Il-Ħamis 20 ta’ Settembru 2018: Is-sit newsbook.com.mt irrapporta li l-Arċisqof Charles Scicluna qal li permezz tal-laqgħa mal-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali minn madwar id-dinja, il-Papa Franġisku qed juri li mill-kliem irid imur għall-fatti dwar il-protezzjoni tal-minuri u l-vulnerabbli.
L-Arċisqof qal dan f’Poznan fil-Polonja fejn kien qed jiltaqa’ mal-ġurnalisti wara l-Plenarja tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej nhar il-Ġimgħa li għaddiet.
Huwa stqarr l-impenn tal-Knisja u tal-Papa li jwaqqfu l-iskandli biex jipproteġu lill-minuri. Fost il-miżuri konkreti li jgħinu biex jipprevjenu dawn is-sitwazzjonijiet, l-Arċisqof semma l-proċess li minnu jgħaddu dawk kollha li juru l-vokazzjoni tagħhom li jsiru qassisin.
Il-Papa bagħat lill-Arċisqof Scicluna fiċ-Ċilì biex jipprova jsolvi l-iskandlu ta’ abbuż li tappan lill-Knisja f’dan il-pajjiż. Kien wara li l-Papa rċieva r-rapport talk-Arċisqof Scicluna, li l-Papa laqqa’ lill-isfqijiet tal-Amerika t’Isfel f’Ruma, fejn kollha kemm huma offrew ir-riżenja tagħhom lill-Papa, bil-Papa jilqa’ diversi minnhom.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.