Il-Papa f’Santa Marta: Il-ministeru hu rigal, mhux impjieg jew kuntratt tax-xogħol

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 19 ta’ Settembru 2019: Fl-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, illum, il-Ħamis 19 ta’ Settembru 2019, il-Papa qal li meta r-rigal li nkunu rċevejna niddominawh u nagħmluh tagħna, inkunu qed nibdluh f’impjieg, ikun liema ministeru jkun, kemm dak episkopali u wkoll presbiterjali.

Il-ministeru ordnat hu rigal tal-Mulej li ħares lejna u qalilna, ‘Ejjew warajja.’ Għalhekk la hu impjieg u lanqas kuntratt tax-xogħol.

Flimkien mal-Papa kienu qed jikkonċelebraw għadd ta’ saċerdoti li kienu qed jiċċelebraw il-25 sena tas-saċerdozju u l-Kardinal Edoardo Menichelli li wasal biex jagħlaq it-80 sena.

Il-Papa Franġisku għamel stedina (lilu nnifsu wkoll) għar-riflessjoni dwar l-ewwel ittra ta’ San Pawl lil Timotju li ttina l-liturġija. Huwa rrifletta dwar il-kelma ‘don’, ‘rigal’. L-Appostlu Pawlu jagħti parir lid-dixxiplu żagħżugħ tiegħu biex ma jittraskurax id-don li jinsab ġewwa fih.

Mhux kuntratt tax-xogħol: ikolli nagħmel dak li jitlob minni, le. Jien għandi nirċievi r-rigal u nħarsu bħala don li minnu jinbet kollox. Meta aħna ninsew dan, issokta l-Papa, nibdlu kollox f’impjieg, inkunu qed nitilfu l-qalba tal-ministeru, nitilfu l-ħarsa ta’ Ġesù li ħares lejna lkoll u qalilna: ‘Ejja warajja,’ inkunu qed nitilfu s-sens ta’ gratwità.

Jekk ma nikkontemplawx dar-rigal, jekk il-ministeru ma narawhx bħala don, jibdew id-devjazzjonijiet li lkoll nafu bihom, ibda minn dawk l-aktar koroh san-nuqqasijiet żgħar ta’ kuljum. B’hekk inkunu qed nikkonċentraw id-don fuqna nfusna u mhux fuq il-gratitudni u l-imħabba lejn min tana dan id-don tal-ministeru.

Il-Papa nnota li l-Appostlu Pawlu jikteb li d-don ingħata permezz tat-tqegħid tal-idejn u permezz tal-kelma profetika. Dan jgħodd kemm għall-isqfijiet u wkoll għas-saċerdoti. Huwa għalhekk li jeħtieġ nikkuntemplaw il-ministeru billi narawh bħala rigal u mhux bħala impjieg, qal il-Qdusija Tiegħu. Nagħmlu dak kollu li hu meħtieġ, b’rieda tajba u bl-intelliġenza, kultant bil-‘makakkerija’ wkoll, madankollu dejjem irridu niftakru li dan id-don għandna nħarsuh.

Li naljenaw rasna miċ-ċentralità ta’ dar-rigal huwa uman. B’eżempju ta’ dan il-Papa semma lill-fariżew li fl-Evanġelju ta’ San Luqa jistieden lil Ġesù għandu bla ma jagħti kas tar-regoli tal-akkoljenza. Ġesù jfakkru dan u jgħidlu li l-mara għamlet dak kollu li m’għamilx hu.

Il-fariżew kien raġel tajjeb, osserva Franġisku, imma kien nesa d-don tal-kortesija. Id-doni ninsewhom meta jidħlu interessi oħra, meta x-xogħol jaljenana. Ilkoll irridu naħdmu, ilkoll għandna dmirijiet x’naqdu u l-ewwel wieħed hu li nħabbru l-Evanġelju, imma biex nagħmlu dan hemm bżonn inħarsu l-għajn minn fejn tnixxi dil-missjoni, li hi proprju d-don li aħna rċevejna b’xejn mingħand il-Mulej.

Il-Papa temm ir-riflessjoni b’talba lill-Mulej biex ‘jgħinna nħarsu dan id-don u nħarsu lejn il-ministeru tagħna l-ewwel u qabel kollox bħala rigal, sabiex ma nirvinawhx u ma nsirux ministri imprendituri u nintilfu fuq ħafna affarijiet li jbegħduna mill-kontemplazzjoni ta’ dan id-don li tana l-Mulej.’  Grazzja, li l-Papa talab li jaqlagħha kulħadd u l-aktar dawk li kienu qed jiċċelebraw il-ġublew tal-fidda tal-ordinazzjoni tagħhom.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading