It-Tnejn 10 ta’ Settembru 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
‘Ħuti, kulħadd sema’ li hemm iż-żina fostkom, u żina li lanqas issibha fost il-pagani. Imma intom Insara u tgħixu hekk?’ Dan hu l-kliem iebes ta’ ċanfir, meħud mill-ewwel ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin, fejn Pawlu jindirizza lill-Insara li jgħixu ħajja doppja.
L-Appostlu, qal dalgħodu l-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, hu rrabjat ħafna magħhom għax jidhrilhom li huma Nsara ‘liberali’, li l-ħajja nisranija tagħhom timxi fuq l-istess linji ma’ dik tat-tolleranza tal-immoralità. Pawlu jfakkarhom li l-ħmira ttella’ l-għaġna kollha u hemm bżonn ta’ ħmira ġdida biex issir l-għaġna l-ġdida.
[youtube https://www.youtube.com/watch?v=52sdCjVmBjs?rel=0&w=560&h=315%5D
Ġesù jirrikmanda lid-dixxipli tiegħu li l-inbid ġdid jitqiegħed fid-damiġġjani ġodda. In-novità ta’ Kristu, afferma Franġisku, mhix dik biss li tittrasforma r-ruħ, imma dik li tittrasforma l-bniedem sħiħ: ruħ u ġisem, kollox. In-novità tal-Vanġelu hi assoluta, totali, tolqot lilna lkoll għax tibdilna minn ġewwa u minn barra: l-ispirtu, il-ġisem u l-ħajja ta’ kuljum.
Il-Papa Franġisku osserva li l-Insara ta’ Korintu ma kinux fehmu n-novità sħiħa tal-Vanġelu, li dan mhux ideoloġija jew mod ta’ għajxien soċjali li jista’ jimxi id f’id mad-drawwiet pagani. In-novità tal-Vanġelu hi l-qawmien ta’ Kristu; huwa l-Ispirtu li jistedinna biex ikun il-kumpann tagħna matul il-ħajja.
Aħna l-Insara aħna bnedmin ta’ novità mhux tan-novitajiet, issokta l-Papa. Hawn ħafna nies li jippruvaw jgħixu l-ħajja nisranija bin-‘novitajiet’: illum dan tista’ tagħmlu, tista’ tgħix hekk… U dawn in-nies li jgħixu bin-novitajiet li jipproponu d-dinja u l-mondanità, ma jaċċettawx in-novità kollha. Hemm konfront bejn in-novità ta’ Ġesù Kristu u n-novitajiet li d-dinja tipproponilna biex ngħixu.
In-nies li qed jikkundanna Pawlu, kompla l-Papa, huma nies bierda, immorali, nies finta, formali, ipokriti. Imma s-sejħa ta’ Ġesù hi sejħa għan-novità.
Xi ħadd jista’ jgħidli li aħna dgħajfa, midinbin. Din ħaġ’oħra, osserva Franġisku. Jekk int tammetti li int midneb u dgħajjef, Hu jaħfirlek, għax il-punt tat-tluq tal-Vanġelu hu li wieħed jistqarr li Ġesù Kristu ġie biex jaħfer id-dnubiet. Imma jekk int tgħidli li tista’ tkun Nisrani imma tgħix bin-novitajiet mondani, int ipokrita. Dik hi d-differenza.
Fil-Vanġelu Ġesù qalilna: ‘Attenti għal dawk li jgħidulkom: Kristu jinsab hawn, hemm.’ Dawn huma n-novitajiet: ‘Is-salvazzjoni tista’ tinkiseb b’dal-mod…’ Imma Kristu hu wieħed u huwa ċar ħafna fil-messaġġ li jagħti.
Ġesù ma jqarraqx b’min irid jimxi warajH. Is-silta tal-Vanġelu tal-lum ittemm, fakkar il-Papa Franġisku, bid-deċiżjoni meħuda mill-Iskribi u l-Imgħallmin tal-Liġi, li joqtlu lil Ġesù, li jeħilsu minnu. It-triq li tmexxik wara Ġesù hi t-triq tal-martirju, wissa l-Papa. Martirju li mhux dejjem krudil, imma l-martirju ta’ kull jum li jgħaddi.
Aħna mexjin fit-triq u dak li jakkużana qed ifittex li jaqbadna f’kontradizzjoni. Imma, temm iwissi Franġisku, aħna ma nistgħux noqogħdu ninnegozjaw man-novitajiet, ma nistgħux indgħajfu l-aħbar tal-Vanġelu.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija