L-Isqof Mario Grech fil-Funeral tas-Supretendent Edel Mary Camilleri

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa 19 ta’ Diċembru 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Funeral tas-Supretendent Edel Mary Camilleri fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/547929042″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

IL-BIŻA’ TAL-MULEJ HU L-BIDU TAL-GĦERF

Inħoss li għandi ntenni dak li l-anġlu Gabrijel qal lil Żakkarija: “La tibżax”. Dan l-appell jiswa għalina mhux biss għax il-biża’ huwa emozzjoni li taħkem li kulħadd quddiem l-isfidi tal-ħajja, imma wkoll għax ninsabu maħsuda bil-marda kiefra u l-mewt bikrija ta’ oħtna Edel.

Imma l-biża’ ta’ Żakkarija hu aktar gravi minn hekk, għax “hu tħawwad u waqa’ biża’ fuqu” hekk kif deherlu l-anġlu tal-Mulej. Fi kliem ieħor, Żakkarija beża’ quddiem il-preżenza ta’ Alla. Imma x’tip ta’ biża’ ġarrab Żakkarija?

Aħna lkoll aħwa ta’ Adam li meta kien fl-Għeden tant twerwer minn Alla li mar jinħeba. Adam ħaseb li Alla kien xi tirann lest biex ifajjarlu l-kundanni. Għal Adam, Alla kien problema serja, għax ħaseb li Alla kien jinteressah biss mill-fatt li kien kiser l-ordni tiegħu, mid-dnub tiegħu u x’piena ser jagħtih. Il-biża’ ma ħalliehx jitkellem ma’ Alla. Il-biża’ minn Alla huwa l-biża’ tal-beżgħat, “għax meta Adam ħa żball dwar min hu Alla, ifisser li ħa żball dwar x’inhi l-istorja, dwar min hu l-bniedem, dwar x’inhu t-tajjeb u l-ħażin, u dwar il-valur tal-ħajja” (David M. Turoldo).

Min bħal Adam huwa konvint li Alla għandu wiċċ imqit, tassew għandu ħajja spiritwali fqira ħafna. Ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla tkun qisha bħal dik ta’ skjav taħt il-ħakem. Qatt ma jifraħ, imma jkun dejjem imbeżża’ li ser jaqla’ xi tbeżbiża. Ikun bħal dak il-qaddej li lil sidu jgħidlu: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art” (Mt 25:24). Din ix-xorta ta’ mġiba reliġjuża hija falza u ma tagħtina ebda sodisfazzjon, għax tkun bħax-xemx ta’ Jannar li ma ssaħħanx – u xemx li ma ssaħħanx, il-bard aħjar minnha!

Dan ma kienx il-biża’ li ħakem lil Żakkarija; il-biża’ ta’ Żakkarija kien ta’ kwalità differenti. Dan kien “ġust quddiem Alla u kien jimxi b’nuqqas ta’ xejn skont il-preċetti u l-kmandamnti kollha tal-Mulej”. Għalkemm il-fidi tiegħu kienet dgħajfa tant li jistaqsi lill-anġlu kif setgħet titwettaq il-Kelma ta’ Alla f’ħajtu, huwa kien jemmen. Issa l-fidi u l-biża’ ma joqogħdux flimkien. Huma antagonisti għal xulxin. Min jemmen ifisser li għandu fiduċja f’Alla u għalhekk ma jibżax.

Mela x’biża’ ġarrab Żakkarija?

Il-biża’ ta’ min jemmen f’Alla hu biża’ ġej mir-reverenza u l-istagħġib ta’ min isib ruħu fil-preżenza tal-misteru. Quddiem Alla, il-bniedem ma jibżax mill-qdusija tiegħu, imma jibża’ għax jintebaħ kemm huwa żgħir, dgħajjef u limitat. Dan ix-xorta ta’ biża’ jħossu min ikun daħal ftit fis-santwarju ta’ Alla u skopra l-ġmiel li jgħammex l-għajnejn. Kif tista’ ma tibżax meta tirrifletti dwar il-fatt li l-Iben ta’ Alla sar tarbija? Il-fatt li Alla huwa daqshekk qrib tagħna – għammar fostna – jikxef l-għera u l-vulnerabbiltà tagħna. Jekk Lhudi mistiku, ir-Rabbi Low, jikkonkludi li Alla ħalaq id-dinja biex iqanqal fil-bniedem dan il-biża’ reverenzjali, mela x’ngħidu quddiem il-ġrajja tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tal-Feddej tagħna? Għalhekk nagħmlu bħal Mosè li meta ra lil Alla, “għatta wiċċu għax beża’ jħares lejh” (Eż 3:6). Bir-raġun għalhekk is-salmista jgħid: “Il-biża’ tal-Mulej huwa l-bidu tal-għerf” (Salm 111:10), u, “Urini, Mulej, triqatek, biex nimxi fis-sewwa tiegħek, agħtni qalb waħda, biex ikolli l-biża’ tiegħek” (Salm 86:11).

Jekk quddiem Alla ħallieq u feddej il-bniedem ma jkollux dan il-biża’ f’sens pożittiv, faċli jiġri li jibda jisfrutta d-dinja, jonqos mir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem u jwarrab lil Alla. Fejn ma hemmx il-biża’ ta’ Alla, in-nies jitħawdu u s-soċjetà tinżel kif niżlet il-Babilonja, għax tkun tilfet il-fus u l-kordinati li jżommuha wieqfa. Il-bniedem li ma jkollux f’qalbu l-biża’ ta’ Alla, mhux biss jibda ma jibża’ minn xejn, imma jibda wkoll ibeżża’ lil ta’ madwaru.

Għax meta hemm il-biża’ ta’ Alla, dan ifisser li l-bniedem qed jirrikonoxxi li Alla jeżisti, jirrispetta l-ispazju ta’ Alla u jidħol f’relazzjoni korretta miegħu. Meta dan ir-rispett lejn is-sagru jinkines u jiġi skartat, allura l-bniedem jieħu post Alla u jkisser ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla, ma’ sħabu l-bnedmin u mal-ambjent. Billi huwa ħieles, il-bniedem li ma jrawwamx fih il-biża’ ta’ Alla jaf joħlom biex jaħtaf l-ispazji kollha, anki dawk li huma riservati għal Alla, u hekk jaħseb li jista’ joħloq ordni soċjali ġdid u jiddeċiedi waħdu fuq ħajjet il-bniedem.

L-eremita Sant’Anton Abbati jgħid: “Jien ma nibżax aktar minn Alla, għax inħobbu. Għax l-imħabba tbarri l-biża’”. L-Appostlu San Ġwann jikteb li “fl-imħabba ma hemmx biża’; l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ’l barra, għax il-biża’ għandu x’jaqsam mal-kastig. Min jibża’ għadu ma sabx il-milja tal-imħabba” (1 Ġw 4:18). Meta l-bniedem jagħraf jidħol f’relazzjoni ma’ Alla, l-imħabba ma twarrabx il-biża’, imma f’min iħobb, il-biża’ jsir espressjoni profonda ta’ adorazzjoni u rispett lejn Alla li jsalva.

Aħna li nafu lil Edel liberament nistgħu nxebbhuha ma’ Żakkarija. Kienet mara li temmen u l-marda tagħha kompliet saffiet twemminha. L-għarfien li kellha tal-Qalb kbira ta’ Alla wessgħalha qalbha. F’dawn l-aħħar xhur it-tħassib serju tagħha ma kinitx il-marda, imma l-ġenituri tagħha, tant li sakemm setgħet taħbi, ħalliethom sajmin minn dak kollu li kienet għaddejja minnu!

Kienet fizzjal fil-Korp tal-Pulizija li verament kienet temmen li “Domine dirige nos”. Frott il-laqgħa tagħha ma’ Ġesù Kristu, hija ma kinitx tibża’ minn Alla imma kellha l-biża’ ta’ Alla. Proprju għax kellha dan il-biża’ ta’ Alla hija kienet fizzjal tal-biża’, imma mhux li jbeżża’; kienet persuna retta li minn qalbha ħadmet biex tirrestawra l-ordni miksur minn dawk li ma għandhomx il-biża’ ta’ Alla.

Meta ftit jiem qabel ħallietna għamiltilha s-Sagrament tad-Dilka, Edel ma wriet ebda sinjal ta’ biża’ mill-mewt, imma kellha luċidità u kalma ta’ min hu mimli b’fiduċja f’Alla. Dakinhar qaltli żewġ sentenzi li jikkonfermaw bil-kbir l-imħabba li Edel kellha lejn Ġesù. Peress li kienet taf li jiemha kienu magħduda, qaltilna li dubju wieħed kellha: jekk setgħetx għamlet aktar biex tħobb lil Ġesù. F’dan il-kuntest ftakret fil-ħidma tagħha mal-immigranti li jaslu bid-dgħajjes u qaltli: “Fil-bidu ma kontx nara fihom lil Ġesù, imma mbagħad inħoss li dak li kont qed nagħmel magħhom, kont qed nagħmlu ma’ Ġesù. Hemm ħafna aktar xi jsir biex aħna nagħrfu lil Ġesù f’dawn in-nies”. Kemm huwa wirt sabiħ li qed tħallilna din is-Supretendent Nisranija: kienet tara lil Ġesù f’dawk li normalment is-soċjetà tikkundannahom! Għalkemm, kif kien dmirha, kienet attenta biex tapplika l-liġi, dan kienet tagħmlu b’ħafna umanità. Din hija l-mara li kellha l-biża’ ta’ Alla imma ma kinitx tbeżża’. Huwa għalhekk li l-familja, ħbiebha, il-kollegi tagħha u l-Korp, ilkoll nagħlu li tlifnieha.

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading