Ittra tal-Isqof Mario Grech lill-Edukaturi

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 23 ta’ Settembru 2019: Is-Sena Skolastika 2019-2020 f’Għawdex fetħet illum b’quddiesa fir-Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija, fejn, fuq xewqa tal-Isqof Mario Grech, l-edukaturi kollha li jaħdmu fil-Knejjes kemm tal-Istat u kemm tal-Knisja f’Għawdex ingħaqdu b’dan il-mod fl-ewwel ġurnata tat-tagħlim tat-tfal.

Il-quddiesa tmexxiet minn Mons. Tarċisju Camilleri, Vigarju Ġenerali, li f’isem l-Isqof ta merħba lil dawk kollha preżenti. Miegħu kkonċelebraw is-saċerdoti kollha li jagħtu servizz fl-iskejjel. Għall-quddiesa attendew fost l-oħrajn is-Sur Ian Mifsud, Direttur fis-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija, Dr Denise Mifsud, Prinċipal tal-Kulleġġ ta’ Għawdex, u s-Sur Stephen Spiteri, Service Manager tal-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex.

Fil-ħin tal-omelija nqrat Ittra lill-Edukaturi miktuba mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex lill-Edukaturi fil-bidu tas-Sena Skolastika.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/686202673″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Għeżież Edukaturi,

Fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida, konxju mill-potenzjal enormi tagħkom bħala edukaturi kif ukoll mill-isfidi dejjem ġodda li qed ikollkom tħabbtu wiċċkom magħhom fix-xhur li ġejjin, inħossni fid-dmir li niktbilkom din l-ittra bit-tama li nweżinkom xi ftit.

Ftit ġimgħat ilu, persuna li għandha responsabbiltajiet amministrattivi għolja fiċ-Ċivil, partikularment fil-qasam edukattiv, għamlitli dan il-kumment: “Ninsabu għaddejjin minn diżorjentament eżistenzjali. Tlifna kull comfort zone. Ilkoll homeless. Qed ngħixu f’tined temporanji u rġajna sirna nomadi niġġerrew fid-deżert”. Jien, li għandi stima kbira ta’ din il- persuna, konvint li dan il-kliem ma qalitux bl-addoċċ imma għax għandha idha fuq il-polz tas-soċjetà tagħna. Għalija din hija stqarrija qawwija ħafna.

Jekk din l-evalwazzjoni soċjoloġika tgħodd għas-soċjetà b’mod ġenerali, tapplika wkoll għat- tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ tagħna. Iż-żmien tal-adolexxenza u taż-żgħożija huwa żmien sabiħ u delikat fejn jibdew jittieħdu l-orjentamenti tal-ħajja. L-edukazzjoni tidħol f’dan il- proċess biex ma jiġrix li jkun hemm min jibqa’ ma jafx xi jrid f’ħajtu. Ma jistax ikollna gwaj akbar f’darna meta għandna adolexxenti u żgħażagħ li ma jafux xi jridu mill-ħajja: żgħażagħ li l-orizzont tagħhom huwa mċajpar u għalhekk ma jarawx ’il bogħod. Frott ta’ din il- konfużjoni mentali, emozzjonali u spiritwali, ħafna jibqgħu inċerti, jesperjenzaw vojt kbir u ma jiddeċiedu qatt. Ħafna jgħixu “f’tined temporanji” – huma “nomadi jiġġerrew fid-deżert”. Jekk għax ikunu ppressati miċ-ċirkustanzi jagħmlu ċerti għażliet, ġieli jagħmlu għażliet żbaljati u hekk jgħarrqu ħajjithom. Mhux l-ewwel darba li nisimgħu b’individwi li jibdew kors f’istituzzjoni edukattiva terzjarja, imbagħad jiddeċiedu li jibdlu għax ma jkunux kuntenti bl-għażla inizjali; oħrajn li jħallu l-iskola ħin bla waqt, imbagħad wara jiddispjaċihom qatigħ li jkunu tilfu l-opportunità ta’ ħajjithom; oħrajn ikollhom jitqannew b’impjieg li ma jkunux maqtugħin għalih jew li jkunu għażlulhom il-ġenituri tagħhom (!) u jgħixu ħajjithom fid- dwejjaq. Fi kliem ieħor, ħafna ma jkunux jafu x’inhi l-vokazzjoni tagħhom u għalhekk jilbsu żarbun li ma jkunx jiġihom! U meta nxiddu żarbun ma jkunx tal-qies tagħna, ma nkunux komdi! Min-naħa l-oħra, ħafna oħrajn, għax ikunu ġew megħjuna jiċċaraw l-għanijiet u l- mixja, jagħmlu għażliet tajba u jikkontribwixxu għal soċjetà isbaħ. Għalkemm issa għaddew is-snin minn meta jien kont fuq il-bank tal-iskola, xorta għadni nħossni midjun lejn dawk l- edukaturi li kienu ta’ forċina fil-mixja tiegħi. Nemmen li bħali hemm ħafna oħrajn li jħossuhom midjunin mal-edukaturi tagħhom.

Hemm rabta bejn il-proċess edukattiv u l-vokazzjoni (qed nuża l-kelma “vokazzjoni” f’sens wiesa’). L-iskola hija wieħed minn dawk l-ambjenti edukattivi li jgħinu lill-individwu jitgħallem kif jgħix u jimmatura. Tkun viżjoni dejqa ħafna jekk l-iskola taħseb biss biex tikkura l-intelliġenza u l-memorja tal-istudenti; għall-kuntrarju, l-iskola għandha l-missjoni li

tgħin fil-formazzjoni integrali tal-persuna u għalhekk tikkura l-aspetti kollha tal-personalità. Il-formazzjoni akkademika hija meħtieġa u importanti, imma mhix biżżejjed. Dan ifisser li l- edukatur mhux biss irid ikun “espert” fis-suġġett li jgħallem, imma jrid ikun ukoll “espert” fl- umanità biex hekk isir jaf sew lill-istudent. Bħala edukaturi għandna nippruvaw nakkumpanjaw lill-istudent jitgħallem “jaqra” mhux biss il-kotba tal-iskola, imma wkoll lilu nnifsu. X’jiswa li wieħed ikun jaf x’fiha l-librerija, imbagħad ma jkunx jaf lilu nnifsu bid- doni, l-aspirazzjonijiet personali, il-ħolm, l-ambizzjonijiet li jkollu fih? Għalhekk l-edukatur għandu x-xogħol iebes u delikat li jiffaċilita l-proċess ħalli l-istudent jagħmel l-għażliet professjonali u eżistenzjali tiegħu. L-għajnuna li jista’ joffri l-għalliem f’dan il-qasam ma għandhiex prezz, għaliex tista’ twassal lill-istudent biex jiġi f’tiegħu u bil-mod il-mod japprezza r-riżorsi li jkollu fih, isir konxju tal-limitazzjonijiet li jkollu u jikseb l-għodda li tgħinu ħalli jagħmel il-passaġġ minn futur tal-fantasija għal proġett personali u prattiku li jkun jikkorrispondi għall-vokazzjoni tiegħu.

Fi kliem il-Papa Franġisku, “biex inwettqu l-vokazzjoni tagħna hemm bżonn niżviluppaw, inħallu jikber u nieħdu ħsieb ta’ dak kollu li jagħmilna aħna. Ma jfissirx li nivvintaw lilna nfusna, li noħolqu lilna nfusna mix-xejn, imma li niskopru min aħna fid-dawl ta’ Alla, u dak li aħna nħalluh iwarrad… Il-vokazzjoni tiegħek tmexxik biex toħroġ l-aħjar minnek innifsek għall-glorja ta’ Alla u għall-ġid tal-oħrajn. Dan mhux sempliċiment biex tagħmel din il-ħaġa jew l-oħra, imma biex tagħmilhom b’tifsira, b’orjentament” (Christus vivit, 257).

Huwa importanti ħafna li lill-istudenti nippreparawhom għad-dinja tax-xogħol, imma jekk irriduhom ikunu kuntenti huwa aktar essenzjali li ngħinuhom jiskopru l-vokazzjoni tagħhom. Jekk wieħed jidħol għal xogħol li ma jkunx maqtugħ għalih, ibatu hu u ta’ madwaru. “Meta wieħed jiskopri li Alla qed isejjaħlu għal xi ħaġa, li hu magħmul għal dan – jista’ jkun il- qasam tas-saħħa, ix-xogħol fl-injam, il-komunikazzjoni, l-inġinerija, it-tagħlim, l-arti jew xogħol ieħor kien li kien – imbagħad ikun kapaċi joħroġ għad-dawl l-aħjar ħiliet tiegħu ta’ sagrifiċċju, ġenerożità u dedikazzjoni. La taf li l-affarijiet ma tagħmilhomx biex tkun għamilthom, imma bis-sens, bħala tweġiba għal sejħa li qed tidwi fil-qiegħ nett ta’ dak li int biex tagħti xi ħaġa lill-oħrajn, agħmel mezz li dawn il-ħidmiet iroddu lil qalbek esperjenza speċjali ta’ sħuħija” (CV, 273).

Niftakar li snin ilu kienu jitkellmu fuq ‘vocational schools’ li kienu parti mis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. Naf ukoll li llum is-sistema toffri suġġetti vokazzjonali. Ħaġa tajba. Imma jien intenni li kull edukatur huwa ‘vocation spotter’ – kull edukatur imsejjaħ jgħin lill- istudenti jagħmlu dixxerniment dwar liema hija “r-rotta tagħhom”. San Albertu Hurtado kien jgħid: “Fuq ġifen, il-baħri li ma jagħtix kas jitkeċċa minnufih, għax dak li għandu f’idejh hu wisq qaddis. U fil-ħajja, aħna qegħdin attenti għar-rotta tagħna? Liema hi r-rotta tiegħek?” (CV, 257).

Għalhekk importanti li lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ tagħna ngħinuhom isibu r-rotta tagħhom. Fost dawn ir-rotot hemm dik spiritwali u speċifikament dik għall-ħajja saċerdotali jew ikkonsagrata lil Alla (bħalma hija l-ħajja reliġjuża jew dik ta’ lajċi kkonsagrati).Għeżież edukaturi, il-Mulej poġġiekom qrib din il-ġenerazzjoni li tielgħa u jaf jinqeda bikom biex isejjaħ xi wħud biex ikunu tiegħu. Jekk fil-professjoni tagħkom tiltaqgħu ma’ individwi li għandhom il-fjamma tal-vokazzjoni reliġjuża, agħmlu li tistgħu biex ma tintefiex. Ikun ħieles tassew min iwieġeb għas-sejħa tiegħu jew tagħha.

Filwaqt li b’sens qawwi ta’ gratitudni nawguralkom li matul din is-sena l-ħidma edukattiva tagħkom tfarraġkom, imnebbaħ mill-Papa Franġisku napplika għalikom din it-tixbiha: l-

iskola hi bħal kenura, fejn l-anzjani (edukaturi) jgħinu biex tinżamm ir-rotta t-tajba billi jaqraw il-kwiekeb, u ż-żgħażagħ jaqdfu b’saħħithom kollha huma u jistħajlu x’hemm jistenniehom iktar ’il quddiem. Ejjew ma nitilfux ir-rotta, la minħabba fiż-żgħażagħ li jaħsbu li l-adulti huma passat li m’għadux jgħodd, li diġà superat, u lanqas minħabba l-adulti li jaħsbu li dejjem jafu kif suppost iġibu ruħhom iż-żgħażagħ. Pjuttost, ejjew nitilgħu lkoll fuq l-istess kenura u flimkien infittxu dinja aħjar, imqanqla min-nifs dejjem ġdid tal-Ispirtu s- Santu (ara CV, 201).

Nitlob magħkom bl-interċessjoni tal-Madonna, biex kif l-Ispirtu s-Santu għamel minnha edukatriċi ta’ Ġesù u ta’ ħafna mid-dixxipli tiegħu, hekk l-istess Spirtu s-Santu jieqaf magħkom l-edukaturi fl-impenji vokazzjonali tagħkom.

23 ta’ Settembru 2019, Tifkira liturġika ta’ San Piju tal-Pjagi.

✠ Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading