L-Isqof Mario Grech fis-Santwarju ta’ San Pietru, Kafarnahum


Is-Sibt, 15 ta’ Settembru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fis-Santwarju ta’ San Pietru, Kafarnahum.kafarnahum-1.jpg
KAFARNAHUM HIJA DARNA

Ħajjitna hija Kafarnahum. Fil-fatt, din il-belt kienet diżordinata sew peress li kienet mibnija fuq il-fruntiera mad-dinja pagana. Bil-kategoriji tal-katekiżmu nistgħu ngħidu li kienet il-belt tad-dnub. Għalhekk inħossni qiegħed home – għax jiena midneb. Jekk f’Nazaret ikkontemplajna l-ġrajja tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, hawnhekk napprezzaw li Ġesù għażel li jgħix f’din il-belt biex jiltaqa’ mal-ħażen (id-dnub) inkarnat fina l-bnedmin. Ġesù għalhekk sar bniedem: biex itaffilna din it-tagħbija tqila – biex idewwaqna l-ħelsien. Huwa mar joqgħod f’din il-belt biex joqgħod mal-bniedem f’ċirkustanzi mudlama u tqal. Din hija fil-prattika l-inkulturizzazzjoni tal-Vanġelu. Dak li normalment aħna naħarbu minnu, għal Ġesù (u dawk li huma dixxipli tiegħu) isir ir-refuġju!

Kafarnahum tant kienet belt iddisprezzata miċ-ċentru, li kien f’Ġerusalemm, li lanqas biss kienu jsejħulha b’isimha. Daqshekk kienu jikkalkulawha. Għall-awtoritajiet ċivili u reliġjużi kienet qisha ma teżistix. Kienu jiskartawha. Imma dak li jiskarta l-bniedem, jinteressa lil Alla! L-Iskrittura tiddeskrivi n-nies ta’ din il-belt bħala poplu miexi fid-dlam. Anki l-fatt li l-għadira tissejjaħ baħar għandu konnotazzjoni negattiva. Il-baħar huwa assoċjat mal-ħażen li jibla’ u jeqred.

Kien f’dawn l-inħawi li Ġesù sejjaħ lit-tnax biex jgħinuh fil-missjoni tiegħu. Interessanti li Ġesù ma għażilx lis-saċerdoti ta’ dak iż-żmien jew lil-Leviti, lanqas ma fittex lill-irħieb (bħalma kienu l-Esseni), imma l-għażla waqgħet fuq ftit sajjieda. Ġesù ma marx ifittex koperaturi li kienu speċjalizzati fil-kult jew it-teoloġija, imma sejjaħ nies komuni. Għażel sajjieda tal-ħut biex jistadu lill-bnedmin mill-baħar tal-ħażen u ma jarawx il-mewt.

Mhux ta’ min jittraskura l-fatt li l-ewwel sajda Ġesù ma jagħmilhiex fis-suq fejn isir is-serq legalizzat jew fit-toroq ta’ Kafarnahum fejn jitlewmu n-nies, lanqas f’xi burdell. Imma kien proprju fis-sinagoga li Ġesù jitfa’ x-xbieki biex jeħles lill-bniedem mill-mewt. San Mark jgħidilna li “f’jum is-Sibt, Ġesù daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem”. Proprju f’dak il-post “qaddis”, fejn kien hemm “il-maġisteru” fdat lill-iskribi li kienu jaħsbu li huma infallibbli, kien hemm bniedem bi spirtu ħażin – bniedem impur.

Dan ifisser li s-sinagoga tista’ tipproduċi bnedmin impuri; u jekk is-sinagoga tforni nies impuri, dan ifisser li kienet sinagoga impura. Meta qed insemmu s-sinagoga, qed nitkellem għal żmien Kristu; imma llum flok sinagoga nistgħu ngħidu “l-komunità ekkleżjali”! Jistax ikun li fil-komunitajiet ekkleżjali tagħna aħna tant aħna marbutin mad-“duttrini tal-bnedmin” u ma’ tradizzjonijiet religjużi antiki, imma dejjem tradizzjonijiet li għandhom oriġni umana, li qegħdin nipproduċu bnedmin impuri? Ma nagħmlux ħażin jekk għalhekk nistaqsu jekk aħna stess (ħadd eskluż) aħniex frott ta’ sistema impura.

Il-bniedem impur huwa dak li kellu problema biex jikkomunika mhux biss ma’ dawk ta’ madwaru imma wkoll ma’ Alla. Stramb imma veru huwa l-fatt li l-bniedem kien fis-sinagoga, il-post magħżul biex issir il-komunikazzjoni ma’ Alla, imma l-istess sinagoga timpedixxi din il-komunikazzjoni! L-istess struttura reliġjuża ssir xkiel biex il-bniedem jitkellem ma’ Alla!

Billi Kristu biss jista’ jkeċċi l-ispirti mniġġsa, nistaqsi jekk aħniex inħallu lil Kristu jidħol fil-komunitajiet tagħna! Nistaqsi jekk fil-laqgħat liturġiċi, imma anki f’laqgħat oħra, aħniex qegħdin nirriservaw post għal Kristu! Għax jekk niltaqgħu f’isem Kristu imma Kristu jibqa’ barra, aħna nkomplu nogħdsu fl-impurità u tiżdied id-distanza bejn il-komunità reliġjuża u Alla. Forsi nista’ ninħass li qed ngħid kontradizzjoni; anki jekk b’xorti ħażina ġieli nidraw, anki fil-Knisja, ngħixu fil-kontradizzjonijiet, imma dan li qed ngħid huwa verità. Ma nistagħġibx li quddiem dan li qed ngħid, ikun hemm dawk li huma impuri u jgħiduli l-istess kliem li l-impur tas-sinagoga qal lil Kristu: “Ġejt biex teqridna”. Bħalissa f’moħħi jiġini l-Papa Franġisku li diversi minn ħdan is-sinagoga stess (il-Knisja) qed jakkużawh li ser jeqridna!

Din hija l-isfida li nixtieq li nirriflettu dwarha. Dan jgħodd għalija wkoll, għax għalkemm nippritalkom, jien bħalkom dixxiplu ta’ Ġesù. Anzi, aħna l-presbiteri nġorru aktar responsabbiltà fuq spallejna, għax xi drabi jista’ jkollna l-kumpless tal-iskribi u naħsbu li l-kelma tagħna hija definittiva u ma hemmx appell kontra tagħha!

Kien Ġesù bit-tagħlim ġdid tiegħu li keċċa l-ispirtu mniġġes mhux biss minn dak il-bniedem, imma wkoll mis-sinagoga. Kristu biss jista’ jnaddaf. Imma Kristu ħaj u mhux tal-istorja. Kien għalhekk li fl-Ittra Pastorali tiegħi li ktibt fl-okkażjoni ta’ Santa Marija jien insistejt li mhux biżżejjed inkunu nafu dwar Ġesù, imma rridu nkunu għamilna esperjenza tiegħu. Mingħajr din l-esperjenza personali ta’ Ġesù nibqgħu fl-impurità tagħna.

Hija x-xewqa tiegħi li dan il-pellegrinaġġ jgħinna biex, meta nirritornaw fil-komunitajiet ekkleżjali tagħna, inħossu li Ġesù qed jibgħatna biex inkunu sajjieda tal-bnedmin – li nkunu sajjieda f’isem Kristu mhix xi prerogattiva tagħna s-saċerdoti, imma hija sejħa u missjoni tal-imgħammdin kollha. Il-Mulej qed jibgħatna biex ngħinu ħalli ssir il-konverżjoni. Il-konverżjoni ma tfissirx li tkun midneb u ssir qaddis, imma tfisser li wieħed jibdel il-mod kif jaħseb – li wieħed jikseb viżjoni ġdida. Din il-konverżjoni neħtiġuha kemm individwalment u kemm bħala Knisja.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.