Evanġelju tal-Ħadd 25 ta’ Novembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 18, 33b-37

Pilatu, għal darba tnejn, jistaqsi lil Ġesù jekk hux sultan u Ġesù qatt ma jwieġeb ċar u tond, Kemm Pilatu u kemm Ġesù qed jitkellmu fuq żewġ affarijiet differenti.

Pilatu qed jitkellem fuq saltna kif jifhimha hu; politika, ħakkiema, militari, espansjonista, tiranna; is-saltna mibnija fuq liġi magħmula mill-bnedmin għall-qliegħ tagħhom. L-akkkuża mhix tiegħu imma tidwi l-akkuża maħduma mil-Lhud li fl-aħħar ġiehom f’moħħhom kif jeħilsu minn Ġesù mingħajr ma jidhru koroh man-nies. Jekk jirnexxilhom jeqirduh u n-nies jipprotestaw, setgħu jgħidu li mhux huma qatluh iżda r-Rumani ppersonifikati fil-karattru dgħajjef ta’ Pilatu. Pilatu qagħad għal-logħba tagħhom. Ipprova jeħilsu, iżda iktar kemm ipprova inqas beda jirnexxilu; iktar kemm ippospona d-deċiżjoni, iktar bdiet taħrablu minn idejh. Huwa l-politiku li jinsab taħt l-awtorità ta’ ħaddieħor u la jrid jidher ikrah ma’ ta’ fuqu u lanqas ma’ ta’ taħtu. Għalhekk jaħsel idejh. Hemm wisq interessi personali fit-twarrib tat-tajjeb u s-sewwa u l-ħażin u l-gidba għandhom qawwa kbira biex imantnu lilhom infushom u jsibu l-kompliċità ta’ ħafna għax il-ħafna jaħsbu li minnhom jistgħu igawdu huma.

Ġesù, b’idejh marbutin, quddiem min jakkużah u jrid jeqirdu, jieħu l-opportunità biex ikompli jgħarraf l-għan tal-miġja tiegħu, l-ewwel miġja. L-ewwel tweġiba ta’ Ġesù timplika li t-tweġiba għall-ewwel mistoqsija setgħet kellha żewġ risposti. Li kieku kienet ġejja minn Pilatu nnifsu, setgħet kellha tweġiba ta’ stedina personali għax kienet ġejja minn dubju personali, stedina għal reviżjoni, għall-fidi, għal tisħib. Li kieku kienet ġejja, kif fil-fatt kienet, minn dak li jgħid ħaddieħor, kienet titlob kjarifika; dak li qed jgħidulek mhux minnu għax li kieku kien minnu dawk li huma tiegħi kienu jiddefenduni, imma s-saltna ta’ Ġesù mhix dik li kienu qed jakkużawh biha l-Lhud u li Pilatu, tenna bħal pappagall, għalkemm għaraf li l-Lhud kienu mqanqlin mill-għira li wasslithom biex isiru personifikazzjoni tal-ħażen u l-mibgħeda, kif normalment jiġri dejjem. Saltanti mhux ta’ din id-dinja, mhix ta’ hawn. Jekk qed tgħid li jien sultan, għandek raġun, u għalhekk qiegħed quddiemek għax jien sultan, imma s-saltna tiegħi hija differenti għal kollox minn dak li qed tifhem int.

Il-qofol ta’ din is-saltna jintlaħaq ftit sigħat wara fuq is-salib. Hija s-saltna tal-verità, li kull minirid jismagħha jrid jisma’ l-kliem ta’ Ġesù fuq is-salib, li jisfida l-gidba tal-illużjoni tal-bniedem li jippromwovi biss dak li jaqbel lilu u jipprova jgħaddi biż-żmien lill-bnedmin l-oħra li qed jaħseb għal ġid tagħhom jekk huma joqgħodu għalih; hija s-saltna tal-ħajja li tirbaħ fuq il-kultura tal-mewt u l-qerda u toffri ħajja li ma tintemmx; hija s-saltna tal-qdusija li tressaq lill-bniedem lejn Alla meta hemm min irid ibiegħdu minnu u jċaħħdu minn dak kollu li jista’ jirhet mingħandu; hija s-saltna tal-grazzja li tqawwi lill-bniedem fid-dgħufijiet kollha tiegħu u tagħtih is-saħħa jegħleb is-saħħa tal-folla u jirraġuna b’moħħu u jħobb b’qalb Alla; hija s-saltna tal-ġustizzja ta’ Alla li ddewwi l-inġustizzja tal-bnedmin; hija s-saltna tal-imħabba li twaqqa s-swar tal-mibgħeda u l-għira u taħfer u tagħder u twettaq il-ġid; hija s-saltna tas-sliem li ma jiddependix mix-xewqat perversi tal-bnedmin li jakkomodaw lil xulxin fl-intenzjonijiet ħżiena tagħhom u tnissel l-ordni u l-armonija fil-qlub ta’ dawk li jħarsu lejh fuq is-salib u jfiequ.

Ġesù jgħid ċar u tond li min hu giddieb u jgħożż il-gidba u jagħmilha l-verità maħduma mhux se jisma’ leħnu, iwarrbu u jiddisprezzah, għax ġej mill-fidi f’Alla li jħobb u jagħder u jħenn. Min iħobb il-verità biss jisma’ leħnu u jifhem kliemu u jagħżlu biex imexxilu ħajtu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.