Esperjenza ta’ familja


Bejn it-Tnejn l-1 ta’ Lulju sal-Ġimgħa 5 ta’ Lulju 2019, aħna, il-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini Maltin, iltqajna flimkien biex niċċelebraw is-69 Kapitlu Provinċjali fl-istorja tagħna.

Illum, meta nħares lura, nara kemm din l-esperjenza kienet tabilħaqq pożittiva. U, pożittiva, l-għaliex kienet a la Franġiskana! U a la Kapuċċina! Ibda’ biex, dan il-kapitlu speċjali, li n-numru tiegħu, 69, fakkarni meta l-bniedem kien tela’ fil-qamar, sewwasew fl-1969, kien kapitlu għal kollox ta’ din l-art. Iżda, li mir-rejaltà ta’ din l-art, jgħaddi iva għar-rejaltà tas-sema. Dejjem, u sintendi, l-għaliex kien jibda’ minn din l-art. Mela sewwa qal Ġesù: Is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda (Lq 17:21).

Barra minhekk, dan il-Kapitlu ġagħlni napprezza it-tajjeb li hemm f’kull persuna. Ħafna aktar minn dak li aħna, bħala Patrijiet, nistgħu napprezzaw lil xulxin, u anki intom li tħobbuna tafu tapprezzawna, il-verità hi li f’kull Patri hemm tjubija kbira. Hemm, mela, dik ix-xmara ta’ mħabba li nkantaw fl-Għanja li sseħħibna waqt li nirċievu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu mill-idejn qaddisa tas-saċerdot, li waqt il-quddiesa l-ispeċi jrodd lil Ħanin Alla biex jibdilhom fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnu u Ħuna Ġesù Kristu.

Għalhekk, dan il-Kapitlu, għallimni bil-bosta kemm għandi bżonn nitgħaxxaq bil-kwalitajiet sbieħ li l-Mulej tefa’ f’ħuti l-Patrijiet. U li noqgħod, iva, nieħu gost nitgħallem mingħandhom. L-għaliex, min f’ħaġa u min f’oħra, ilkoll għandhom x’jgħallmuni. Tista’ tgħid fl-isferi kollha tal-ħajja. U allura, dan il-fatt waħdu, aqta’ kemm iferraħni u jagħtini kuraġġ bil-kbir ħa nissokta naqdef il-quddiem.

Kapitlu dejjem jibqa’ kapitlu. Miegħu hemm marbuta bidu ġdid! Aħna x’ngħidu fil-Malti: Tagħlaq kapitlu u tibda’ ieħor! L-istess f’din l-esperjenza. Jiena wkoll kelli l-grazzja li nagħmel din l-esperjenza. Jiġifieri li nagħlaq kapitlu ħa nkun lest biex f’ħajti jinfetaħ kapitlu ieħor. Ma ninsewx ħbieb: Kapitlu dejjem ifisser nifs ġdid! Għalhekk nirringrazzja lill-Mulej tal-persuni kollha li, f’dawn it-tlett snin li għaddew, ilkoll skont il-kapaċitajiet li l-Imgħallem tahom, qdew lil ħuthom kif setgħu. U, fl-istess ħin, daħħlu issa fl-istorja persuni ġodda. Li, bil-mod tagħhom, żgur li l-Mulej kien se jużahom bil-kbir bħalma uża lil dawk ta’ qabilhom. Allura, f’dan kollu, x’nistgħu ngħidu isbaħ mill-kelma Grazzi Mulej?

L-esperjenza tal-Kapitlu għallmittni wkoll li kulħadd għadu qed isir fil-forn tal-esperjenza. Ħadd minna għadu ma wasal. U, dan il-fatt, aktar milli jġib qtigħ il-qalb, huwa kawża ta’ ferħ mill-kbar nett. Dan l-għaliex nistgħu nxammru jdejna ħa nkunu ta’ spalla għal xulxin. Dejjem, u sintendi, mingħajr l-indħil li jkisser, igerrex u jħott. Is-sabiħa hi li waqt li qiegħdin insiru l-Mulej ikompli jgħallimna u jsaħħaħna permezz ta’ xulxin. Anki dan hu fattur mill-isbaħ ta’ kuraġġ!

Il-Kapitlu fakkarni wkoll li meta wieħed jiddeċiedi li jiftaħ qalbu għall-Mulej dan żgur li jużah f’kull età u stat ta’ saħħa. Għax il-Mulej mhux bħalna ħbieb: jagħti biss jaf u mhux igeddes għalih. Il-Mulej ikabbar irid! U jagħti l-ħajja u din bil-kotra! Iżda dan jagħmlu b’min irid. Kemm b’nies żgħażagħ ħafna. Inkella b’dawk li s’issa ġrew nofs triq. U anki b’dawk li saru mhux ħażin fit-tisjira tal-esperjenza tal-ħajja umana u ikkonsagrata. Xi ġmiel hux meta dawn l-ingredjenti kollha jitħalltu ilkoll flimkien biex jagħmlu l-itjeb riċetta!

Bilħaqq, dan il-kapitlu għallimni li l-Provinċja Kapuċċina Maltija hi parti mill-ordni Franġiskan Kapuċċin. Għalhekk hi miftuħa għall-istess Ordni li qiegħed, tista’ tgħid, imxerred mal-erbat irjieħ tad-dinja! Kemm hu ta’ faraġ ħbieb dan il-fatt! Għax meta fil-ħajja jien ninfetaħ jien se nikber. Se nisaħħaħ. Se ngħix aħjar. U, iva, jkolli futur! U min minna ma jridx li jkollu futur? Mela iftaħ, b’ġenerożità u b’għaqal neċessarju, il-bibien għall-kollaborazzjoni! Dawk il-bibien imqaddsa li jagħtuna futur tassew sabiħ!

Xi ħaġa sabiħa oħra li l-Kapitlu ġagħlni nirrifletti hi li nħalli lil ħaddieħor jikber bħalma rrid li ħaddieħor jħalli lili nikber. Id-diskussjonijiet li kellha urewni li, meta wieħed qed ifittex il-ġid ta’ kulħadd, m’għandux le għalfejn iħabbel rasu b’xi idejat li jafu jixxukjaw lil dak li jkun. Huwa att ta’ mħabba kbira li, meta qed infittxu t-triq komuni, kulħadd jikkontribwixxi fid-diskussjoni. Għax, u fl-aħħar mill-aħħar, meta jkun hemm ġenerożità kbira ta’ dan it-tip kulħadd igawdi. Dan l-għaliex il-prodott aħħari se jkun tabilħaqq bnin!

Personalment ferrħuni bil-bosta d-diskussjonijiet li kellna. L-għaliex inħossni tgħallimt fuq li tgħallimt. U s-sigriet li l-Mulej tani l-grazzja li nitgħallem daqshekk fuqu kien ġej mill-fatt li tħaddit u, fi ftit kliem, stajt nagħti l-essenza ta’ dak kollu li kien hemm idur ġewwa fija. Sabiħ ħbieb meta taqsam l-idejat. Għax b’hekk nistgħu nikbru flimkien!

Rejaltà kbira oħra li l-Mulej għallimni b’dan il-Kapitlu Provinċjali tal-2019 hi li, fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd għandu triqtu u l-missjoni tiegħu xi jwettaq. Wara kollox fuq dan se jistaqsina l-Ħallieq u l-Feddej meta ġurnata għad nidhru quddiemu. U dan jagħmlu mingħajr ma jinterrogana tafux! Biss dan ifisser ukoll li aħna, ilkoll kemm aħna, minsuġin mill-Ħniena Fraterna tat-Trinità Qaddisa li mhix magħluqa fiha nnifsha iżda f’li qed tħaddan magħha lilna flimkien ma’ dak kollu li ħalqet u fdiet. Speċjalment lil min qed ibati u qiegħed fil-periferija.

Ħadt gost li l-ewwel kliem tal-Provinċjal elett kien fuq l-imħabba. Għax, fil-fehma tiegħi, dak kollu li l-Mulej tani f’dawn il-ħsibijiet hu l-imħabba li ġejja minnu. Dik l-imħabba li tħalli lill- individwu jikber fi ħdan familja. Dik l-imħabba li tmur bil-wisq lil hinn mill-komunità reliġjuża. U hija din l-imħabba li tgħaqqdu ma’ kull bniedem u bniedma li hawn taħt is-sema. Hi din l-imħabba li twasslu biex iħobb, jaħfer, iħenn, u jkompli jħalli lill-Mulej jagħmel xebgħa ġid bih. Hu min hu!

Insomma, iddaħħlu fl-esperjenza wiesa’ wiesa’ u li m’għandhiex kontinenti, bini, razez u reliġjon. Sempliċiment għax hi l-esperjenza infinita ta’ familja!

Patri Mario Attard OFM Cap