mixtieqa li jkollha t-tfal, li ppreferiet li tmut milli tibqa’ sterili” (In Genesim enarrationes). Alla sema’ t-talba ta’ Rakel: wara li twieled Ġużeppi, reġgħet ħarġet tqila imma kellha ħlas ikrah, tant li Rakel għażlet li tmut hi biex jgħix Benoni (Benjamin). Meta jinterpreta din il-ġrajja, il-profeta Ġeremija jgħid: “Instema’ leħen f’Rama, ilfiq u biki kollu mrar, Rakel titbekka għal uliedha, ma tridx taf b’sabar għax iżjed ma humiex” (31:15). Hawnhekk Rakel tirrappreżenta lil dawk l-ommijiet addolorati jibku lil uliedhom li f’ċertu sens huma mejta għax ittieħdu fl-eżilju – mhumiex iżjed! L-Evanġelista San Mattew ukoll jirreferi għall-karba kiebja ta’ Rakel biex ifisser id-dulur ta’ dawk l-ommijiet li tilfu lil uliedhom meta dakinhar li twieled Ġesù, Erodi bagħat lis-suldati f’Betlehem biex joqtlu lit-tfal subien kollha minn sentejn ’l isfel (ara Mt 2:16-18).

Il-fatt li f’dawn it-tliet episodji l-Bibbja tgħidilna li ħadd mill-ommijiet ma ried jaf b’sabar, jgħinna nifhmu l-profondità tad-dulur tal-omm li titlef lil xi ħadd minn uliedha. Quddiem it-traġedja tat-telfa tal-ulied, ma hemm l-ebda kliem jew ġesti li jistgħu jfarrġu lill-omm; kliemna ma jista’ qatt ifejjaq dik il-ġerħa, għax id-dulur tal-omm huwa proporzjonat għall-imħabba li biha l-omm tkun marbuta mal-wild tagħha.

Dan kollu nistgħu napplikawh għall-Madonna. L-Evanġelista San Ġwann ma jgħid xejn dwar is-sitwazzjoni interjuri ta’ Marija u anqas ma jsemmi xejn dwar jekk Omm Ġesù bkietx meta niżżlu lil Ġesù mejjet fi ħdanha. F’ċertu sens għandu raġun Sant’Ambroġ meta jgħid: “Fil-Vanġelu naqra li Marija kienet hemm, imma ma nsibx li bkiet”. Imma jekk ngħidu li Marija ma bkietx għax kienet impassibbli, inkunu qegħdin nerfgħuha ’l fuq bħall-anġli u fl-istess waqt inneżżgħuha mill-umanità tagħha! Fl-innu Stabat Mater insibu li “wieqfa kienet imbikkija”. Konsegwenza tal-maternità tagħha, Marija mhux biss bkiet lil Ġesù, imma nistħajjel li bħal Rakel, hija lissnet: “Ma rridx naf b’sabar għax Ibni m’għadux aktar!”.

Għalhekk ma nistax ma nismax lil dawk l-ommijiet li bħal Rakel, bħall-ommijiet ta’ dawk li ttieħdu fl-eżilju, bħall-ommijiet li Erodi qatlilhom lit-trabi, bħad-Duluri, illum qegħdin isofru t-telfa ta’ wliedhom:
– lil dawk li keffnu lil xi ħadd minn uliedhom li miet b’xi marda kerha;
– lil dawk li binhom ħareġ u ma ġiex lura għax miet f’inċident tat-traffiku;
– lil dawk li t-tifel/tfla tagħhom miet b’overdose tad-droga;
– lil dawk li tilfu lit-tarbija b’abort naturali;
– lil dawk li niżel għamad fuq moħħhom, neħħew it-tarbija mill-ġuf u llum ma jista’ jsabbarhom ħadd u xejn;
– lill-ommijiet tas-Sirja li raw lil uliedhom imutu fil-gwerra;
– lill-ommijiet mill-Afrika li wliedhom immigranti ġew mgħarrqa fil-Mediterran huma u jfittxu futur;
– fuq kollox lil dawk in-nisa li għamlu intervent kirurġiku biex fgaw il-maternità tagħhom u llum għandhom għali għax ma jistgħux ireġġgħu lura.

Marija hija Omm Ġesù u bħal kull omm tibqa’ bil-kurdun imqabbad ma’ binha jew bintha, anki jekk dan fiżikament jinqata’. Il-kurdun jibqa’ mqabbad anki jekk il-wild imut u ma jibqax aktar. Ir-rabta naturali ta’ bejn l-omm u wliedha hija konferma li l-maternità hija don mill-isbaħ. Ladarba l-mara ssir omm, hija tibqa’ omm għal dejjem. Kif jikteb il-Papa Franġisku, “l-ommijiet huma l-aqwa antidotu kontra t-tixrid tal-individwaliżmu egoistiku […]. Huma li jagħtuna xhieda tal-ġmiel tal-ħajja. M’hemmx dubju, soċjetà mingħajr ommijiet kienet tkun soċjetà diżumana, għax l-ommijiet jafu jagħtu xhieda dejjem, anki fl-agħar mumenti, bil-ħlewwa tagħhom, bid-dedikazzjoni tagħhom, bil-fibra morali li għandhom. L-ommijiet spiss jittrasmettu wkoll is-sens l-aktar profond tal-prattika reliġjuża: fl-ewwel talbiet, fl-ewwel ġesti ta’ devozzjoni li tfajjel jitgħallem […]. Mingħajr l-ommijiet, mhux biss ma kienx ikun hemm fidili ġodda, imma l-fidi kienet titlef parti sewwa mis-sħana sempliċi u qawwija tagħha. […] Għeżież ommijiet, grazzi, grazzi ta’ dak kollu li intom fil-familja u għal dak li tagħtu lill-Knisja u lid-dinja” (Il-ferħ tal-imħabba, 174).

Wieħed japprezza li l-fekondità u l-maternità huma valuri għal qalb il-kotra ta’ ġensna; imma meta bħal donnu qed terfa’ rasha l-kultura antiumanista, dawn il-valuri rridu ngħożżuhom u nikkurawhom sewwa, partikularment meta ġieli nisimgħu li l-maternità taf tkun xkiel biex il-mara tafferma lilha nfisha! Hemm xamma ta’ narċisiżmu f’min jgħid li l-maternità hija attentat kontra l-ġenju femminili. Il-mara li trid iġġib ’il quddiem id-dinjità tagħha, tagħmel sew li toqgħod attenta biex ma tkunx hi stess li telimina lill-omm min-nofs.

Il-maternità hija vokazzjoni femminili, u jekk irridu nagħmlu għażliet favur il-mara, irridu ngħinu lill-mara tissodisfa x-xewqat tagħha. Kif jgħid il-Papa San Ġwanni Pawlu II, “il-kostituzzjoni psiko-fiżika tal-mara fiha dik id-dispożizzjoni naturali għall-maternità, għat-tnissil, għat-tqala u għall-ħlas tat-tarbija” (Mulieres dignitatem, 18). Għalhekk hija xewqa qaddisa li, bħal Rakel, mara miżżewġa tixxennaq biex ikollha wild. Din għandha tiġi megħjuna fir-rispett tal-prinċipji etiċi u morali. Il-maternità għandha valur soċjali u għalhekk xieraq li l-fertilità tkun parti mill-politika sanitarja u edukattiva tagħna.

Il-maternità hija esperjenza għalkollox personali u ma għandhiex prezz. Huwa verament offiża lid-dinjità tal-mara meta llum jitkellmu fuq “maternità mikrija” jew “maternità surrogata”. Bl-iskuża li wieħed jew waħda jkunu jridu t-tfal, illum huwa possibbli li jinkera utru. Dan mhux ħaġa oħra għajr “fenomenu kapitalista” jew “prostituzzjoni riproduttiva”.

Barra minn hekk, il-maternità mhix realtà esklussivament bijoloġika, imma tesprimi ruħha b’diversi modi bħalma huma l-adozzjoni u l-fostering. “L-adozzjoni hi l-għemil ta’ mħabba li jagħti familja lil min m’għandux. Importanti nisħqu biex il-leġislazzjoni tiffaċilita l-proċeduri għall-adozzjoni, fuq kollox fil-każi ta’ wlied mhux mixtieqa, biex inħarsuhom mill-abort u mill-abbandun” (Il-ferħ tal-imħabba, 178).

Aspett ieħor importanti f’dan il-proġett favur il-mara u favur il-ħajja umana huwa li ma nkunux ilsiera tal-kultura tar-razzjon (bil-kalkoli), imma nkattru l-kultura tal-għotja jew tal-ġenerożità. Ħafna drabi l-egoiżmu jwassal lill-bniedem u lis-soċjetà biex ikunu xħaħ mal-ħajja. Hekk il-miżuri soċjali li jingħataw lill-ġenituri li jkollhom tarbija ma humiex xi kumpens għall-fatt li huma ommijiet/missirijiet, imma huma azzjoni ta’ ġustizzja soċjali mal-maternità u l-paternità.

Għalhekk, waqt li llum nikkontemplaw lid-Duluri f’dan il-waqt speċjali tal-vokazzjoni tagħha ta’ omm, ħa nisimgħu x’jgħid Alla lil Rakel: “Żomm leħnek ’il bogħod mill-biki, għajnejk ’il bogħod mid-dmugħ, għax hemm ħlas għal taħbitek… hemm tama għall-ġejjieni” (31:16). Il-biki tal-omm imiss il-qalb ta’ Alla biex ireġġa’ lura lill-ulied mill-eżilju. Ħa jkunu l-biki u d-dulur ta’ Marija talba quddiem Ġesù msallab u quddiem id-dinja, biex bħala poplu nibqgħu ngħożżu d-don tal-maternità, għajn tal-ħajja umana.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading