Il-Papa f’Santa Marta: L-istil tan-nisrani huma l-Beatitudnijiet


It-Tnejn, 21 ta’ Jannar 2019: Nistgħu naħsbu li ħafna Kattoliċi huma tajbin imma ma jġibux ruħhom ta’ Nsara tajbin. Il-veru stil tan-Nisrani hu dak li nsibu fil-Beatitudnijiet. Illum, it-Tnejn 21 ta’ Jannar 2019, il-Papa għamel dir-riflessjoni waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-Vanġelu, il-Kelma tal-Mulej, huwa l-veru nbid ġdid, qal Franġisku fl-omelija li għamel dwar il-Vanġelu meħud minn San Mark. Inbid li ngħatalna.  Imma biex inkunu Nsara tajbin jeħtieġ li jkollna mġiba ġdida, stil ġdid, l-istil tan-Nisrani li l-Beatitudnijiet biss jafu juruhulna.

Din hi t-tifsira tal-kelma li tagħlaq il-Vanġelu skont San Mark: inbid ġdid b’damiġġani ġodda. Biex nifhmu sewwa liema hu l-istil tan-Nisrani, issokta l-Papa Franġisku, aħjar nirriflettu ftit biex naraw liema huma l-atteġġjamenti tagħna li mhumiex skont l-istil Nisrani. Dawn huma: l-istil akkużatorju, l-istil tal-mondanità u l-istil egoistiku.

L-istil akkużatorju hu l-istil ta’ dawk li jemmnu iżda li dejjem lesti biex jakkużaw lill-oħrajn, jgħixu jakkużaw lil ħaddieħor. Moħħhom biex jiġġudikaw min hu tajjeb u min mhux. Huwa stil, osserva l-Papa, ta’ promoturi tal-ġustizzja falluti li ma jindunawx li dak hu l-istil tax-xitan. Il-Bibbja tiddeskrivi lix-xitan bħala ‘l-akkużatur il-kbir’, li dejjem jakkuża lil ħaddieħor.

Fostna din hi moda, osserva l-Papa, kif kienet ukoll fi żmien Ġesù li bosta drabi ċanfar lill-akkużaturi: ‘Minflok tara t-tibna f’għajn ħuk, l-ewwel ara t-travu li għandek f’għajnejk.’ Jew inkella meta qal: ‘Min hu bla ħtija jitfa’ l-ewwel ġebla.’ Ifisser li min jgħix jakkuża lill-oħrajn mhux Nisrani tajjeb, mhuwiex damiġġana ġdida, tenna l-Papa.

L-istess ngħidu għall-istil mondan, tad-dinja, karatteristika ta’ dawk il-Kattoliċi li jirreċitaw il-Kredu imma jgħixu bil-vanità, bis-suppervja, marbutin mal-flus, jaħsbu li waħedhom jaslu. Il-Mulej offrielhom inbid ġdid imma huma ma biddlux id-damiġġana. Il-mondanità tirvina lil ħafna nies, nies twajba li jidħlu f’din ix-xibka ta’ vanità, ta’ suppervja, li dejjem iridu jidhru. M’hemmx umiltà, u l-umiltà hi parti mill-istil Nisrani. Jeħtieġ nitgħallmu minn Ġesù, mill-Madonna, minn San Ġużepp, li kienu umli.

Hemm stil ieħor li jidher fil-komunitajiet tagħna li mhux stil Nisrani: hu l-ispirtu egoistiku, l-ispirtu tal-indifferenza. Naħseb li jien Kattoliku tajjeb, nagħmel l-affarijiet tiegħi u ma jimpurtanix mill-problemi tal-ieħor:  il-gwerer, il-mard, min hu batut, il-proxxmu, ma nagħtix kashom. Hija l-ipokrisija li Ġesù kien jakkuża biha lid-dutturi tal-Liġi.

Allura, staqsa l-Papa, liema hu l-istil Nisrani awtentiku? L-istil Nisrani hu dak tal-Beatitudnijiet: manswetudni, umiltà, paċenzja waqt it-tbatija, imħabba għall-ġustizzja, ħila li ssofri l-persekuzzjonijiet, ma tiġġudikax lil ħaddieħor. Dak hu l-ispirtu Nisrani, l-istil Nisrani. Jekk trid taf kif inhu l-istil Nisrani – biex ma takkużax, ma tkunx tad-dinja, ma tkunx egoist – aqra l-Beatitudnijiet.

Dan hu l-istil tagħna. Il-Beatitudnijiet huma d-damiġġani l-ġodda, huma t-triq. Biex inkunu Nsara tajbin jeħtieġ li jkollna ħila nirreċitaw il-Kredu bil-qalb, imma li nirreċitaw ukoll bil-qalb, it-talba tal-Missierna.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.