Riflessjoni dwar l-Ewkaristija

Print Friendly, PDF & Email

Mill-esperjenza naraw kemm l-ikel huwa meħtieġ fil-ħajja ta’ kuljum. Kif l-ikel materjali huwa indispensabbli għall-ħajja fiżika hekk ukoll l-Ewkaristija hija l-ikel tal-ħajja ta’ dejjem. – Kitba ta’ Angelo Xuereb SDC

L-importanza tal-ħobż

L-ikel prinċipali tal-poplu Lhudi kien il-ħobż.  Meta l-poplu kien jsib il-ħobż, l-inbid u ż-żejt, dan kien ifisser li l-pajjiż jkun qiegħed fi żmien il-ġid. Il-ħobż tant kien importanti li l-poplu kien jqisu sagru. Meta l-poplu Lhudi kien qiegħed miexi fid-deżert Alla bagħatlu l-manna li l-Iskrittura tiddeskriviha bħala “ħobż nieżel mis-Sema”. Insibu wkoll fil-Levitiku li Alla ordna li jitpoġġa l-ħobż fit-tabernaklu bħala sinjal ta’ qima lejh. Dawn kienu jissejħu Ħobż tal-Presenza u jitqiegħdu f’żewġ ringieli, sitta kull waħda.  Dan il-ħobż kien ikun il-ħin kollu fuq il-mejda tat-tabernaklu, u kull nhar ta’ Sibt kien jiġi mibdul. Dan il-ħobż huwa figura tal-Ewkaristija. Figura oħra tal-Ewkaristija fit-Testment il-Qadim hija l-manna. Sidna Ġesù Kristu stess jgħid: “Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert u mietu; dan hu l-ħobż li niżel mis-Sema, biex min jiekol minnu ma jmutx” (Ġw 6, 49-50).

Ġesu għallimna li l-Ewkaristija hija verament ġismu. Qabel ma mar għall-passjoni ħallielna dan is-sagrament taħt ix-xbiehat tal-ħobż u l-inbid. Żgur li għażel dawn iż-żewġ elementi billi kienu żewġ pilastri tal-ikel tal-poplu Lhudi. Ried ifisrilna li kif l-ħobż u l-inbid huma importanti biex ngħixu, hekk ukoll l-Ewkaristija hija l-ikla tal-Ħajja ta’ Dejjem. Kif il-bniedem ma jistax jgħix jekk ma jiekolx, hekk ukoll in-nisrani ma jistax jħejju ruħu għall-ħajja eterna mingħajr ma jirċievi ta’ spiss il-ġisem ta’ Kristu. Infatti huwa stess qal: “Għax ġismi hu ikel tassew, u demmi xorb tassew” (Ġw 6, 55). Fl-istess diskors ta’ Ġesu nsibu wkoll: “Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert u mietu; dan hu l-ħobż li niżel mis-Sema biex min jiekol minnu ma jmutx” (Ġw 6, 49-50).

L-Ewkaristija hija essenzjali għall-ħajja spiritwali

Għalhekk wieħed ikun qiegħed iqarraq bih innifsu min jaħseb li jgħix ħajja spiritwali mingħajr ma jirċievu ’l Ġesu Ewkaristija. Il-kelma Maltija Tqarbin tispjegalna wkoll dan il-misteru. L-Ewkaristija tqarrabna lejn Ġesù b’mod l-aktar intimu. Infatti dan is-sagrament mhux biss jmantnina spiritwali iżda huwa wkoll mediċina u prevenzjoni kontra d-dnub. Mhux hekk biss. L-Ewkaristija taħfrilna d-dnubiet venjali wkoll.

L-Ewkaristija għandha l-għan li tgħaqqadna flimkien. Permezz tal-ikel l-poplu Lhudi kien juri ospitalità u ħbiberija mal-barranin. Hekk ukoll l-ikla tal-Patt il-Ġdid jiġifieri l-Ewkaristija jekk ma tqarrabniex lejn xulxin ma hijiex qiegħda tilħaq l-iskop kollu tagħha. Irridu niftakru li l-ħobż jiġi magħmul miż-żbul mitħun filwaqt li l-inbid isir minn għeneb magħsur. Permezz ta’ xogħol il-bniedem jsiru prodott wieħed. B’istess mod l-Ewkaristija trid tagħmilna ħaġa waħda. Ma nistgħux nirċievu l-Ewkaristija jekk ġo qalbna jkollna sentimenti ta’ ġlied, firda, pika, għejra jew mibgħeda. Kif fit-Testment il-Qadim l-ikel kien iservi biex tintwera ċerta ħbiberija u intimità  ma’ xulxin, hekk fit-Testment il-Ġdid l-Ewkaristija għandha tkun ikla li tgħaqqadna verament flimkien.

Kull ikla tinvolvi ċerta preparazzjoni. Kif rajna l-Ewkaristija hija frott tal-art u xogħol il-bniedem. Qabel kull quddiesa  jsir ċertu xogħol biex l-ostja u l-inbid jinħadmu. Ftit huma dawk li jagħmlu dawn il-preparamenti iżda kull nisrani biex jirċievi l-Ewkaristija jrid jqerr id-dnubiet mejtin kollha kif ukoll jithejja billi jagħmel xi ftit talb qabel ma tibda l-quddiesa.

Kull ikel u xorb għandu l-effett tiegħu. Jista’ jkun tajjeb jew ħażin. Bħall-ikel komuni, meta nirċievu l-Ewkaristija l-fraka tal-ħobż titħallat mad-demm tagħna u hekk taqa’ taħt il-liġijiet tan-natura bħal kull ikel ieħor. Iżda dan għandu tifsira oħra. Sidna Ġesu Kristu, bil-ġisem bid-demm, ir-ruħ u d-divinità jsir ħaġa waħda magħna biex ibidilna spiritwalment. Tkun ħasra li wara li nirċievu l-Ewkaristija ma nibqgħux ngħixuha wara li noħorġu ’l barra mill-bieb tal-knisja. Għal kuntrarju dan is-sagrament għandu jagħtina enerġija spiritwali biex lil Kristu noħorġuh  fid-dinja u neħduh fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, tad-divertiment u kull fejn immorru. B’hekk l-Ewkaristija issir iċ-ċentru tal-ħajja tagħna; ħajja altruwista mogħtija għall-oħrajn fuq l-eżempju ta’ Kristu li tana ġismu u demmu fuq is-salib.

L-ikel ta’ din id-dinja jmantni l-ġisem tagħna iżda  għalkemm nitrejqu xi darba rridu mmutu. Mill-banda l-oħra l-Ewkaristija hija l-ikel li jippreparana għall-ħajja eterna. Kif il-poplu Lhudi kien jmantni lilu nnifsu permezz tal-manna, hekk ukoll in-nisrani jitrejjaq permezz tal-Ewkaristija li hija rahan tal-ħajja ta’ dejjem.

Riflessjonijiet ta’ San Ġwanni Pawlu II

Fis-17 ta’ April 2003, nhar Ħamis ix-Xirka l-Papa preżenti Ġwanni Pawlu II ħareġ enċiklika, li jisimha Eċċlesia de Eucharistia. Fost l-oħrajn din l-enċiklika ssemmi dawn il-punti.

  • In-natura sagrifikali tal-quddiesa. Hija s-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib.
  • Id-devozzjoni u l-adorazzjoni ewkaristika barra l-quddiesa  huma ta’ min jinkuraġġihom  ħafna.
  • L-Ewkaristija hija t-tama ta’ kulħadd.
  • Teżiżti rabta bejn is-sagrament tal-Qrar u l-Ewkaristija.
  • L-Ewkaristija għandha rabta mill-aktar intima mas-saċerdozju ministerjali.
  • L-Ewkaristija tibni l-għaqda fil-Knisja.
  • Ir-rabta ta’ Marija ma’ dan is-sagrament.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading