Assemblea Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt 13 ta’ Ottubru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fl-okkażjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex, li nżammet fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex. Bil-kortesija ta’ Radju Marija.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/513871113″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Qudd

BIEX IL-BNIEDEM JAQTA’ XEWQTU

Il-Vanġelu jirrakkontalna esperjenza ta’ raġel li kien tat-tajjeb u reliġjuż imma kellu xewqa mhix mitmuma. Fil-fatt lil Ġesù huwa jistaqsih: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex ikolli l-ħajja ta’ dejjem” (Mk 10:17-30). Din il-mistoqsija tixhed li dan ir-raġel kellu xewqa li jgħix u jkun kuntent. Min minna fil-fond ta’ qalbu ma għandux xewqa bħal din?

Ħajjitna hija damma ta’ xewqat. Il-mejtin biss ma għandhomx xewqat; u jekk aħna ma jkollniex xewqat, ikun ifisser li aħna qegħdin agunija. Ukoll jekk ix-xewqat ma jkunux kbar, bħal meta wieħed marid jixtieq li jfiq jew ħaddiem jixtieq paga aħjar, ix-xewqat kollha huma espressjoni ta’ xewqa fundamentali: ix-xewqa li wieħed jgħix. Meta nixtiequ dak li hu sabiħ, veru u tajjeb, aħna nkunu nagħmlu għażliet favur il-ħajja.

Ix-xewqat huma l-mutur tal-ħajja għax jimbuttawna ’l quddiem biex intejbu ħajjitna. Il-ħassieb Baruch Spinosa jgħid li x-xewqat huma d-diqa tal-bniedem, għax meta wieħed jixtieq, ikun ifisser li huwa jkun qed iħoss in-nuqqas ta’ oġġett jew persuna. Ix-xewqat ifissru li l-bniedem mhux sodisfatt u għalhekk jixxennaq li jikseb dak li jista’ jagħmlu kuntent. Huwa fatt li minkejja li fil-ħajja ntemmu ħafna mix-xewqat tagħna, ħafna drabi nibqgħu mhux f’sikitna!

Albert Camus kiteb dramm dwar l-imperatur Ruman Caligola. Fid-djalogu li jgħaddi bejn Caligola u Elicone, il-qaddej tiegħu, l-Imperatur jgħid li jixtieq li jikseb il-qamar, il-kuntentizza u l-immortalità. Ma nistagħġibx li Coligola jixtieq l-impossibbli, għax huwa normali li l-bniedem jaspira għall-impossibbli. Kif jikkummenta Don Luigi Giussani, il-bniedem ma jistax jaqta’ xewqtu, għax xewqtu qatt ma tista’ tiġi sodisfatta. Ix-xewqa tal-bniedem ma għandhiex temma f’din id-dinja. Il-fatt li l-bniedem għandu xewqat li ma jistgħux jintlaħqu jfisser li hu jista’ jissodisfa ruħu biss b’dak li hu etern u infinit. Dan hu Alla tagħna. Il-bniedem min-natura tiegħu għandu din ix-xewqa li jara lil Alla. Kif jikteb Santu Wistin, “il-qalb tal-bniedem ma ssibx mistrieħ jekk mhux fik, o Alla”.

Jean-Paul Sartre jgħid li fundamentalment il-bniedem hu xewqa li jkun alla! L-esperjenza tikkonfermalna li din is-sentenza mhix żbaljata. Fil-fatt, meta l-bniedem jikseb niskata għerf jew jagħmel kemxa flus jew isib l-awtorità f’idejh, faċli li jibda jilgħabha ta’ Alla.

Li l-bniedem huwa xewqa li jkun alla mhix dagħwa. Fil-fatt, fil-Katekiżmu jingħad li “l-Verb sar bniedem biex inkunu nistgħu nissieħbu fin-natura ta’ Alla” (2 Piet 1:4). “Din hi r-raġuni għaliex il-Verb sar bniedem u Bin Alla sar Bin il-bniedem: biex il-bniedem isir Bin Alla billi jixxierek mal-Verb u hekk jikseb filjazzjoni divina” (San Irinew). “L-Iben ta’ Alla sar bniedem biex lilna jagħmilna allat” (San Atanasju ta’ Lixandra). “L-Iben il-waħdieni ta’ Alla ried iseħibna fin-natura divina tiegħu ta’ Alla u għalhekk ħa n-natura tagħna biex hu, magħmul bniedem, jagħmel allat lill-bnedmin” (San Tumas ta’ Aquino).

Dan ir-raġel li jsemmi l-Vanġelu kien jobdi l-liġijiet u jmur it-Tempju; imma la l-osservanza tal-liġi morali u lanqas il-prattika reliġjuża ma jaqtgħulna x-xewqat fundamentali tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar in-normi li kien jipprattika dan ir-raġel ma għandhom xejn speċifikament Kristjan; anzi, lanqas ma hija meħtieġa l-fidi biex wieħed ma joqtolx, ma jiżnix, ma jisraqx, ma jixhidx fil-falz, ma jiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor, u biex iweġġaħ lil missieru u lil ommu! Normalment biżżejjed l-użu tar-raġuni biex wieħed jagħraf il-valur ta’ dawn in-normi.

Mela x’jista’ jissodisfa x-xewqat tagħna? Hija l-ħarsa ta’ mħabba li Ġesù jixħet fuqna segwita mill-istedina biex nimxu warajh! Kif jikteb Guliermu ta’ Saint Thierry, Kristu “huwa l-uniku wieħed li jtemm xewqatna. Hu biss huwa t-twettiq ta’ xewqatna u li jista’ jeħlisna mid-dittatura tax-xewqat parzjali”. Ġesù Kristu jaqtgħalna xewqitna għax hu t-triq li twassal għand il-Missier. Hu nnifsu qalilna li min jara lilu jkun ra lil Missieru u min jisma’ lilu jkun jisma’ lill-Missier. Hija l-laqgħa personali miegħu li tissodisfa x-xewqat tal-bniedem. San Bernard jgħid: “Kif nagħraf li Ġesù hu preżenti f’ħajti? Huwa ħaj u attiv, u hekk kif daħal f’ħajti, hu qajjem lil ruħi li kienet bdiet tongħos. Hu fetaħ, rattab u fiera lil qalbi li kienet saret iebsa daqs ġebla u mardet. Beda jnaddaf u jeqred, jibni u jħawwel, isaqqi l-irqajja’ niexfa u jdawwal l-irkejjen mudlama… b’tali mod li ruħu bidet tfaħħar lill-Mulej”.

Quddiem din il-proposta li jagħmillu Ġesù, ir-raġel tal-Vanġelu “qarras wiċċu u telaq”. Id-direzzjoni li tah Kristu li jinfatam minn ġidu dehret tqila għalih. Ħass li xewqtu kienet ser tiswielu ħafna! Għalhekk tefa’ l-proposta ta’ Kristu wara spallejh anki jekk dan kien ifisser li xewqtu kienet ser tibqa’ mhix kompluta. Kif jgħid il-ħassieb Blaise Pascal, billi l-bniedem ma rnexxilux ifejjaq il-mewt, il-miżerja u l-injoranza, huwa għażel li ma jaħsibx aktar dwarhom. Meta l-bniedem jintebaħ li x-xewqat kbar tiegħu għandhom prezz għax jitolbu impenn personali, ħafna drabi huwa jiċċensura xewqatu stess. Meta huwa jara li t-triq li twassal għand Alla hija impenjattiva, huwa kapaċi jmewwet jew jiċċensura din ix-xewqa! Ma aħniex ħielsa mit-tentazzjoni li quddiem l-isfidi, niddeċiedu li ma nibqgħux nixxennqu għal ħwejjeġ għolja u, filwaqt li nilluppjaw dawn ix-xewqat kbar, nikkuntentaw ruħna b’xewqat parzjali jekk mhux ukoll redikoli.

Għalhekkk il-Vanġelu qed jistedinna biex nagħmlu esperjenza personali ta’ Ġesù u ma niċċensurawx din ix-xewqa tagħna, anki jekk tiswielna prezz għoli. Fid-dawl tal-aħħar Ittra pastorali ta’ Santa Marija, fejn jien għidt li “nħoss li fostna, ħafna minna nafu dwar Ġesù, imma ma ‘tgħallimniex ’il Kristu’”, nagħmel sejħa lill-membri tal-Azzjoni Kattolika biex tistudjaw dik l-Ittra u tfittxu tħajru lill-bniedem tal-lum jiltaqa’ ma’ Ġesù, ħalli l-ħarsa tiegħu kollha mħabba tistrieħ fuqu. Ħadd ma għandu jkun eskluż milli tasallu din il-Bxara t-tajba. Jien konvint li anki min għamel għażliet ħżiena, għamilhom għax jixtieq li jkun kuntent imma jkun żbalja t-triq. Ħa nipproponu mill-ġdid din il-laqgħa personali ma’ Ġesù biex hekk ix-xewqat tagħna jsibu l-milja tagħhom.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading