Imħabba vera u rispett sinċier lejn il-Ħolqien

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 23 ta’ Settembru 2019: Sommarju tal-istqarrija mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA).

Fl‑okkażjoni tax‑Xahar tal‑Ħolqien, il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tefgħet l‑lenti tagħha fuq xi eżempji ta’ greenwashing li rat iseħħu f’pajjiżna matul is‑16‑il sena li ilha mwaqqfa. Greenwashing isir meta xi ħadd bi kliemu jagħti l‑impressjoni li qed iħares l‑ambjent, meta fil‑verità jkun qed jagħmel xort’oħra.

Il‑KA hi kritika ħafna tal‑mod kif dikjarazzjonijiet pubbliċi jippruvaw jiksbu kredibbiltà billi jiddikjaraw li deċiżjonijiet li se jittieħdu huma bbażati fuq studji xjentifiċi li, ħafna drabi, qatt ma jkunu ppubblikati u disponibbli għall‑iskrutinju pubbliku. B’konsegwenza ta’ dan, iċ‑ċittadini komuni jkollhom jikkuntentaw ruħhom bl‑interpretazzjoni ta’ kull min jista’ jkollu interess li jara proġett partikolari jimxi ’l quddiem. Bħala eżempji l‑KA tirreferi għar‑Rapport tal‑2017 relatat mal‑Industrija tal‑Bini u s‑Suq tal‑Propjetà f’Malta u l‑aġġornament tiegħu (li serva bħala skuża biex jiġġustifika aktar bini mhux sostenibbli); l‑istudji ta’ fattibbiltà dwar il‑mina li tgħaqqad iż‑żewġ gżejjer (li fuqhom id‑deċiżjoni li ssir il‑mina diġà ttieħdet – u ġiet approvata mill‑parlament – għalkemm mhux l‑istudji KOLLHA huma kompluti); u għall‑istudji dwar il‑Proġett tas‑Central Link (li n‑nuqqas ta’ pubblikazzjoni tagħhom wassal għal ħafna spekulazzjonijiet).

Il‑KA tħoss li l‑poplu Malti jistħoqqlu aktar rispett u li studji importanti dwar kwistjonijiet ambjentali m’għandhomx iżjed jinżammu moħbija mill‑pubbliku, kif ilu jiġri għal żmien twil taħt diversi amministrazzjonijiet. Hija tikkritika l‑mod kif qabel kull elezzjoni l‑poplu jiġi mġiegħel jemmen li l‑vuċi tiegħu se tkun stmata, iżda mbagħad meta niġu għas‑siegħa tal‑prova, aktar jingħata widen għal dak li għandhom x’jgħidu l‑konsulenti u r‑rapporti misterjużi. M’hemmx dubju li l‑konsulenti għandhom ikunu kkonsultati. Iżda dawn għandhom id‑dmir li jibbażaw il‑pariri tagħhom fuq fatti riċerkati (u ppublikati) u mhux fuq il‑perċezzjonijiet tagħhom. Fuq kollox, leħen il‑poplu qatt m’għandu jkun injorat mid‑deċiżjonijiet finali li jittieħdu – speċjalment meta dak li jkun qed jgħid il‑konsulent imur kontra dak li qed jgħid kulħadd.

Il‑KA ssemmi wkoll it‑tattika komuni li wieħed jiġġustifika proġetti li jikkawżaw sfreġju ambjentali billi jipproponi soluzzjoni li tidher li qed tnaqqas l‑impatt tal‑isfreġju. Dawn it‑tip ta’ “soluzzjonijiet” iservu sabiex jitfgħu l‑attenzjoni fuq id‑dettalji u mhux fuq il‑mistoqsija prinċipali – jiġifieri jekk il‑proġett kienx hemm bżonnu jew le. Fost l‑eżempji li tagħti l‑KA hemm ir‑reviżjoni ta’ pjanti ta’ proġetti bi tnaqqis ta’ xi sulari, żieda ta’ aċċess għall‑pubbliku u ta’ landscaping biex jidher li qed jittaffa l‑impatt fuq l‑ambjent u naljenaw rasna mill‑fatt li l‑istess proġett ikun xorta waħda qed inaqqas l‑ispazji miftuħa. Issemmi wkoll il‑prattika li proġett mostruż ikun sottomess f’fażijiet żgħar – b’kull fażi tistenna ż‑żmien l‑aktar vantaġġuż sabiex titlob u tikseb l‑approvazzjoni.

Il‑KA ma tonqosx li tikkritika wkoll lil min fi ħdan il‑Knisja jagħżel li jikkawża ħsara ambjentali permezz ta’ diversi proġetti (kemm jekk ikunu żgħar jew kbar) billi jbigħ jew jikri art għal żvilupp irresponsabbli bl‑iskuża li jkun qed jindirizza ħtiġijiet pastorali u soċjali. It‑twemmin tagħna jobbligana napprezzaw (aktar minn ħaddieħor) il‑ħolqien li tana l‑Missier billi, għall‑ġid veru tal‑komunità, la napprovaw u lanqas nkunu parteċipi fi żvilupp li mhux sostenibbli, ukoll jekk dan ma jkunx imur kontra l‑liġi ċivili.

Il‑KA tilmenta li pajjiżna ftit qed jimpenja ruħu bis‑serjetà biex jindirizza l‑problemi ambjentali ta’ pajjiżna kif imiss, għax skont hi, l‑awtoritajiet, qed jibżgħu, jew ma jridux jurtaw lill‑elettorat – jew aħjar lil xi settur partikolari. Bħala eżempju, issemmi d‑dewmien eżaġerat biex inwaqqfu għal kollox l‑użu tal‑boroż u l‑ippakkeġġar bil‑plastik, u tħeġġeġ għall‑azzjoni malajr ħalli b’hekk issir ġustizzja ekonomika ma’ dawk il‑produtturi u l‑importaturi li wrew responsabbiltà ambjentali u diġà investew f’alternattivi sostenibbli.

Il‑KA twissi dwar il‑ħtieġa li jiġi stabbilit il‑limitu ta’ żvilupp għal pajjiżna, u tgħid li jekk tassew nemmnu fi żvilupp sostenibbli, għandu jkun żgurat li kull proġett jitfassal bl‑intenzjoni li jintlaħaq bilanċ ekwu bejn interessi ambjentali, interessi soċjali u interessi ekonomiċi. Wieħed għandu joqgħod attent li l‑prodott gross domestiku tagħna jiżdied b’inizjattivi li jkabbru fuq kollox il‑benesseri tagħna.

Il‑KA tinnota b’sodisfazzjoni li n‑numru ta’ persuni li qed isemmgħu leħinhom favur l‑ambjent qiegħed dejjem jiżdied, iżda tappella għall‑intenzjoni retta. Hi tħeġġeġ lil kulħadd sabiex jopponi kull attentat li jipprova jtappan leħinhom bil‑partiġġaniżmu politiku. L‑għan ewlieni tal‑ħidma tagħna għandu dejjem jibqa’ t‑tisħiħ tal‑ġid komuni, billi tkun garantita l‑kwalità tal‑ħajja ta’ kulħadd. Il‑KA tagħlaq l‑istqarrija billi, fl‑okkażjoni tax‑Xahar tal‑Ħolqien, tappella lill‑Maltin kollha sabiex jimpenjaw ruħhom ħalli jirrispettaw bis‑serjetà lil din l‑Art ħelwa, l‑Omm li tatna isimha.

Agħfas hawn biex tara l-istqarrija sħiħa.

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: