Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 10, 31-42
Kellhom manija għat-tħaġġir, donnu kien sar id-delizzju tagħhom. Bħalma hu d-delizzju ta’ ħafna minna llum. Xi ħadd ma jaqbilx magħna, nakkużawh, nikkundannawh u nħaġġruh; mhux bilfors bil-ġebel iżda bil-kliem, biż-żriegħ tas-suspetti u d-dubji, bil-ħars ikraħ. Il-mibgħeda tħaġġar b’ġebel li ma jidhirx li hu hekk imma għandu effett agħar.
Ġesù, mill-ġdid jipprova jirraġuna mal-Lhud, iżda għal darb’oħra qalbhom tidher li xrafet, ibbieset u moħħhom iċċajpar u tlef kull sens ta’ loġika u ta’ raġuni. Jidher ċar li d-dnub taċ-ċaħda ma kienx ġej mid-dgħufija iżda mill-mibgħeda u mill-biża. Jehdduh u jattakawh għax iġossuh theddida, kompetitur u dawn il-ħsus wassalhom biex jobgħoduh. Għal min mhux imqanqal mill-mibgħeda, għal min mhux imrekken b’dahru mal-ħajt, f’rokna bħal ġurdien, huwa faċli li jirraġuna u jara s-sewwa għax ir-raġuni ma tenħtieġx forza, iżda għal min jiġrilu bħalhom, ma jara xejn ħlief lilu nnifsu mirbuħ u mkisser; min jiġrilu bħalhom jattakka bla rażan u jagħti bis-sejf bl-addoċċ, u jimmira fejn jaħseb li jweġġa’ l-iktar.
Bħallum ġimgħa naraw lil Ġesù mkisser u mfarrak imdendel ma’ salib. F’għajnejn il-bnedmin li bagħaduh deher imxekkel u tellief, ilsier li fuq spallejh iġorr il-madmad tal-mibgħeda lejh. Iżda l-għajta tar-rebħa hi tiegħu u f’qalbhom jitqal it-toqol ta’ għemilhom. Anke mejjet beżgħu minnu u beżgħu minnu mejjet għax tassew emmnu min tassew kien. Li kieku ma ndunawx minn kien, u tassew kien dak li huma kienu jgħidu li hu, ma kienx ikollhom għalfejn jibżgħu minnu. Huwa kas tassew ta’ dak likien qalilhom Ġesù meta staqsewh jekk humiex għomja; kien qalilhom li huma għomja iktar għax fid-dlam tagħhom kienu jgħidu li jaraw.
Illum infakkru id-duluri ta’ ommu, u forsi nimxu wara x-xbieha tagħha wkoll, imġarrba bit-tbatija; nitħassruha u nibku lilna nfusna fiha. Forsi għax jiddispjaċina li għandna l-istess xorti tagħha fit-tbatija. Iżda forsi, ftit li xejn jgħaddilna minn moħħna li ħafna mit-tbatija, mhix ġejja minn natura dagħjfa tagħna l-bnedmin li ngħixu b’ġisem dgħajjef li jintemm bil-mod il-mod, ta’ uħud mgħaġġel naqra iżjed minn ta’ oħrajn, iżda mill-biża tagħna minn Alla u minn xulxin li narawhom bħala theddida għas-suċċess u l-hena tagħna, anke jekk huma suċċess u hena f’dak li hu tajjeb. Il-biża tagħna u t-tiftix tal-jien tagħna mgħolli ’il fuq kemm jista’ jkun fuq il-bnedmin l-oħra u anke fuq Alla nnifsu, minflok inissel fina l-hena jgħaffiġna iktar ’l isfel fil-ħama tad-dwejjaq u t-tensjonijiet li jiġu minnhom. Qalbna ma ssib qatt mistrieħ.
Marija turina u tħeġġiġna biex ma naqtgħux qalbna; iss ahuwa ż-żmien it-tajjeb, iss ahu jum is-salvazzjoni, mhux minn xi għadu kiefer li jeddilna s-sigurtà tagħna minn barra minna, iżda minna nfusna li nħossuna ċkejknin u bla ħila , meta aħna tassew kbar u qawwija bil-grazzja ta’ Alla li tgħammar fina. Alla mhux theddida, il-proxxmu tagħna mhux l-għadu. It-theddida hija aħna u l-ideja li għandna tagħna nfusna’ l-għadu tagħna ġejja minn ġewwa fina u jattakkana mingħajr ma nindunaw u miegħu telliefa dejjem.
Id-duluri ta’ Marija mhumiex aktar imqalqlin mit-tbatija ta’ binha, imma mill-ħsieb li wliedha, afdat f’idejha minn binha fuq is-salib, fl-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu, isiru vittmi tagħhom infushom u tal-ħażen li jista’ joħroġ minn qalbhom.