Il-laqgħa dwar il-ħarsien tal-minuri fi Frar li ġej: il-Papa waqqaf kumitat organizzattiv

Print Friendly, PDF & Email

Is-sala stampa tal-Vatikan ħarġet komunikat dwar it-twaqqif ta’ kumitat organizzattiv biex iħejji l-laqgħa dwar “il-ħarsien tal-minuri fil-Knisja” li se ssir fil-Vatikan bejn il-21 u l-24 ta’ Frar tas-sena li ġejja. Ir-rappreżentant ewlieni tal-kumitat huwa Patri Zollner, membru tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Ħarsien tal-Minuri.

Il-Papa Franġisku, jgħid il-komunikat tas-Sala Stampa, innomina lill-membri tal-kumitat organizzattiv li se jħejji l-laqgħa ta’ Frar li ġej dwar il-ħarsien tal-minuri fil-Knisja. Dawn huma: il-Kardinal Blase J. Cupich, arċisqof ta’ Chicago fl-Istati Uniti; il-Kardinal Oswald Gracias, arċisqof ta’ Bombay, fl-Indja u president tal-Konferenza Episkopali Indjana; Mons Charles J. Scicluna, arċisqof ta’ Malta u segretarju aġġunt fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi; ir-reverendu Patri Hans Zollner, Ġiżwita, president taċ-Ċentru għall-Protezzjoni tal-Minuri tal-Università Pontifiċja Gregoriana u membru tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Ħarsien tal-Minuri li se jkun ukoll ir-rappreżentat ewlieni ta’ dan il-kumitat ta’ tħejjija.

Il-komunikat iżid li fil-laqgħa ta’ Frar, li għaliha se jkun preżenti wkoll il-Papa, se jieħdu sehem il-kapijiet tal-Knejjes kattoliċi orjentali, is-suprejuri tas-Segreterija tal-Istat, il-prefetti tal-Kongregazzjonijiet tad-Duttrina tal-Fidi Orjentali, tal-isqfijiet, tal-Evanġeliżżazzjoni tal-Popli, tal-Kleru, tal-Istituti tal-Ħajja Konsagrata u tas-soċjetajiet tal-Ħajja Appostolika u tad-Dikasteru għal-Lajċi, l-Familja u l-Ħajja; il-presidenti tal-Konferenzi Episkopali u r-rappreżentanti tal-Għaqda tas-Superjuri Ġenerali u tal-Għaqda Internazzjonali tas-Superjuri Ġenerali.

Fil-ħidma ta’ tħejjija se jkunu qed jagħtu sehem, fost oħrajn, id-Dottoressa Gabriella Gambino, sottosegretarja għas-sezzjoni dwar il-Ħajja u d-Dottoressa Linda Ghisoni, sottosegretarja tas-Sezzjoni Fidili Lajċi tad-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, flimkien mal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Ħarsien tal-Minuri u xi vittmi tal-abbużi min-naħa tal-kleru.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading