Hostels għaż-żgħażagħ Għawdxin f’Malta – ittra tal-Isqof Mario Grech

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 1 ta’ Settembru 2018: Ittra lill-Poplu ta’ Alla tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex. Biex tinqara fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd, 1 u 2 ta’ Settembru 2018.

Hostels għaż-żgħażagħ Għawdxin f’Malta

Għandna biex nifirħu meta naraw għadd ġmielu minn uliedna li qegħdin ikomplu jfittxu l-edukazzjoni terzjarja fl-istituzzjonijiet akkademiċi ta’ pajjiżna, fosthom fl-università.

Naturalment, għall-familji Għawdxin dan joħloq diversi għamliet ta’ tbatija, bħalma hija n-nefqa li jridu jagħmlu biex jipprovdu lil uliedhom fejn joqogħdu. Ħafna drabi, dawn iħallsu prezzijiet għolja, anke meta l-kundizzjonijiet ta’ fejn joqogħdu l-istudenti ma jkunux mill-aktar dinjitużi. Barra minn hekk, naf b’każijiet fejn studenti kellhom jabbandunaw il-ħolma li jkomplu jistudjaw għax il-ġenituri tagħhom ma setgħux iġorru l-piż tal-kera, li sfortunatament qiegħda dejjem togħla.

Bil-għan li ngħinu liż-żgħażagħ tagħna jkomplu jixorbu mill-għejjun tat-tagħlim u jimxu ’l quddiem biex jirrealizzaw il-ħolm tagħhom, u fl-istess waqt intaffu ftit mill-piż finanzjarju tal-familji tagħna, xhur ilu bdejt infittex soluzzjoni.

F’dan l-isforz sibt il-koperazzjoni ġeneruża tal-Patrijiet Agostinjani u tas-Sorijiet tas-Saint Joseph, li poġġew għad-dispożizzjoni tad-djoċesi żewġ djar f’Malta biex jintużaw bħala akkomodazzjoni: waħda fi Gwardamanġa, li ser tkun għall-ġuvintur, u l-oħra għax-xebbiet li tinsab il-Gżira. Id-djoċesi tagħna investiet somma flus mhux ħażin biex irranġajna dawn iż-żewġ hostels, imma dan għamilnieh konvinti li dan hu “investiment” li jixraq liż-żgħażagħ tagħna.

Għalhekk, dawk il-familji li jixtiequ jużaw dan is-servizz huma mitluba jiktbu ittra lis-Segretarju Amministrattiv tad-Djoċesi, fil-Kurja. It-talbiet kollha jitressqu quddiem bord maħtur apposta, li jagħmel valutazzjoni tat-talbiet. Jista’ japplika kulħadd, imma tingħata preferenza lil dawk il-każijiet fejn jirriżulta li jeħtieġu l-għajnuna. Peress li dan huwa proġett issussidjat mid-Djoċesi u miż-żewġ Ordnijiet Reliġjużi li semmejt, l-Amministrazzjoni tal-Kurja qed titlob ħlas nominali.

Nixtieq minn qalbi nuri l-apprezzament tiegħi u tal-Knisja f’Għawdex lejn il-Patrijiet Agostinjani u s-Sorijiet tas-Saint Joseph. Fl-istess waqt nixtieq nesprimi l-istima tiegħi lejn il-familji tagħna, b’mod partikulari lejn dawk il-ġenituri li, b’sagrifiċċji personali mhux żgħar, jinkuraġġixxu u jakkumpanjaw lil uliedhom fit-tfittxija ta’ futur aħjar.

Il-Mulej isawwab fuq il-familji u ż-żgħażagħ tagħna l-kotra tat-tjieba tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, nhar il-Ġimgħa, 31 ta’ Awwissu 2018.

Mario Grech

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading