Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr għall-elf ħarġa tar-Rivista Djoċesana ‘Il-Ħajja f’Għawdex’

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 6 ta’ Ottubru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju Ta’ Pinu għall-Elf Ħarġa tar-Rivista Djoċesana ‘Il-Ħajja f’Għawdex’.

img_6130.jpg

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/510727560″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

KOMUNITÀ LI TOĦLOM

Il-Familja
Is-solitudni tant hija kerha li Alla joħlom kif il-bniedem, kemm jista’ jkun, ma jkunx waħdu! Fil-fatt, fil-Vanġelu tal-lum (Mk 10:2-16) insibu li sa mill-bidu tal-ħolqien, meta ħalaq lil Adam, Alla ħaseb biex jipprovdilu s-sieħba tiegħu. Alla qal: “Mhux sew li l-bniedem ikun waħdu” (Ġen 2:18), u għalhekk ħalaq lil Eva. Il-ħolma ta’ Alla dwar il-bniedem hija li r-raġel u l-mara jagħmlu l-wens lil xulxin! Alla qatt ma joħlom lill-bniedem waħdu, imma joħlom ir-raġel u l-mara f’komunjoni.

Kull darba li raġel u mara jidħlu għaż-żwieġ huma jkunu qed iwettqu l-ħolma sabiħa ta’ Alla. Fiż-żwieġ, il-koppja tkompli toħlom ma’ Alla għax il-ħolm ta’ Alla jiġġenera aktar ħolm; anzi, il-ħolma ta’ Alla tistimula lill-koppja miżżewġa biex toħlom flimkien u hekk jiffurmaw il-familja. Koppja li tieqaf toħlom għandha għalfejn tinkwieta, għax dan ifisser li jkun niżel is-separju fuq il-futur tagħha. Il-ħolm ifisser progress, u għalhekk min jirrinunzja għall-ħolm, ikun qed jiddeċiedi li jistalla, u hemm jibdew ifaqqsu l-problemi. Ma jistax ikun hemm koppja li ma toħlomx. Il-koppja mhux biss toħlom biex ittejjeb ir-relazzjoni u l-qagħda tagħhom it-tnejn, imma jibdew joħolmu meta u kif ser jibdew jiffurmaw il-familja. Imbagħad għandhom disa’ xhur joħolmu dwar kif ser ikun il-wild. Ma tkunx għadha twieldet it-tarbija li l-ġenituri ma jibdewx joħolmu dwar il-ġejjieni tal-wild tagħhom! Fi ftit kliem, ma hemmx familja li ma toħlomx!

Il-Familja Għawdxija
Aħna llum qegħdin infakkru elf (1,000) ħarġa tar-Rivista djoċesana Il-Ħajja f’Għawdex. L-ewwel ħarġa bl-isem Għawdex kienet ippubblikata fl-1945 minn Patri Akkursju Xerri OFM u l-Isqof Ġużeppi Pace; imbagħad fl-1965, fi żmien Dun Nikol Cauchi, is-suċċessur tal-Isqof Pace, ir-rivista ħadet l-isem li għandha llum.

Din ir-rivista hija frott tal-ħolm tal-“familja Għawdxija”. Dak li għidt dwar il-familja nukleari jgħodd ukoll għall-komunità Għawdxija: komunità li ma toħlomx, tmut! Il-Ħajja f’Għawdex hija l-ħolma li kellhom ta’ qabilna dwar Għawdex u l-Knisja – għax għall-grazzja t’Alla fi gżiritna min joħlom dwar il-Knisja jkun qed joħlom dwar Għawdex, u min joħlom dwar ir-reġjun ta’ Għawdex ma jistax jinsa l-Knisja, benefattriċi kbira ta’ din il-gżira.

L-istess rivista kienet u għadha xprun b’saħħtu li jistimula lil ħaddieħor joħlom kemm dwar l-Għawdxin u kemm dwar is-sehem tagħhom fil-kwadru sħiħ tan-nazzjon. Il-ħolm huwa proġetti konkreti li wieħed ikun jixtieq jara jitwettqu. Il-ħolm huwa espressjoni ta’ dak li nixtiequ nirrealizzaw. Il-ħolm huwa xewqa għal futur isbaħ. Il-ħolm ifisser ħajja. Kif jgħid Goethe, il-ħolm iġib miegħu ġenjalità, maġija u qawwa.

B’sodisfazzjon nistgħu ngħidu li mal-medda tas-snin rajna jitwettaq b’risq din il-gżira ħafna mill-ħolm li kitbu dwaru l-edituri u l-korrispondenti ta’ din ir-rivista. Naturalment, kien hemm ukoll ħolm li baqa’ ħolm, imma dan ma jfissirx li konna qegħdin noħolmu bil-ftajjar; għalkemm għadu ħolm li ma twettaqx, xorta waħda l-ħolm huwa żerriegħa miżrugħa li, jekk Alla jrid, taf tagħti frott kotran fil-futur.

Minkejja li hemm ħafna x’jista’ jaqtgħalna qalbna, hemm bżonn li Għawdex jibqa’ joħlom, anki jekk jikkritikawna li noħolmu kbir! Għawdex joħlom proprju għax mhux gżira tal-ħolm, imma għandu passat, preżent u ġejjieni. Għalhekk nixtieq li, kif seħħ fl-imgħoddi, hekk ukoll fil-preżent u fil-futur Il-Ħajja f’Għawdex tkun pjattaforma fejn dan il-ħolm jiġi mperreċ, biex hekk kull min hu responsabbli fil-qasam tiegħu jagħti sehmu biex il-ħolm isir realtà. Jekk aħna l-Għawdxin mhux ser noħolmu dwar gżiritna, ma humiex ħafna dawk li ser joħolmu għalina! Kieku l-antenati tagħna ma kellhomx il-ħolm tagħhom, kieku Għawdex tal-lum kien ikun differenti; u kieku l-imħabba ma saqitx lil dawk ta’ qabilna biex joħolmu dwar il-Knisja f’din il-Gżira tat-Tliet Għoljiet, kieku bħala Knisja aħna ma aħniex dak li aħna llum.

Għalhekk, filwaqt li minn qalbi rrodd ħajr lil dawk kollha li mill-1945 ’l hawn ħadmu qatigħ biex din ir-Rivista tibqa’ ħajja, insellem b’mod partikulari lill-Editur preżenti Francesco Pio Attard u l-predeċessuri tiegħu; nikkonferma r-rieda tagħna bħala Djoċesi li nibqgħu nissussidjaw din ir-rivista, u lil dawk kollha li jħobbu lil Għawdex u lill-Knisja nappellalhom, fi kliem Antoine M. De Saint Exupery: “Agħmlu minn ħajjitkom ħolma, u l-ħolma tagħkom agħmluha realtà”.

Nemmen li hemm tliet oqsma li ma nistgħux nittraskuraw fil-ħolm tagħna dwar Għawdex. Għandna bżonn noħolmu maż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ, għax jekk Għawdex mhux ser joffri opportunitajiet attraenti għalihom, l-eżodu tagħhom ser ikompli jisraqna mill-aqwa riżorsa. Irridu mbagħad noħolmu dwar kif tista’ tissaħħaħ l-ekonomija f’Għawdex li tkun b’infrastruttura li tiżgura xogħol dinjituż għal kulħadd, tkattar il-ġid, u fl-istess waqt ma jinħolqux għamliet ta’ faqar ġdid. Fuq kollox, nixtieq li noħolmu dwar kif nistgħu nħarsu l-ambjent tagħna li jagħmel minn gżiritna ġawhra fil-Mediterran.

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading