Inawgurazzjoni tax-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu f’Nazaret

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 15 ta’ Settembru 2018: Inawgurazzjoni tax-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu f’Nazaret, li saret mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech.

inawgurazzjoni-nazaret-10.jpegINAWGURATA X-XBIEHA TAL-MADONNA TA’ PINU F’NAZARET

Nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Settembru 2018, Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, fid-9.00am, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, mexxa Konċelebrazzjoni fis-Santwarju tat-Tħabbira tal-Mulej, f’Nazaret, fit-tieni jum ta’ Pellegrinaġġ Djoċesan ta’ għaxart ijiem fl-Art Imqaddsa flimkien mal-Patrijiet Franġiskani Minuri, li fih qed jieħdu sehem fuq mija u ħamsin pellegrin mill-gżejjer Maltin. Mal-Isqof Grech ikkonċelebraw għadd ta’ saċerdoti, fosthom Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju Ta’ Pinu f’Għawdex. Kienet preżenti wkoll l-E.T. Cecilia Attard Pirotta, l-Ambaxxatriċi Maltija għal Iżrael.

Il-quddiesa ntemmet b’purċissjoni qasira lejn il-wesgħa ta’ quddiem il-Bażilika ta’ fuq, fejn ġiet inawgurata x-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu, maħduma riċentement fil-mużajk minn Dun Roberto Gauci u Joseph Borg taċ-Ċentru tal-Arti Liturġika Eikon li għandha d-Djoċesi ta’ Għawdex f’parti mid-dar li ħallielha l-mibki Mons. Anton Gauci. Ix-xbieha diġà tbierket fil-Velja tal-Għid tal-Assunta fl-14 ta’ Awwissu li għadda fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Ta’ Pinu.

Patri Bruno Varriano OFM, il-Gwardjan tal-komunità tal-Patrijiet Franġiskani fis-Santwarju ta’ Nazaret, qal li aċċetta li titwaħħal din l-ikona bħala apprezzament tal-ħafna pellegrini Maltin u Għawdxin li ta’ kull sena jżuru dan is-Santwarju, taħt il-gwida spiritwali ta’ Patri Twanny Chircop OFM, Kummissarju Malti għall-Art Imqaddsa. Fost il-ħafna xbihat nazzjonali Marjani li hemm fil-bitħa tas-Santwarju ta’ Nazareth, diġà hemm xbieha oħra Maltija, dik tal-Madonna tal-Mellieħa.

L-Isqof Mario sejjaħ din il-ġrajja bħala “ġemellaġġ bejn is-Santwarju Ta’ Pinu u dak ta’ Nazaret”. Huwa fisser li “hemm kumplimetarjetà bejn iż-żewġ santwarji. F’Ta Pinu, il-Madonna ssejjaħ lil Karmni Grima u lilna biex immorru għandha, waqt li f’Nazaret, tgħidilna biex bħalha nagħmlu r-rieda ta’ Alla”. L-Isqof kompla fisser li “r-rieda ta’ Alla hija l-aqwa ġid li l-bniedem jista’ jikseb għalih u għall-oħrajn. Alla jrid li l-bniedem ikun bniedem, għax xi drabi aħna l-bnedmin ma nafux nirrispettaw id-dinjità umana tagħna nfusna u tal-oħrajn”.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, l-Isqof ta’ Għawdex, f’isem id-Djoċesi, għamel għotja ta’ €3,000 – kollha donazzjonijiet mogħtija mill-pubbliku waqt ġabra li saret fil-Velja tal-Assunta f’Għawdex – lill-Gwardjan Patri Bruno biex dan ikun jista’ jgħin lill-foqra ta’ Nazaret.

Tkantaw innijiet Marjani bil-Malti, kif ukoll l-Innu Nazzjonali.

Omelija fis-Santwarju tat-Tħabbira tal-Mulej f’Pellegrinaġġ Djoċesan fl-Art Imqaddsa
– Fil-Bażilika tat-Tħabbira tal-Mulej, Nazaret

IR-RIVOLUZZJONI LI BDIET F’NAZARET

Il-qawl li jgħid: “Iż-żmien itul u l-qarn idur”, nistgħu napplikawh ukoll għall-ħajja Nisranija kemm bħala individwi u kemm bħala komunità ekkleżjali. Għax meta jgħaddi ż-żmien minn fuqna, hemm ir-riskju li ċerti pożizzjonijiet “reliġjużi” li aktar ikunu frott iċ-ċirkustanzi jew il-kultura milli jkunu ġejjin mill-qalba tal-Vanġelu, jikkonsolidaw ruħhom anki jekk ma jkunux jaqblu għalkollox ma’ dak li jrid Alla! Bħallikieku l-prova taż-żmien hija biżżejjed biex tikkonfermalna li qegħdin fis-sewwa u għalhekk ma narawx il-ħtieġa li naġġornaw. Minħabba f’hekk nibqgħu nipperpetwaw fehmiet u attitudnijiet li aktar huma frott tar-riflessjoni umana milli mnebbħin minn Alla.

Din kienet is-sitwazzjoni fi ħdan il-poplu ta’ Alla meta seħħet il-ġrajja ta’ Nazaret! Il-poplu ta’ Alla ħalla lilu nnifsu “jixjieħ” u hekk tilef iż-żgħożija u l-freskezza spiritwali tiegħu. Maż-żmien, il-qarn tar-reliġjon Lhudija dar waħda sewwa! Fil-fatt, mal-medda tas-snin, id-damma ċkejkna ta’ liġijiet li Alla kien ta lil Mosè mmultiplikaw ruħhom b’regoli reliġjużi maħluqa mill-bnedmin. Konsegwenza ta’ dan, ir-reliġjon tilfet l-awtentiċità tagħha u aktar milli kienet reliġjon ġejja minn fuq, saret sistema mmexxija mill-bnedmin. Il-kult fit-Tempju aktar kellu minn tal-korjografija milli esperjenza tas-sagru. Konsegwenza ta’ dan, il-poplu ta’ Alla baqa’ reliġjuż li jfittex it-Tempju, imma tilef ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla ta’ Abraham, ta’ Ġakobb, ta’ Iżakk. Il-qima tiegħu lejn Alla ma kinitx ħierġa mill-qalb imma mill-fomm biss. B’xorti ħażina, dan jgħodd ukoll għall-komunità ekkleżjali tagħna!

Imma jekk il-qalb tal-bniedem tbiegħdet minn Alla, il-qalb ta’ Alla xorta baqgħet tħabbat għall-bniedem. Fil-fatt, il-ġrajja ta’ Nazaret hija inizjattiva oħra li jieħu Alla biex jerġa’ jħaddan lill-umanità. Meta f’Nazaret offra lil Marija biex issir Omm Ibnu li sar bniedem (għax kien hawn li tnissel Ġesù bħala bniedem fil-ġuf ta’ Marija), Alla ried jagħti l-ħajja lil dan il-poplu spiritwalment “xiħ” li kellu l-qarn reliġjuż imdawwar mhux ħażin.

Imma din id-darba għal din il-laqgħa ġdida Alla jagħżel persuna u post li żgur ħadd ma basar! Skont l-evanġelista Luqa, Alla jagħżel ir-raħal ċkejken u minsi ta’ Nazaret – raħal tal-periferija. Studjużi jinnutaw li billi Nazaret kien ’il bogħod sewwa miċ-ċentru tal-poter ċivili u reliġjuż, wisq probabbli n-nies ta’ hemm kienu xi ftit libertini. Interessanti li Alla ma għażilx li jsir bniedem f’Ġerusalemm, fejn kien hemm it-Tempju u l-krema reliġjuża. Kif f’Nazaret Alla qabad il-ħabbata ta’ dar komuni biex jidħol u jwaqqaf it-Tinda tiegħu mal-bniedem, hekk ukoll illum Alla jagħmel triqtu fid-djar tagħna, fl-uffiċċji fejn naħdmu, fis-suq, fl-isptar, fl-iskejjel u fl-ibliet u l-irħula. Il-fatt li fl-ambjenti tagħna jkun hemm il-kunflitti, it-tensjonijiet, il-qtigħ il-qalb, u l-bqija, ma jfissirx li Alla ser jiskartahom.

Għajnejn Alla strieħu fuq Marija, tfajla sempliċi u medhija fil-ħidma ordinarja tad-dar. Ħasra li l-ikonografija dejjem tippreżenta lil Marija għarkupptejha titlob! Ma niskantax li meta kellemha l-anġlu, Marija kienet bl-ixkupa f’idejha jew taħsel il-borom! Sa mit-tnissil tiegħu f’ġuf ommu, Ġesù jagħti preferenza lil dak li għalina l-bnedmin huwa “skartat”. Dan kollu jgħidilna li ħadd ma għandu jħossu eskluż mill-imħabba ta’ Alla. Ħadd ma għandu jibqa’ lura għax iħossu li mhux idonju biex Alla jirrelata miegħu jew magħha. Ebda sitwazzjoni tagħna l-bnedmin ma hija xkiel biex Alla jidħol f’relazzjoni magħna. Dejjem ninduna kemm il-kriterji ta’ Alla huma differenti minn dawk tagħna.

Meta daħal għand Marija, Alla ma jagħtihiex ordnijiet u lanqas ma jimponi lilu nnifsu fuqha; minflok, jgħidilha: “Ifraħ, Marija”. Marija għandha għax tifraħ għax Alla jrid idewwaqha t-tenerezza, it-tjubija, il-ħlewwa u l-miżerikordja tiegħu! Alla jrid jikkomunika ma’ Marija li hu għandu simpatija kbira lejha. Hu ħa grazzja magħha tant li ġie biex ikun solidali magħha. Dan li Alla jgħid lil Marija qed itennih lil kull bniedem illum. Ifraħ, għax Alla jrid jisqik il-ħniena tiegħu; ifraħ, għax huwa Alla li qed ifittxek għax issaħħar warajk. Ifraħ, għax irid jikkomunikalek biss bxara tajba.

Fundamentalment dan hu l-Vanġelu. Fl-evanġelizzazzjoni din l-aħbar tajba hija l-prijorità u mhux id-deklinazzjoni tal-morali: li nikkomunikaw li Alla jridna ferħanin. Il-messaġġ dwar il-ferħ huwa balzmu għall-bniedem ta’ kull żmien. Alla jagħtina motiv biex ma niddisprawx, imma nissaħħu fit-tama. Din hija r-rivoluzzjoni li għandu bżonn il-bniedem illum. Hemm ħafna xi jtaqqlilna qlubna, xi jtaqqal il-mixja tagħna flimkien, xi jtaqqal il-ħajja tal-Knisja llum. Imma nżommu quddiem għajnejna dak li Alla qal lil Marija: “Ifraħ, għax int sibt grazzja”.

Dan ma jfissirx li mhux ser ikun hemm waqtiet fejn id-dubju u l-biża’ jdallmulna moħħna u nibdew nistaqsu kif huwa possibbli li nkunu ferħanin meta l-ħajja ta’ madwarna, anki fil-Knisja, saret daqshekk tqila u dgħajfa. Naf b’ġenituri li jgħiduli li wliedhom jagħmlu għadd ta’ mistoqsijiet dwar il-fidi – uħud mill-mistoqsijiet tant huma serji li dawn ma jarawx sens fil-ħajja tal-komunità Nisranija. Tikkonfondux. Marija ressqet il-mistoqsijiet tagħha lil Alla! Jien nikkonfondi jekk uliedna ma jqanqlux din ix-xorta ta’ mistoqsijiet. Għax il-fatt li wieħed ma jagħmilx mistoqsijiet x’aktarx jindika li l-qarn tiegħu jkun dar waħda sewwa. Id-domandi nagħmluhom aktar u aktar meta naraw lil Ġesù Kristu jkisser l-iskemi li nkunu drajna bihom u jintroduċi fl-istorja modi ġodda! Naf li nistgħu ninbarmu, imma agħmlu l-qalb.

Lil Marija, Alla jikkonfermalha li għalih xejn ma huwa impossibbli. Din hija sentenza li lili tfarraġni qatigħ u nixtieqha tkun għajn ta’ faraġ għalikom. Jekk aħna nafdaw biss fuq il-ħiliet, il-kompetenza, l-intelliġenza tagħna, allura jkun hemm ħafna li ma jistax isir; imma meta nintelqu f’dirgħajn Alla u naħdmu miegħu id f’id, ma hemm xejn li ma jistax isir. Imma Alla għandu t-timing tiegħu: irridu nitgħallmu nistennew li tasal is-siegħa tiegħu.

Alla jrid jidħol fl-istorja tiegħek. Mhux aħna li rridu naraw kif ser nidħlu fil-proġett ta’ Alla, imma Alla jridna nissieħbu fil-proġett tiegħu – proġett kollu mħabba u ħniena. Ma jimpurtax li nistaqsu. Li wieħed jistaqsi mhux dnub! Il-mistoqsija mhix biss oħt il-għerf, imma hija wkoll xprun tal-qdusija.

Hawnhekk f’Nazaret, elfejn sena ilu, Alla ta bidu għal rivoluzzjoni kbira li għadha għaddejja. Hawnhekk, bit-tisħib tal-bniedem (Marija), Alla inawgura era ġdida. Bil-miġja ta’ Ibnu fostna, huwa xegħel lil qlubna bil-ħeġġa, qegħedna mill-ġdid fuq il-binarji u reġa’ qabbadna r-rotta biex nieħdu sehem f’din il-ġrajja. It-talba tiegħi hawnhekk hija li din ir-rivoluzzjoni tkompli. Hawn aħna li, bħal Marija u bl-għajnuna materna tagħha, lesti ngħinuh ikompli bil-ħidma ta’ tiġdid tal-umanità.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading