Il-Papa f’Santa Marta: Il-ħajja fiha valur meta tingħata

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 8 ta’ Frar 2019: Fl-omelija tal-lum, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku insista li l-ħajja fiha valur meta tingħata. Ir-riflessjoni tal-Papa kienet dwar is-silta tal-Evanġelju tal-ġurnata meħuda minn San Mark, li rrakkontatilna l-istorja tal-martirju ta’ Ġwanni l-Battista.

 

Hu rakkont b’erba’ persunaġġi, qal Franġisku, filwaqt li għamel stedina biex il-qlub jinfetħu ħalli l-Mulej ikun jista’ jkellimhom. Għandna lil Erodi, korrott u indeċiż, lill-mara ta’ ħuh li ma kienet taf tagħmel xejn aktar ħlief tobgħod, lil Salomè, iż-żeffiena vanituża, u lill-profeta li safa b’rasu maqtugħa fiċ-ċella tal-ħabs.

Hekk intemm l-akbar bniedem li qatt twieled minn mara, kif iddeskrivieh Ġesù. Iżda hu kien jaf li kellu jixxejjen. Kien stqarru fil-bidu meta tkellem dwar Ġesù u qal: ‘Niċkien jien biex jikber Hu.’ U Ġwanni ċċekken sa ma ħa l-mewt. Kien il-prekursur, il-ħabbar li qal li ma kienx il-Messija għax il-Messija kien Ġesù. Dan urieh lill-ewwel dixxipli u mbagħad id-dawl tiegħu ntefa ftit, ftit sad-dlam taċ-ċella fil-ħabs, fejn safa b’rasu maqtugħa.

Għaliex ġara dan kollu? Mhux faċli tirrakkonta l-ħajja tal-martri, innota l-Papa. Il-martirju hu servizz, misteru, hu l-għotja speċjali u kbira tal-ħajja. U l-istejjer jintemmu bil-vjolenza minħabba atteġġjamenti umani li jieħdu l-ħajja tan-Nisrani, ta’ persuna onesta, u jagħmluha martri.

Il-Papa għadda biex janalizza l-atteġġjamenti tal-persunaġġi protagonisti tal-martirju. Ir-re kien jemmen li Ġwanni kien profeta, kien iħobb joqgħod jisimgħu u kien ukoll jipproteġih. Madankollu żammu l-ħabs. Kien indeċiż għax Ġwanni kien iċanfru minħabba l-adulterju, minħabba dnubu. Fi Ġwanni r-re kien jisma’ leħen Alla jgħidlu biex jibdel ħajtu, iżda hu ma kienx jirnexxilu.

Ir-re kien korrott u huwa diffiċli toħroġ mill-korruzzjoni, osserva l-Papa. Korrott li pprova jsib bilanċ diplomatiku bejn ħajtu adultera u mimlija inġustizzji, minkejja li kien jifhem li quddiemu kellu profeta. Iżda ma kienx jirnexxilu jħoll l-għoqda.

L-Evanġelju jgħidilna li Erodiade, il-mara ta’ ħu Erodi, li kien qatel lil ħuh biex jeħodlu l-mara, kienet tobgħod lil Ġwanni għax kien jitkellem ċar. Nafu li l-mibegħda, qal Franġisku, tasal għal kollox, għandha qawwa kbira. Il-mibegħda hi n-nifs ta’ Satana. Hu ma jafx iħobb, l-imħabba tiegħu hi l-mibegħda. U dil-mara kellha fiha l-ispirtu sataniku tal-mibegħda qerrieda.

It-tielet persunaġġ hi Salomè, żeffiena tajba tant li r-re entużjażma ruħu u wegħedha li jtiha kull ma titolbu. Juża l-istess kliem ta’ Satana meta ttanta lil Ġesù fid-deżert: ‘Jekk tinżel tadurani ntik is-saltna kollha.’

F’dawn il-persunaġġi hemm Satana, li jiżra’ l-mibegħda fil-mara, il-vanità f’bintha u l-korruzzjoni fir-re. U l-akbar bniedem li qatt twieled minn mara, minħabba l-kapriċċi ta’ żeffiena vanituża, il-mibegħda ta’ mara dijabolika u l-korruzzjoni ta’ re indeċiż, jisfa vittma. Huwa martri li naqra naqra ħalla ħajtu tiċkien biex iċedi postu lill-Messija.

Ġwanni jmut hemmhekk, fiċ-ċella, bħall-martri tagħna kollha, kien il-kumment mimli mrar tal-Papa Franġisku. L-Evanġelju jgħidilna biss li d-dixxipli marru jieħdu l-ġisem tiegħu biex jidfnuh. Ilkoll nagħrfu li kienet testimonjanza kbira ta’ bniedem kbir, ta’ qaddis kbir.

Il-valur tal-ħajja hu l-għotja tagħha, mogħtija fil-verità, mogħtija lill-oħrajn fil-ħajja ta’ kuljum, fil-familja. Mogħtija dejjem għax jekk xi ħadd iżomm ħajtu għalih, biex iħarisha, bħalma għamlu r-re korrott, il-mara mimlija mibegħda, u t-tfajla vanituża, inkoxjenti, il-ħajja tmut, tidbiel, ma tiswa għal xejn.

Ġwanni, temm il-Papa Bergoglio, ta ħajtu. Niftakru f’dawn l-erba’ persunaġġi, ir-re korrott, il-mara li ma kienet taf tagħmel xejn aktar ħlief tobgħod, it-tfajla vanituża bla kuxjenza u l-profeta li ntemm b’rasu maqtugħa fiċ-ċella. Inħarsu lejn dan tal-aħħar u kull wieħed u waħda minna jiftaħ qalbu biex il-Mulej ikun jista’ jkellmu dwar dan.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading