L-Isqof Mario Grech fil-Funeral ta’ Joseph G. Grech

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 10 ta’ Settembru 2018: Omelija fil-Funeral ta’ Joseph G. Grech fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.

Ritratt - Carmel Saliba

Ritratt ta’ Carmel Saliba.

ĦADD MA GĦANDU JINGĦATA L-ĠENB

F’ħajjitna hemm diversi ġrajjiet li huma diffiċli biex inġerrħuhom, bħal meta nsibu ruħna mrekkna fil-ġenb jew sidelined.

Wieħed jista’ jagħżel li joqgħod fil-ġenb biex jinħeba u ma jagħtix fil-għajn. Dan jista’ jiġri meta wieħed jitlef il-fiduċja fih innifsu. Spiss jiġri li meta nintebħu b’xi dgħufija personali, nitilfu l-istima lejna nfusna, u biex niddefendu lilna nfusna, nagħżlu post ’il bogħod mill-għajn u ninqatgħu mill-bqija. Xi drabi jista’ jiġri li minħabba xi żball li nkunu wettaqna, tant ikollna sens ta’ mistħija li nkunu nixtiequ ninħbew wara xi kolonna.

Imma mbagħad hemm dawk li jsibu ruħhom imġennbin mill-oħrajn. Ma jkunux huma li jagħżlu li jirtiraw miċ-ċentru, imma ħaddieħor jitfagħhom f’ġenb. Dan jista’ jiġri minħabba l-pika u l-għira ta’ bejnietna; jiġri wkoll għax xi ħadd jiġġudikana li m’aħniex kapaċi jew li ma nlaħħqux mal-kriterji li timponi fuqna s-soċjetà. Nistgħu ningħataw il-ġenb għax forsi ma jkollniex l-istess fehmiet tal-kotra. Oħrajn jaraw id-dlam minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom. Ningħataw il-ġenb meta ma nibqgħux utli jew ma nibqgħux nipproduċu.

Hemm diversi modi kif kapaċi ntajru min-nofs lill-oħrajn: meta persuna ma tibqax tiġi kkalkulata jew tiġi rredikolata. Iz-zekzik, il-ġudizzji bl-addoċċ, il-kalunnji, xnigħat foloz, il-hate speech, u l-bqija, huma kollha għodda tajba biex neliminaw lil xi ħadd mis-saqajn. Imbagħad kapaċi nifilġu lil xi ħadd biex nabbandunawh u nħalluh jitmermer fis-solitudni.

Imma agħar minn dan kollu huwa meta l-bniedem jibda jissuspetta li huwa mġenneb minn Alla nnifsu. Ilkoll suppost nafu lilna nfusna u għalhekk nafu l-limiti spiritwali tagħna. Konsegwenza ta’ dan hemm min jibda jħossu li mhux denn li jkun fil-preżenza ta’ Alla. Biex ma ngħidux li l-istess komunità Nisranija ġieli tikkundanna biex joqogħdu fil-ġenb lil dawk li l-ħajja morali tagħhom mhix perfetta!

Dakinhar li Ġesù daħal fis-sinagoga u lemaħ lir-raġel li kellu idu l-leminija niexfa, huwa qallu: “Qum u oħroġ fin-nofs” (Lq 6:8). Minħabba li kellu difett, jew b’għażla tiegħu stess jew b’ordni tal-komunità, dan ir-raġel sab ruħu fil-ġenb! Il-miraklu li għamel Ġesù dakinhar ma kienx biss għax fejjaq l-id niexfa ta’ dan ir-raġel, imma għax irnexxielu joħorġu fiċ-ċentru! Ġesù kien kapaċi jqiegħed fil-qalba tal-komunità liż-żgħir li kien skartat mill-bqija! Dakinhar il-ħarsa kollha ħniena ta’ Ġesù ma streħitx fuq dawk li kienu quddiem nett, imma fuq il-bniedem imġenneb!

Fiċ-ċentru tas-sinagoga l-Lhud kienu jpoġġu t-Torah (il-Kotba Mqaddsa). Għalhekk, meta Ġesù qal lil dan ir-raġel biex joħroġ fin-nofs, kien qed jistiednu biex jieħu post il-ktieb qaddis! B’dan il-ġest Ġesù bħal qiegħed jurina li kif Alla huwa preżenti fil-Kelma tiegħu, daqshekk ieħor huwa preżenti fil-bniedem skartat. Huwa l-każ li l-ġebla mwarrba mill-bennejja ssir il-ġebla tax-xewka! Ġesù jimmedeżima ruħu mal-bniedem imwarrab fil-ġenb!

Fil-fatt, meta għad nidhru quddiemu, mhux ser jgħidilna biex nidħlu għax inkunu għamilna karriera u suċċess, lanqas ser jiftħilna l-bieb għax inkunu għamilna ħafna opri fil-knisja jew għax aħna s-saċerdoti nkunu ppritkajna u ċċelebrajna tant quddies; għall-kuntrarju, huwa jdaħħalna biss jekk inkunu lqajnieh fil-persuni skartati u mġennbin. Fil-fatt, dakinhar tal-Ġudizzju għad jgħidilna: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni… kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (ara Mt 25).

Għalhekk għandhom tassew għaliex jagħmlu l-qalb dawk li jinsabu mġennbin jew skartati! Għax jekk għall-bnedmin, li tkun fil-periferija hija għamla ta’ kastig, Alla jaf jinħeba fil-bniedem skartat; jekk il-bnedmin juruna l-ġenb bħala sinjal ta’ disprezz, Alla juri preferenza ma’ dawk imwarrbin.

Aċċettajt l-istedina li għamlitli l-familja ta’ Joseph G. Grech biex immexxi dan il-Funeral għax Joseph kien benefattur kbir ta’ Għawdex tagħna. Kull min kien midħla tiegħu jikkonferma kemm Joseph dejjem għażel li joqgħod fil-ġenb biex joħroġ lil ħaddieħor fin-nofs u hekk joffrilu kull possibbiltà biex ikollu futur sabiħ. Insemmi biss żewġ aspetti mill-ħajja tiegħu. L-isem ta’ Joseph huwa sinonimu mal-Moviment tal-Iscouts. Kellu ħiliet biex jagħmel għażliet oħra importanti, imma għażel li jgħin liż-żgħar! Joseph iddedika ħajtu għat-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ fi ħdan dan il-moviment edukattiv biex ikunu ċittadini ħielsa u responsabbli. Fl-umiltà tiegħu, huwa kien dejjem lest li jiċkien hu biex jikbru l-oħrajn, joqgħod nieqes hu biex jara sew lill-oħrajn. Bir-raġun illum il-Moviment tal-Iscouts f’pajjiżna, b’mod partikulari l-Victoria Scout Group, qed jibku t-telfa ta’ missier.

Joseph kien ukoll attiv fil-Kamra tan-Negozju Għawdxija. Niftakarni nitkellem miegħu dwar is-sehem tiegħu f’dan il-qasam u kont nammira r-ruħ soċjali li huwa kellu. Ma kienx fil-Kamra tan-Negozju biex jimla bwietu, imma biex jgħin partikularment liż-żgħir. Nemmen li waħda mill-motivazzjonijiet għaliex daħal għal din il-ħidma kienet ukoll l-imħabba tiegħu lejn gżiritna – huwa dejjem xtaq li jqiegħed lil Għawdex fin-nofs tal-aġenda nazzjonali.

Filwaqt li b’sens qawwi ta’ gratitudni noffru t-talb tagħna b’suffraġju tiegħu, imqawwijin mil-legat uman u Kristjan li Joseph ħallielna, naħdmu flimkien biex ħadd ma jiġi skartat.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading