San Ġużepp kien bniedem konkret

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 18 ta’ Diċembru 2018: Fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra llum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku tkellem dwar San Ġużepp. Fil-quddiesa talab ukoll għat-tfal Slovakki diżabbli li għamlu xi dekorazzjonijiet tal-Milied li tqiegħdu ħdejn l-artal tal-kappella.

 

San Ġużepp huwa bniedem li jaf jakkumpanja bis-silenzju u huwa bniedem tal-ħolm. Dawn kienu l-karatteristiċi ta’ San Ġużepp, osserva l-Papa. Fil-Kotba Mqaddsa nsibu li San Ġużepp kien bniedem ġust u josserva l-liġi.  Kien ħaddiem umli, iħobb lil Marija. Għall-bidu, meta ma setax jifhem, għażel li jibqa’ mwarrab. Imma mbagħad Alla wrieh x’kienet il-missjoni tiegħu. U hekk Ġużeppi ħaddan ix-xogħol li kellu jagħmel, ir-rwol tiegħu, u rabba lill-Iben t’Alla, fis-silenzju, mingħajr ma jiġġudika, mingħajr kliem fil-vojt, mingħajr tqassis.

Kien ta’ għajnuna fit-trobbija. Għalhekk fittex post fejn seta’ jitwieled ibnu; ħa ħsiebu, għenu jikber, għallmu… tant affarijiet, kollox fis-silenzju. Qatt ma qies lit-tifel proprjetà tiegħu: ħallieh jikber fis-silenzju. Ħa ħsiebu. Għenu, imma fis-silenzju.

Din hi attitudni mimlija dehen ta’ bosta ġenituri, osserva l-Papa Bergoglio: il-ħila li jistennew, li ma jaqbdux jgħajtu mill-ewwel anke quddiem l-iżbalji. Huwa fundamentali li nagħrfu nistennew, qabel ma nlissnu l-kelma li tgħin lil dak li jkun jikber. Nistennew fis-silenzju l-istess kif jagħmel Alla ma’ wliedu, Hu li għandu tant paċenzja magħhom.

Il-Papa Franġisku żied jgħid li San Ġużepp kien bniedem konkret imma bniedem miftuħ, ‘bniedem tal-ħolm’, mhux ‘ħalliem’. Ma kienx mimli fantasiji. Il-ħalliem hu xi ħaġa differenti għax m’għandux saqajh mal-art, filwaqt li Ġużeppi kellu saqajh mal-art.

Jeħtieġ li aħna wkoll noħolmu bħalma joħolmu ż-żgħażagħ li huma avventurużi fil-ħolm tagħhom, u fil-ħolma jsibu t-triq. M’għandniex nitilfu l-ħila li noħolmu għax il-ħolm ifisser ftuħ lejn il-ġejjieni, ifisser li fil-ġejjieni nistgħu nkunu għammiela, temm il-Papa Franġisku.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading