Evanġelju tal-Erbgħa 13 ta’ Frar 2019


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 7, 14-23

Neħħuha minn raskom li hemm xi ħaġa materjali li tidħol fil-bniedem li tista’ tikkorrompih, tħassru jew itebbgħu. Huwa dak li joħroġ minnu li jagħmel ħsara l-ewwel u qabel kollox lilu u lil ħaddieħor. Kull ma jidħol fih jintgħażel u dak li ma jsiwiex jintrema mill-ġisem stess. Iżda dak li joħroġ minnu jkun ingħażel qabel joħroġ minħabba deċiżjonijiet, drawwiet u kultant anke tradizzjonijiet u meta joħroġ jagħmel ġid jew ħsara.

Il-Lhud ma setgħux jieklu ċertu ikel, regola li fil-bidu tagħha kellha iktar għan ta’ saħħa milli liġi ta’ kuxjenza morali. Biż-żmien inbidlet f’hekk u saret assoluta, tant li stajt tidneb iktar billi tiekol minn dak li hu pprojbit milli b’għemil inġust jew immorali. Min jirraġuna hekk, għal Ġesù huwa bla moħħ.

Iżda l-lista, li jsemmi Ġesù, ta’ għemil ħażin li joħroġ mill-bniedem hija pjuttost twila u żgur ma tinkuldix kollox. Il-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha.

l-attenzjoni għal ħajja tajba għandha tkun kontra dak li l-bniedem jgħawweġ f’qalbu u joħroġ f’għemilu.