Ix-xitan juża l-ipokriti, Ġesù jgħallem il-vera mħabba

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis 20 ta’ Settembru 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Nitolbu lil Ġesù li bil-ħniena u l-maħfra tiegħu jipproteġi dejjem il-Knisja tagħna, ‘omm u qaddisa, imma mimlija wlied midinbin bħalna’.

Din kienet it-talba li għamel il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa tal-lum, fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Bergoglio kien qed jikkummenta l-ewwel qari meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin u l-Vanġelu skont San Luqa li jdur madwar il-kliem ta’ Ġesù: ‘dnubietha maħfura għax ħabbet ħafna’.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=nbyb9aADU7Q?rel=0&w=560&h=315%5D

Il-Papa nnota t-tliet gruppi ta’ nies li naqraw dwarhom fil-qari tal-ġurnata: Ġesù u d-dixxipli tiegħu, Pawlu u l-mara, waħda minn dawk li d-destin tagħha, fakkar Franġisku, kienet li ‘jmorru jżuruha bil-moħbi’… il-Fariżej u d-Dutturi tal-Liġi wkoll… inkella tispiċċa mħaġġra.

Però, osserva l-Papa, il-mara resqet lejn Ġesù b’ħafna mħabba, bla ma ħbiet li kienet midinba. L-istess bħalma kiteb Pawlu: ‘Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri li Kristu miet minħabba dnubietna.’

Ifisser li t-tnejn kienu qed ifittxu lil Alla, bl-imħabba, imma mħabba ‘nieqsa’:  Pawlu għaliex kien jaħseb illi l-imħabba hija liġi u kellu qalbu magħluqa għar-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu.  Kien jippersegwita lill-Insara, iżda minħabba ż-żelu li kellu għal-Liġi. Kien għalhekk li l-imħabba tiegħu ma kinitx matura. U l-mara kienet qed tfittex l-imħabba, ‘l-imħabba superfiċjali’.

 

Għalhekk il-Fariżej gemgmu imma Ġesù wieġeb: ‘Lil din inħafrilha ħafna għax ħabbet ħafna.’ Ġesù jħares lejn il-ġest żgħir ta’ mħabba, il-ġest żgħir ta’ rieda tajba, u jseddqu. Din hi l-ħniena ta’ Ġesù: jaħfer dejjem, jilqa’ dejjem.

Dwar id-Dutturi tal-Liġi, Franġisku nnota li għandhom atteġġjament li spiss iħobbu jużaw l-ipokriti: jiskandalizzaw ruħhom u jgħidu, ‘Ara xi skandlu! Ma nistgħux ngħixu hekk! Tlifna l-valuri! Issa kulħadd jista’ jidħol il-Knisja, anke d-divorzjati, ilkoll! Fejn se naslu?’

L-iskandlu tal-ipokriti, tenna Bergoglio. Dan hu djalogu mal-imħabba kbira li taħfer kollox, ma’ Ġesù li huwa l-imħabba. L-imħabba ‘nieqsa’ ta’ Pawlu u ta’ dil-mara, u tagħna wkoll, hija mħabba ‘nieqsa’ għax ħadd minna għadu ma ġie kanonizzat! Ngħidu d-dritt, issokta l-Qdusija Tiegħu, din hi ipokrisija tal-ġusti u tal-puri, ta’ dawk li jaħsbu li jsalvaw bil-merti esterni tagħhom personali.

Ġesù jagħraf kif dawn in-nies juru ruħhom sbieħ minn barra u jitkellem dwar l-‘oqbra mbajda, iżda minn ġewwa mimlijin taħsir u ħmieġ’. U matul il-mixja tal-istorja tagħha, il-Knisja dejjem hi ppersegwitata mill-ipokriti, ipokriti minn ġewwa u minn barra.

Ix-xitan ma jagħmel xejn mal-midinbin niedma għax dawn iħarsu lejn Alla u jgħidu: ‘Mulej, jien midneb, għinni.’ U b’hekk ix-xitan jisfa bla saħħa.  Imma hu qawwi mal-ipokriti. B’saħħtu ħafna magħhom u jużahom biex ikisser, jeqred lin-nies, lis-soċjetajiet, jeqred lill-Knisja. Il-forza kbira tiegħu hi l-ipokrisija, għax hu giddieb: ibigħ lilu nnifsu bħala prinċep setgħani, sabiħ, u minn wara hu assassin!

Għalhekk il-Qdusija Tiegħu ħeġġiġna biex niftakru li Ġesù dejjem jaħfer, jilqa’, juża l-ħniena, kelma li spiss ninsew meta nqassu fuq l-oħrajn. Allura l-istedina hi biex ikollna l-ħniena bħal Ġesù u ma nikkundannawx lil ħaddieħor. Ġesù għandu jkun iċ-ċentru ta’ ħajjitna. Infatti Hu jaħfer kemm lil Pawlu, midneb, persekutur imma b’imħabba ‘nieqsa’, kif ukoll lill-mara midinba u wkoll bi mħabba mhux sħiħa.

B’hekk biss setgħu jiltaqgħu ma’ Ġesù, il-veru mħabba, filwaqt li l-ipokriti tonqoshom il-ħila li jiltaqgħu mal-imħabba vera għax qalbhom hi magħluqa.

Miġjub mitTaljan għall-Malti minn Joe Huber

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading