L-Evanġelju tal-Ħadd 14 ta’ Ottubru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 10, 17-30

Id-dinja qatt ma hi nieqsa minn nies mimlija entużjażmu u ħeġġa.

Qalb dan ir-raġel kienet imburġata bihom. Ħajtu kienet imburġata bil-għana u qalbu kienet imburġata bix-xewqa u r-rieda li jimxi skont il-kmadamneti ta’ Alla. Il-kmandamenti kien jafhom sewwa u kien ilu joservahom sa minn żgħożitu. Ma kienetx xi ħaġa li jagħmel għal għajn in-nies, għax Ġesù jara fih pedament tajjeb għal ħarsa ta’ mħabba tiegħu li tistiednu jkun perfett kif perfett hu l-Missier. Ħaġa waħda jonqsok biex tikseb il-ħajja ta’ dejjem.

Ir-raġel mar għand Ġesù jgħaġġel. Kellu seba’ mitt sena sakemm jikseb dak li dejjem ried u kien jaf li Ġesù seta’ jgħidlu kif. F’ħajtu kien kiseb kollox u ma kien jonqsu xejn. Kellu mira oħra x’jikseb, u mhux b’intenzjoni ħażina għax kien raġel ġenwin; li kien mod ieħor Ġesù ma kienx isejjaħlu biex jidħol iktar fil-qalba tar-radikalità li jipproponi hu.

Niżel għarkupptejh quddiemu għax emmen li hu Alla u Ġesù bil-mistoqsija li għamillu urieh li jilqa’ din l-istqarrija. Għaliex issejjaħli tajjeb. Ħadd m’hu tajjeb ħlief Alla biss. Inti qed issejjaħli tajjeb u giddieb m’intix, mela għandek raġun, tassew jiena Alla u se nkellmek ta’ Alla li jien. Il-ħarsa ta’ mħabba fuq da ir-raġel hija l-ħarsa ta’ mħabba ta’ Alla li japprezza l-fedeltà ta’ min iħobbu u jimxi skont ir-rieda tiegħu; dak li mhux biss jima’ l-kelma iżda jgħixha wkoll.

Iżda fl-imġieba ta’ dan ir-raġel, jista’ jkun li hemm moħbi l-istess ħsieb ta’ Pietru li jitkellem iktar tard f’isem kulħadd. Huwa l-istess ħsieb tagħna t-‘tajbin’: aħna nobduk, aħna fidili lejk u lejn il-Kelma tiegħek; issa x’se nieħdu lura? Il-ħarsa ta’ mħabba tiġi mibdula f’naqra negozju kif nafu nagħmlu aħna l-bnedmin. Int tagħtini u jiena nagħtik; inħokklok dahrek biex tħokkli dahri għax tassew, ħadd ma jagħmel xejn għal xejn. Hemmhekk il-ħarsa ta’ mħabba tiġi ttraduta u ssir ħarsa ta’ egoiżmu li sfortunatment ħafna minna ħallejnih jirkibna u jmexxina minn imnieħirna.

Min sema dan l-Evanġelju għall-ewwel darba kien għaddej minn sitwazzjoni iebsa ħafna. Kienu żminijiet fejn ħafna minn dawk li jemmnu kellhom iqiegħdu fil-miżien tal-prijoritajiet tagħhom ġidhom, li jinkludi lil dawk li huma l-iktar għeżież għalihom, ħajjithom stess, u l-fidi tagħhom. Aħna dan ma nafux x’jiġifieri. Aħna mhux talli m’aħniex ippersegwitati, talli ħafna drabi nippersegwitaw lilna nfusna għax nemmnu, għax m’aħniex bħall-bqija ta’ dawk li ma jemmnux, tal-kapriċċużi, tal-opportunisti, tal-korrotti, ta’ dawk li jagħmlu biss dak li jaqbel lilhom. Kemm aħna boloh meta ngħixu tajjeb; hekk nevalwaw lilna nfusna għax il-ħażin dejjem jirbaħ u min jiġi jaqa u jqum minn kollox dejjem jirrenja. Il-miżien tal-prijoritajiet tagħna żlugar waħda sew. Minflok li nifirħu għax nemmnu l-kelma u ngħixuha, inżebilħu lilna nfusna għax nipprivaw nagħmlu dak li hu tajjeb u weħidha tiżżerżaq ħelu ħelu il-mistoqsija ta’ Pietru: aħna x’se nieħdu?

Ma ninsewx li l-mistoqsija oriġinali ta’ dak ir-raġel mimli ħeġġa u entużjażmu kienet partikulari ħafna. Kien għani diġa, ma kellux għalfejn isir jaf kif jikseb iżjed ġid. Il-mistoqsija tiegħu kienet dwar kif tikseb il-ħajja ta’ dejjem u din ma tinxtarax, ma tingħatax għal xi pjaċir li wieħed ikun għamel, għal xi vot li tista’ tpartat. Jinkiseb hekk il-ġid li naħsbu li jista’ jtejjeb il-qagħda tagħna f’din il-ħajja, ġid li malajr wieħed jinduna li ma jservi għalxejn jekk isib ruħu f’ċerti sitwazzjonijiet. Biżżejjed tmur tara lil xi ħadd l-isptar u tisma’, fqir u għani jgħidu: ‘ara fhiex kelli niġi!’ jew ‘illum ħakimni l-biża x’ħin kienu qed idaħluni għall-operazzjoni’. Biżżejjed jinqala xi saram u moħħok jitħawwad u qalbek tiddallam. Hemmhekk tinduna li ebda ċekk ma hu se jiċċaralek ħsibijitek u jdawwallek qalbek.

Ġesù jistedinna nqiegħdu fil-miżien x’inhu l-iktar importanti u jiftħilna għajnejna li l-prosperità hija qarrieqa kif qarrieq hu ż-żmien. Quddiem din l-istedina għal eżami tal-kuxjenza, aħna niweġbu bħad-dixxipli: mela min jista’ jsalva. Għalkemm mhux il-bwiet ta’ kulħadd jesgħu l-istess, ilkoll fihom xi ħaġa jew oħra u lkoll kemm aħna nixtiequ nkabbruhom biex jesgħu iżjed u ħafna drabi, iktar iva milli le, lesti li biex inkabbruhom, anke jekk hemm bżonn inċarrtu l-ilbies ta’ ħaddieħor biex nisirqu xi biċċa drapp ħalli nwessawhom u nagħmluhom iktar fondi. Dan hu l-iżvantaġġ tal-għani, ukoll jekk ftit; ma nixbaw qatt u kapaċi nitħanżru wkoll.

L-entużjażmu u l-ħeġġa sbieħ u tajbin iżda jiżvintaw malajr u magħhom tiżvinta r-rieda tajba jekk marbutin ma’ dak li għandna. Għal dan il-kliem inqarrsu wiċċna u nitilqu b’qalbna sewda; u l-ħajja ta’ dejjem tibqa’ ’l bogħod.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.