M’hemmx fidi Nisranija mingħajr ħajja interjuri

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 1 ta’ Mejju 2019: Omelija fil-Quddiesa mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, fl-okkażjoni tal-125 sena tal-preżenza tas-Sorijiet Agostinjani f’Malta.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/614661426″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

IR-RUĦ TAS-SOĊJETÀ

Fil-Vanġelu naqraw li Ġesù kien ifixkel lin-nies (Mt 13:57). Ġesù kellu xi ħaġa li kienet tħawwad lil dawk li jiġu wiċċ imb wiċċ miegħu. Għalhekk nistaqsi jekk aħna, li nimxu warajh, infixklux lill-bniedem tal-lum. Kemm qed jirnexxilna ndaħħlu fi kriżi (f’sens pożittiv) lill-bniedem ta’ żminijietna? Jew aħna tant bridna li bina u mingħajrna ma tagħmilx differenza għad-dinja?

Illum it-tagħlim kiber sew. Mhux biss nitgħallmu l-lingwi u dak li għandu x’jaqsam mal-intelliġenza artifiċjali, imma ħafna jattendu korsijiet tal-ballet, tal-mużika, tal-karate, tal-artiġjanat, u oħrajn. Imma mbagħad ma nħossux il-ħtieġa li nitgħallmu x’għandna nagħmlu biex ikollna ħajja interjuri Nisranija. F’kollox infittxu l-coaching, imma f’dik li hija spiritwalità nassumu li kulħadd jitgħallem waħdu u jfendi għal rasu. L-analfabetiżmu spiritwali huwa problema serja tal-Kristjaneżmu fl-Ewropa! Waħda mill-isfidi l-kbar li għandha l-Knisja, anki dik lokali, hija kif ser tgħin lill-bniedem isib ir-ruħ spiritwali tiegħu.

Għax it-twemmin Nisrani mhux xi filosofija li tgħinna nfasslu ħajjitna. It-twemmin Nisrani mhux xi ideoloġija politika li tgħinna nsolvu l-problemi soċjali. It-twemmin Nisrani mhux xi morali li tgħidilna fejn hu tajjeb u fejn ħażin. It-twemmin Nisrani mhux xi psikoloġija biex ikollna moħħna f’postu u seren. It-twemmin Nisrani jikkonsisti f’laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu. Meta sseħħ din il-laqgħa, l-elementi l-oħra li għadni kif semmejt jibdew ġejjin f’posthom.

Kif jgħallem Santu Wistin, ma għandniex bżonn noħorġu minna nfusna, ma nintilfux f’dak li huwa estern, imma nidħlu fina nfusna, għax il-Verità tinsab fina, fil-qalb tagħna. Ġesù stess jgħidilna illi “jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw 14:23). Biex il-bniedem jidħol f’għaqda profonda ma’ Alla jeħtieġlu jikber fil-ħajja interjuri. Fil-fatt, Santu Wistin ikompli jgħid li jekk inti u nieżel fik innifsek, tiltaqa’ mad-diżordni u ma’ ħwejjeġ li jinkwetawk, tiqafx mill-ewwel, imma kompli nieżel, għax xħin tasal fejn jgħammar hu li huwa s-Sewwa u l-Paċi, tkun tista’ taqbeż lilek innifsek u tiddaħħal fl-oċean tal-Imħabba, tant li ma tgħixx aktar għalik innifsek imma għal Alla, u ssir sieħeb fil-pjan tas-salvazzjoni universali. Ħafna jaqtgħu qalbhom minn dan il-vjaġġ interjuri għax huwa twil u iebes.

Issa li qegħdin nagħtu bidu għall-Erbgħat tal-Madonna Ta’ Pinu f’din is-Sena Marjana li qegħdin niċċelebraw fid-Djoċesi, nixtieq nerġa’ nipproponi lil Marija, is-santwarju riservat għal Alla, għar-riflessjoni tagħna. Fil-fatt, l-għan prinċipali għaliex ħassejt li għandi nniedi s-Sena Marjana huwa proprju biex Marija tgħinna nikbru fil-ħajja interjuri tagħna. Marija hija l-mudell per eċċellenza tal-bniedem spiritwali. Kif jikteb it-teologu Dumnikan Garrigou-Lagrange, “Marija saret Omm il-Feddej għax kienet tisma’ l-Kelma ta’ Alla, emmnet fiha u, f’għaqda perfetta mar-rieda ta’ Alla u dak kollu li din timplika, hija baqgħet dejjem tħares il-kelma ta’ Binha f’qalbha” (ara La mere du Sauveur et notre vie interieure). Marija għarfet toħloq spazju fiha, fil-qalb u l-moħħ tagħha, biex bil-qawwa tal-Għoli l-Iben ta’ Alla mlielha ħajjitha u persuntha. Għalhekk ħajjitha kienet dik l-għotja bħala tweġiba ta’ mħabba lil Alla li jħobbha. Hija saret Omm Alla għax kienet mara ta’ ħajja interjuri. Din hija l-essenza tal-ħajja interjuri: li nagħmlu esperjenza tal-imħabba ta’ Alla, liema mħabba ma tistax ma tiġix inwieġba bil-fatti u bl-għażliet tagħna.

Persuna li tista’ tgħinna napprezzaw aktar lil Marija huwa San Ġużepp, li San Ġwann Griżostmu jsejjaħlu “ministru tas-salvazzjoni”. Il-mastrudaxxa ta’ Nazaret huwa dak li Alla talbu biex jakkumpanja lil Marija biex din tkompli tikber spiritwalment. Alla talab lil San Ġużepp biex ikun sieħeb li jsostni lil Marija fil-mixja tal-fidi li hija għamlet – għax anki Marija kibret fil-fidi. Ġużeppi mexa magħha. Il-preżenza ta’ Ġużeppi maġenb Marija tnebbaħna b’dik li tissejjaħ “il-mistika tal-komunjoni” bejn dawk li qegħdin iterrqu l-mixja tal-fidi. Kif jikteb il-Papa Franġisku, “hawn qiegħed il-fejqan veru, meta r-relazzjoni tagħna ma’ xulxin li verament isseddaqna flok tmarradna tkun fraternità mistika, kontemplattiva, li taf tħares lejn il-kobor qaddis tal-proxxmu, li taf tiskopri lil Alla f’kull bniedem, li taf tissaporti t-tiġrib tal-ħajja komuni billi tintrabat mal-imħabba ta’ Alla, li taf tiftaħ qalbha għall-imħabba divina biex tfittex l-hena tal-oħrajn kif ifittixha l-Missier twajjeb tagħhom” (Il-ferħ tal-Vanġelu, 92; ara wkoll n. 87).

Dan kollu jgħodd b’mod speċjali għalikom ir-reliġjużi, li karatteristika tas-sejħa tagħkom hija l-ħajja komunitarja. Bħal komunità fi ħdan il-Familja ta’ Nazaret, intom is-sorijiet tagħtu kas ta’ xulxin f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja interjuri – għax jekk l-interjorità tkun nieqsa, aħna jkollna biss qoxra tal-ħajja Nisranija jew reliġjuża.

San Ġużepp kien idonju biex ikun il-kumpann ta’ Marija fil-mixja spiritwali tagħha għax hu nnifsu kien ta’ ħajja interjuri. Kif l-anġlu deher lil Marija u qalilha biex ma tibżax tilqa’ l-proposta ta’ Alla biex tkun Omm Ġesù, l-anġlu deher ukoll lil Ġużeppi u qallu l-istess: “Xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben u inti ssemmih Ġesù” (Mt 1:20-21). Minkejja li kellu d-dubji tiegħu, Ġużeppi wieġeb lill-anġlu: “Hawn jien il-qaddej tal-Mulej, ħa jkun minni skont kelmtek”. Huwa minnu li din it-tweġiba ma tinstabx fil-Vanġelu, imma nafu li Ġużeppi “għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej u ħa lil Marija għandu”. Kieku Ġużeppi ma kellux ħajja interjuri, ma kienx ser jingħata kollu kemm hu biex ikun spalla tajba għal Marija u ħarries tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem.

Jekk l-aġir tagħna jikxef min aħna (agere sequitur esse), il-kwalità tal-attività umana tiddependi minn kemm aħna kontemplattivi. Il-bniedem kontemplattiv huwa dak li jimraħ fl-Ispirtu – dak li hu maħtuf mill-imħabba u l-ġmiel ta’ Alla. Jekk ma nikkontemplawx il-misteru ta’ Alla, ma nistgħux nistennew li l-għażliet tagħna ser ikunu mnebbħa mill-Vanġelu. Din hija l-kriżi li semmejt aktar ’il fuq. Aħna nippretendu li l-għażliet tas-soċjetà tagħna jkunu skont ir-rieda ta’ Alla; imma dan ma jistax ikun, għax l-għerq ta’ kollox hija l-ħajja interjuri, u jekk din hija nieqsa, allura r-riskju huwa li bħala soċjetà nieħdu deċiżjonijiet li jikkuntrastaw mar-rieda ta’ Alla u għalhekk ma jkunux jixirqu lill-bniedem.

Nawgura li din il-mixja matul l-Erbgħat tal-Madonna tkun mixja li tgħinna nitgħallmu kif nistagħnew spiritwalment. Nawgura b’mod speċjali lilkom, Sorijiet Agostinjani, li llum qegħdin troddu ħajr lil Alla għal dawn il-125 sena li ilkom preżenti f’pajjiżna. Għandna bżonnkom, għax intom tfakkruna fil-primat tal-ħajja interjuri. Meta l-poplu ta’ Alla jħares lejkom, bir-raġun jistenna li intom tkunu eżempju għalina ta’ ħajja spiritwali matura. B’dan il-mod, bħal Ġesù nkunu kapaċi “nħawdu” lill-bniedem tal-lum.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading