Saċerdot b’widnejh miftuħa

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 12 ta’ Ottubru 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex lis-Seminaristi fil-Kappella tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.

SAĊERDOT B’WIDNEJH MIFTUĦA

Din hija l-aħħar darba li qed inkun magħkom fil-bidu ta’ sena formattiva oħra fis-Seminarju tagħna. Okkażjoni bħal din ta’ dalgħodu kienet tkun ħafna għal qalbi, għax fikom is-seminaristi nilmaħ kemm lill-Mulej li għadu jsejjaħ, u kemm it-tjubija taż-żgħażagħ tagħna li b’ħafna ġenerożità twieġbu għas-sejħa. Intom tfarrġuni, mhux biss għax fikom nara l-futur tal-Knisja f’Għawdex, imma wkoll għax għandi tama li intom għad timxu fuq il-passi tas-saċerdoti ta’ din id-djoċesi “missjunarja” u tkunu għall-qadi tal-Knisja universali.

Fil-Vanġelu smajna lil dik il-mara li għolliet leħinha minn qalb il-folla u qalet lil Ġesù: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!”; iżda hu qalilha: “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Lq 11:27-28). Filwaqt li din il-mara kellha kliem ta’ apprezzament għal Marija ta’ Nazaret li nisslet u wildet lil Ġesù, Iben ta’ Alla, bħala bniedem, Ġesù kellu kliem ta’ tifħir għall-fidi li kellha ommu. Filwaqt li dik il-mara rrikonoxxiet is-sehem bijoloġiku li tat Marija (il-ġuf u l-ħalib li hija sqietu) fil-ġrajja tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, Ġesù jammira l-fidi tagħha. Għax kif jikteb Santu Wistin, Marija, għax kienet mara tal-fidi, l-ewwel nisslet lil Ġesù f’qalbha, imbagħad fil-ġuf: “La beata Maria concepì credendo colui che partorì credendo”.

Għada pitgħada, intom li bħalissa tinsabu fi proċess ta’ dixxerniment vokazzjonali, għad tkunu saċerdoti. Importanti li nżommu quddiem għajnejna li għalina s-saċerdoti dak li jiġi l-ewwel mhux tant il-ħidma ministerjali, imma kemm aħna nkunu nies ta’ fidi. Għax jaf jiġri anki lilna s-saċerdoti li naqgħu fl-attiviżmu reliġjuż imma nkunu spiritwalment xotti. Ma aħniex ħielsa mit-tentazzjoni li nirriduċu l-ministeru tagħna għal sempliċi “funzjonarji” tal-kult, jew “professjonisti” tas-sagru! Għalhekk neżortakom biex f’dan iż-żmien tas-Seminarju tieħdu bis-serjetà mhux biss il-formazzjoni akkademika u pastorali, imma wkoll u fuq kollox dik spiritwali biex tkunu saċerdoti ta’ fidi kbira. Ftakru fl-eżortazzjoni li għamilt lill-Knisja f’Għawdex lejlet Santa Marija fl-okkażjoni tal-għeluq tas-Sena Marjana, meta għamilt sejħa biex il-Knisja tkun mistika. Donnu dakinhar kien providenzjali li għidt dak li għidt: hija omelija li nħalliha bħala t-testment spiritwali lil din il-Knisja fi tmiem l-episkopat tiegħi. Nitħeġġu u nixxennqu biex ikollna ftit minn tal-mistiċi, fis-sens li nkunu saċerdoti li nħobbu t-talb, inkunu doċli għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, u xhieda sinċiera tal-Vanġelu. Ilum is-soċjetà qajla għandha ħtieġa ta’ saċerdoti li ma humiex imdakkra bil-mistiċiżmu!

Meta Ġesù jgħid li “hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha”, ifakkarni f’dik li wara ġimgħa ta’ laqgħat waqt is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Amażonja nista’ nsejħilha l-antifona ta’ dan is-Sinodu: il-kelma bl-Ispanjol “escuchar” (li wieħed jisma’). Fil-fatt, is-Sinodu huwa ċelebrazzjoni fejn f’atteġġjament ta’ fidi l-Knisja “tisma’” lil Alla u lill-poplu ta’ Alla. Dan japplika wkoll għalina bħala saċerdoti.

Is-saċerdot għandu jkollu widnejh u qalbu miftuħa biex kontinwament jisma’ lil Alla fit-talb, imma partikularment bir-riflessjoni fuq il-Kelma ta’ Alla. Alla tagħna huwa ħaj u kuljum jikkomunikalna l-ġdid. Billi Alla mhux repetittiv, lanqas aħna ma nistgħu nkunu ripetittivi meta nitkellmu f’ismu u dwaru. Meta ma nagħtux widen għal dak li qed jgħidilna l-Ispirtu, aħna nipprietkaw lilna nfusna u nagħmlu fattina. Meta fil-ministeru tagħna nieħdu falza stikka, dan jiġri għax ma nkunux għamilna ħin biżżejjed biex nisimgħu x’qed jgħidilna Ġesù llum.

Is-saċerdot għandu l-ħin kollu jżomm widnejh mal-art biex jisma’ kemm il-karba tal-poplu u kemm x’qed jgħid l-Ispirtu ta’ Alla permezz tal-fidili. Attenti mill-klerikaliżmu, għax dan jirrendina torox għall-oħrajn. Ngħassu fuqna nfusna biex ma jkollniex attitudni ta’ superjorità fuq l-oħrajn, partikularment fir-rigward tal-lajċi. Jekk nagħtuhom widen, nistgħu nitgħallmu ħafna.

Fuq kollox is-saċerdot tajjeb li jisma’ lilu nnifsu, għax jista’ jiġrilna li nkunu nafu ħafna dwar l-oħrajn imma ma nkunux nafu lilna nfusna. Jgħin mhux ftit li wieħed jitħarreġ dwar kif jisma’ l-interjorità tiegħu u hekk jaqta’ l-libsa skont il-pezza li jkollu u jiskansa li jsib ruħu f’baħar li jkun fond ħafna għalih.

Huwa minnu li s-smigħ mhux eżerċizzju ħafif, imma intom fis-Seminarju għandkom il-vantaġġ li għandkom is-superjuri li jakkumpanjawkom. Nifhem li jista’ jkun hemm mumenti meta wieħed ma jifhimx ir-raġuni għaliex is-superjur jagħti ċerti indikazzjonijiet jew jieħu ċerti deċiżjonijiet, imma jien niżgurakom li għandkom superjuri li jħobbukom bħalma l-missier iħobb lil uliedu. Nista’ ngħidilkom li anki meta jkollhom jieħdu deċiżjoni iebsa, huma jbatu magħkom. Għalhekk inħeġġiġkom biex tisimgħuhom u tħobbuhom.

Minn qalbi nawguralkom sena ta’ formazzjoni ġdida li matulha tkomplu titrawmu fil-kapaċità tas-smigħ u hekk illum u dejjem flimkien ma’ Marija tkunu tistgħu tgħidu lil Alla: “Hawn jien il-qaddej tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek”.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading