Iktar responsabbiltà liż-żgħażagħ fil-Knisja


L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi qal li ż‑żgħażagħ għandhom jingħataw iktar responsabbiltajiet fil‑ħajja tal‑Knisja. Dan qalu waqt li kien qed jindirzza l‑konferenza annwali għall‑youth leaders ‘Plexus19’, li ġiet organizzata mill‑MCYN (Malta Catholic Youth Network) tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

D5W_736406/10/2019 10:55:36 St Julians
D5W_7364 06/10/2019 10:55:36 St Julians

Waqt diskussjoni ma’ madwar 240 parteċipant, li huma involuti fil‑ħidma pastorali maż‑żgħażagħ, l‑Isqof Galea‑Curmi qal li “ż‑żgħażagħ m’għandhomx jirċievu biss fil‑Knisja, imma għandu jkollhom sehem importanti. Din ir‑responsabbiltà tgħinhom ħafna kemm biex iħossuhom parteċipi kif ukoll biex jitgħallmu jerfgħu din ir‑responsabbiltà f’dan l‑istadju ta’ ħajjithom u eventwalment bħala adulti.” Huwa appella sabiex iż‑żgħażagħ jingħataw aktar responsabbiltajiet u li jiġu fdati, biex jiżviluppaw il‑kapaċitajiet tagħhom fid‑diversi realtajiet u ħidmiet tal‑Knisja.

L‑edizzjoni ta’ Plexus din is‑sena ffukat fuq it‑tema Pass Ieħor (One More Step) u ttellgħet bejn l‑4 u s‑6 ta’ Ottubru fiċ‑ċentru parrokkjali l‑ġdid ta’ San Ġiljan. Il‑parteċipanti ngħataw għadd ta’ temi għad‑diskussjoni filwaqt li ġew imħeġġa jieħdu inizjattivi ġodda meta jippjanaw il‑ħidma pastorali maż‑żgħażagħ. Dan filwaqt li jpoġġu l‑Evanġelju fiċ‑ċentru ta’ ħidmiethom u tal‑messaġġ li jwasslu. Kull parteċipant ingħata kopja ta’ ‘Christus Vivit’ (Kristu Jgħix), l‑aħħar eżortazzjoni appostolika tal‑Papa Franġisku liż‑żgħazagħ u lill‑poplu ta’ Alla.

Il‑kelliema ewlenin għall‑konferenza kienu Dr Nadia Delicata, delegat episkopali għall‑Evanġelizzazzjoni u lettur fl‑Università ta’ Malta; Rev. Dr John Berry, dekan tal‑Fakultà tat‑Teoloġija; Dr Nicholas Briffa, psikologu; Fr Reuben Gauci, delegat għall‑iżvilupp spiritwali fl‑iskejjel; u Fr Martin Cilia MSSP, direttur tal‑oratorju tal‑MSSP f’Birkirkara.

Saru wkoll għadd ta’ workshops mill‑NGO ‘STEPS’, fejn il-parteċipanti ngħataw ħiliet tekniċi u soċjali (soft skills) dwar kif imexxu grupp ta’ żgħażagħ b’mod effettiv. Il‑konferenza ntemmet b’quddesa fil‑Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan, flimkien mal‑komunità Ġiljaniża. Din il‑Quddiesa ġiet iċċelebrata mill‑Isqof Galea‑Curmi.

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti