L-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Ġużepp, ix-Xagħra


Il-Ħadd, 5 ta’ Mejju 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Festa parrokkjali ta’ San Ġużepp, fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra. Bil-kortesija ta’ Radju Bambina.

 

Festa San Guzepp Xaghra 05May19 (11)

Ħobb lil Alla skont kemm taf tħobbu

Il-qawl jgħid li min jaħbi għommtu jmut biha! Imma minkejja li għandna dan il-kliem tal-għerf, ħadd ma jieħu pjaċir iperreċ għommtu. Min-natura tiegħu l-bniedem għandu tendenza li jostor id-difetti tiegħu u xi drabi, agħar minn hekk, saħansitra jinnegahom. Imma huwa fatt li dawn in-nuqqasijiet jew imperfezzjonijiet jafu jxekklu sewwa l-proċess tal-maturazzjoni umana tagħna. Ħafna drabi meta ma jkollniex il-kuraġġ li nagħrfu d-dgħufija u l-vulnerabbiltà tagħna, nibqgħu għomorna kollu nkarkru bid-defiċenzi tagħna. Dan jgħodd kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-maturità umana imma wkoll mal-maturità spiritwali u Nisranija.

Huwa fatt li aħna għandna l-impressjoni li biex tkun togħġob lil Alla u maħbub minnu trid tkun perfett. Għalhekk hemm min jaf sew lilu nnifsu, jaf il-limiti tiegħu u spiritwalment jaqta’ qalbu li xi darba jista’ jkollu ħbiberija ma’ Alla. Persuni bħala dawn huma konxji li f’ħajjithom hemm ħafna x’jaqtagħhom lura u għalhekk faċli jitilfu l-interess f’Ġesù. Bħal donnu ma nistgħux inniżżluha li Ġesù jfittex li jiltaqa’ ma’ min hu mxellef, deformat u midneb!

Meta dakinhar li Ġesù Rxoxt iltaqa’ mal-Appostli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija (Ġw 21:1-19), hu staqsa lil Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?”, Pietru nstaram għax kien jaf lilu nnifsu. Pietru kien konxju minn għommtu. Kien jaf l-imperfezzjonijiet tiegħu. Kien jaf kemm huwa vulnerabbli. Kien jaf li kien hemm drabi meta żżattat u kien pront jiddikjara li ser jiddefendi lil Ġesù, imma mbagħad fis-siegħa tal-prova lagħbu! Huwa għalhekk li għal din il-mistoqsija Pietru jwieġeb: “Mulej, inti taf li jien inħobbok”. Mhux ser noqgħod nidħol fid-dettall tal-isfumaturi tal-kelma “tħobbni” fl-oriġinal kif jużaha San Ġwann. Imma fl-ewwel mistoqsija Ġesù jistaqsi lil Pietru jekk kienx lest li jħobbu bi mħabba totali u ġeneruża, fis-sens li kienx lest jingħata kollu kemm hu għalih. Anzi, Ġesù żied jistaqsih jekk kienx iħobbu aktar minn sħabu. Hawnhekk Pietru, li jaf lilu nnifsu, jagħmel stqarrija qawwija: “Mulej, jien inħobbok kif naf jien!”. Anzi, Pietru jkompli jgħid lil Ġesù: “Mulej, inti taf… inti tafni, inti taf kemm jien miżerja! Jien nixtieq inħobbok bi mħabba sħiħa (100%), imma jien naf id-dgħufija u d-difetti tiegħi. Jien naf kemm ippruvajt nagħmel il-pass biex inħobbok fuq kollox imma ma ġibtux. Għalhekk jien inħobbok, nixtieq inħobbok kif qed titlob minni, imma jien inħobbok kif naf inħobb jien”.

Din l-ammissjoni kollha umiltà tmiss il-qalb ta’ Ġesù. Quddiem din is-sinċerità ta’ Pietru li qed jirrikonoxxi għommtu, Ġesù jibdel il-mistoqsija tiegħu. Quddiem din is-sitwazzjoni daqshekk umana Ġesù bħal jintebaħ li l-aspettattivi tiegħu għal dan is-sajjied huma għolja wisq – kien qed jitlob wisq minnu. Għalhekk Ġesù jbaxxi l-istennija tiegħu. Insib ferm interessanti li Ġesù ma jistenniex li Pietru jadatta ruħu għal dak li kien qed jitlob minnu, imma Ġesù nnifsu jadatta ruħu għall-kapaċità ta’ Pietru. F’ċertu sens mhux Pietru jikkonverti għal Kristu imma Kristu jikkonverti għal Pietru! Quddiem is-sinċerità ta’ Pietru, Ġesù jinduna li kien qed jitolbu xi ħaġa li tiżboq il-ħila tiegħu – kien qed jitolbu xi ħaġa tqila wisq għalih! Għalhekk, meta jistaqsih għat-tielet darba, Ġesù jibdel il-mistoqsija u jgħidlu: “Xmun Bin Ġona, inti tħobbni kif taf tħobb int?”.

Dan id-djalogu jagħmlilna kuraġġ ta’ sur, għaliex Alla tant iħobbna li lest li jimxi bil-pass tagħna! Ħafna drabi naqtgħu qalbna fil-mixja tagħna flimkien ma’ Ġesù, jew għax iġagħluna nagħmlu passi kbar li ma nġibuhomx, jew għax aħna stess naħsbu li jekk ma jkollokx passi kbar ma tistax tagħmel dan il-pellegrinaġġ tal-fidi! Imma Alla jaċċettana bil-limitazzjonijiet tagħna, bid-dnub tagħna! Huwa mhux ser iwarrabna minn quddiemu jekk fis-sinċerità tagħna naslu biex inħobbu 30%, 40%, 50%… Hekk għamel ma’ Pietru. Imma minn dak il-jum li Pietru mexa wara Ġesù bil-bagalja tal-fraġilità tiegħu, minn dak il-jum li Pietru ntelaq f’Ġesù li adatta ruħu għall-faqar tiegħu, gradwalment Pietru kiber u sar sħiħ daqs il-blat. Biżżejjed niftakru meta wara Għid il-Ħamsin Pietru flimkien mal-Appostli tressqu arrestati quddiem is-Sinderiju. Dak Pietru li ma kellux fiduċja fih innifsu, li saħansitra ssuspetta li Alla ma għandux fiduċja fih, imur quddiem is-Sinedriju jitkellem b’wiċċu minn quddiem dwar l-imħabba ta’ Ġesù, jaqla’ s-swat, u għalkemm iwaqqfuh milli jkompli jitkellem, jibqa’ jxandar il-Vanġelu. Hawnhekk l-imħabba ta’ Pietru saret sħiħa – sar kapaċi jħobb lil Ġesù b’qalbu kollha! Imma biex wasal hawn, Pietru telaq jimxi bil-passi tiegħu – ħabb lil Ġesù skont kemm kien kapaċi jħobbu.

Dan ma jfissrx li Ġesù għamel kompromess mal-Vanġelu jew warrab l-ideali tal-Vanġelu; imma filwaqt li l-Vanġelu jibqa’ proposta, Ġesù jaf li gradwalment il-bniedem jasal biex jagħmel tiegħu dawn il-veritajiet. Wieħed jibda bl-abċ tal-Vanġelu, imma pass wara l-ieħor jasal biex jitgħallem il-grammatika kollha. Kif jgħid il-Papa Franġisku, il-kerygma (jiġifieri li Ġesù Kristu jħobbok, ta ħajtu għalik biex jifdik, u issa huwa ħaj u qrib tiegħek kuljum, biex idawlek, biex isaħħek, biex jeħilsek) titlaħħam gradwalment: “Il-formazzjoni Nisranija kollha hi qabelxejn l-approfondiment tal-kerygma li tkompli titlaħħam dejjem iżjed u aħjar, li qatt ma tieqaf iddawwal l-impenn tal-katekeżi u li tgħinna nifhmu aħjar it-tifsira ta’ kull tema oħra li tiżviluppa fil-katekeżi” (EG, 165).

Alla jitlob minna l-akbar tajjeb possibbli! Mill-għarfien tagħna “tal-piż taċ-ċirkustanzi attenwanti – psikoloġiċi, storiċi u anki bijoloġiċi – joħroġ li ‘bla nnaqqsu xejn mill-valur tal-ideal tal-Vanġelu, jeħtieġ nakkumpanjaw bil-ħniena u s-sabar il-passi ta’ maturità tal-persuni li huma jibnu jum wara l-ieħor’ u nħallu spazju għall-‘ħniena tal-Mulej li jridna nagħmlu l-akbar ġid possibbli’” (AL, 308). Hemm bżonn ngħaddu minn “pastorali tal-perfezzjoni” għall-“pastorali tal-konverżjoni”, fejn id-duttrina tibqa’ l-istess imma naċċettaw li lkoll qegħdin f’mixja. Huwa għalhekk li ma nistgħux nibqgħu niġġudikaw lil xulxin; għalhekk ma nistgħu niskartaw lil ħadd. Għax l-akbar tajjeb possibli huwa differenti għal kull wieħed u waħda minna.

Naf li qed ngħid affarijiet li xi ħadd li ma għandux intenzjoni tajba jista’ jabbuża minnhom. Jien qed ma’ min huwa sinċier u qed “jitħabat” biex jimxi ma’ Kristu – qed nitkellem ma’ min qed iġorr fuq spallejh il-piżijiet tad-dgħufija u l-limiti tiegħu. Taqtax qalbek! Dan id-djalogu sabiħ li jgħaddi bejn Kristu u Pietru jimliena b’ħafna tama u fiduċja.

Illum qegħdin nagħmlu l-festa f’ġieħ San Ġużepp. Lil Ġużeppi narah fl-istess ilma li jinsab fih Pietru. Niżbaljaw bil-kbir meta lil San Ġużepp ngħolluh mas-sema, għax inkunu nbegħduh minna u nneżżgħuh mill-umanità tiegħu. San Ġużepp kien raġel bħalna l-irġiel, kien ħaddiem bħall-ħaddiema tal-lum, bħalna kien jgħix fil-kuntest tal-familja, u l-bqija. San Ġużepp kien bniedem ġust, imma kellu wkoll il-limitazzjonijiet tiegħu; kien bniedem tajjeb, imma ma kienx anġlu; ma twelidx perfett, imma sar perfett. San Ġużepp ukoll kien vulnerabbli. Xħin ġieh il-mument tad-dubju dwar Marija, ried jibgħatha bil-moħbi. Imma mbagħad id-djalogu li għadda bejnu u bejn Alla għenu jinbidel – l-istess kif ġara fil-każ ta’ Pietru. Ġużeppi ma setax jifhem kif seta’ jieħu lil Marija għandu jew kif seta’ jaċċetta r-responsabbiltà tqila li jkun missier l-Iben ta’ Alla li sar bniedem! Hawnhekk jidher ċar li San Ġużepp ma ħebiex għommtu, imma esprima l-faqar u ċ-ċkunija tiegħu quddiem Alla. U Alla jagħtih kelma ta’ assigurazzjoni: Ġużeppi, int ma għandekx fiduċja fik innifsek, imma jien għandi fiduċja fik. Ġużeppi, inti taħseb li ma tistax tħobbni b’dik l-imħabba totali li qed nitolbok, mela ħobbni kif u kemm taf int. Ġużeppi, int qed taqta’ qalbek għax inti dgħajjef u limitat; afda fija, u l-grazzja tiegħi tagħmel tagħha. U Ġużeppi kiber ukoll kif kiber Pietru, kibret Marija u nistgħu nikbru int u jien!

Ħaġa waħda nipproponilkom f’din il-viżjoni ta’ ħajja Nisranija. Kemm jista’ jkun, ma nħawdux waħdina imma nfittxu l-akkumpanjament – dak li l-Papa Franġisku jħobb isejjaħlu “d-dixxerniment” – taħriġ biex inkunu nafu aħna min aħna u xi jrid Alla minna fiċ-ċirkustanzi ta-ħajja. “Id-dixxerniment għandu jgħinna nsibu t-toroq miftuħa quddiemna biex nagħtu tweġiba lil Alla u nikbru permezz tal-limiti tagħna” (AL, 305). Id-dixxerniment jgħinna biex verament inħobbu lil Alla skont kemm nistgħu. Niżgurakom li Pietru u Ġużeppi għamlu dan l-eżerċizzju – qagħdu jiżnu ftit – sakemm imbagħad intefgħu kollhom fiduċja fid-dirgħajn ta’ Alla. Aħna wkoll, minkejja l-limiti tagħna, nistgħu nduqu l-għożża tal-Missier – imma ma ngħaffġux waħidna, imma nfittxu min jista’ jakkumpanjana biex nagħrfu xi jrid Alla minna u kif nistgħu nħobbuh. Alla jkun kuntent jekk aħna nħobbuh skont kemm nafu nħobbuh.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.