Xi passi li wettaqna flimkien

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 11 ta’ Jannar 2020: Diskors tal-Awguri għas-Sena l-ġdida tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, lill-Kleru fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.

2020 01 12 Diskors tal-Awguri lill-Kleru (2)

XI PASSI LI WETTAQNA FLIMKIEN
Ħarsa ħafifa lejn dawn l-erbatax-il sena

Is-soċjetà f’pajjiżna għaddejja minn proċess qawwi ta’ tibdil soċjali, kulturali u reliġjuż. F’dan il-kuntest ta’ transizzjoni, inqis li l-Knisja lokali wkoll hija waħda fi transizzjoni, għax “għalkemm ġeografikament il-binja tal-knisja tinsab f’nofs ir-raħal, ma għadux iż-żmien li l-Knisja tokkupa ċ-ċentru tar-raħal” (Diskors tiegħi tat-18 ta’ Jannar 2014). Kif osserva l-Q.T. il-Papa Franġisku ftit jiem qabel il-Milied meta kellem lill-Kurja ta’ Ruma, “m’aħniex aktar fil-Kristjanità. Aħna ma aħniex l-uniċi li noħolqu l-kultura, la aħna ta’ quddiem u lanqas l-aktar li jagħtuna widen… M’aħniex aktar f’reġim ta’ Kristjanità għaliex il-fidi – speċjalment fl-Ewropa kif ukoll f’parti kbira mill-Punent – mhix aktar presuppost ovvju tal-ħajja komuni, anzi spiss tiġi miċħuda, mgħoddija biż-żmien, mogħtija l-ġenb u rredikolata” (21 ta’ Diċembru 2019). Għaldaqstant, huwa meħtieġ proċess ta’ “aġġustament tal-psikoloġija ekkleżjali tagħna” (Diskors tiegħi tat-18 ta’ Jannar 2014). Dawn it-temi ttrattajthom kemm-il darba fil-Laqgħat tal-Awguri li kull Jannar kien ikolli mal-kleru, fejn kont nagħmel diskors ta’ orjentament pastorali. Matul dawn l-erbatax-il sena li kont responsabbli mit-tmexxija ta’ din id-Djoċesi, bl-għajnuna ta’ għadd sabiħ ta’ saċerdoti, reliġjużi u lajċi ppruvajt nagħmel li nista’ biex ngħin f’din it-transizzjoni.

Għodda importanti f’din il-missjoni kienu l-kappillani. Minn ħmistax-il kappillan, tnejn biss baqgħu minn dawk nominati mill-predeċessur tiegħi. Fl-għażla tal-kappillani dejjem fittixt l-aħjar elementi fost il-kleru djoċesan. Kemm ilni isqof ippresidejt 22 ċerimonja ta’ pussess ta’ parroċċa. Ta’ kull xahar kont ngħaddi nofstanhar mal-Kulleġġ tal-Kappillani biex flimkien nanalizzaw il-qagħda u nipproponu azzjoni pastorali komuni. Għalkemm fil-parti l-kbira tagħhom il-kappillani sibthom kollaboraturi tajbin, hemm individwi u ċirkustanzi fejn stennejt aktar kondiviżjoni fil-viżjoni pastorali u aktar kuraġġ fit-tiġdid tal-komunitajiet parrokkjali. Matul l-episkopat tiegħi, kuntrarjament għall-prassi li sibt, wasalt biex nintroduċi sistema fejn il-kappillan ma jkunx ġej mill-parroċċa li nafdalu. Barra minn hekk, fil-parroċċi reġgħet ġiet riabilitata d-‘Dar tal-Kappillan’, għax sibt li l-kappillan kien joqgħod fid-dar privata tiegħu. Bil-mod il-mod bdejt nintroduci l-kunċett ta’ ‘presbiterju parrokkjali’, għax bdejt nibgħat saċerdot jgħix fl-istess dar mal-kappillan – attwalment hemm sitt parroċċi fejn hemm din l-esperjenza. Għal Ottubru li għadda, kollox kien imħejji biex il-Kulleġġ tal-Kappillani jieħu sehem fi tlett ijiem ta’ riflessjoni dwar it-tiġdid pastorali meħtieġ fid-dawl tal-Evangelii gaudium u l-ktieb ta’ James Mallon Divine renovation – imma peress li kelli nattendi għas-Sinodu, dan is-seminar ma sarx.

Fil-parti l-kbira tagħhom is-saċerdoti huma disponibbli li jgħinu lill-kappillani, anki jekk ħafna minnhom (speċjalment l-anzjani) jippreferu joffru ‘pastorali sagramentali’. Normalment il-presbiterja parrokkjali jiltaqgħu regolarment u kopja tal-minuti tintbagħat il-Kurja. Erba’ snin ilu ħtart Vigarju Episkopali għall-Kleru li huwa msieħeb minn Kummissjoni. Parti mill-ħidma ta’ din il-Kummissjoni hija l-formazzjoni kontinwata tas-saċerdoti u matul is-sena jsiru laqgħat ta’ formazzjoni spiritwali, teoloġika u pastorali. Normalment ikun hemm parteċipazzjoni sabiħa għal dawn il-laqgħat. Kull sena d-Djoċesi torganizza l-eżerċizzi spiritwali għas-saċerdoti, u dan l-aħħar qed nistiednu predikatur barrani. Għalkemm in-numru tas-saċerdoti huwa għoli (147 inkardinati), l-età medja hija ta’ madwar sittin sena. Is-saċerdoti li huma taħt is-sittin sena, b’eċċezzjoni ta’ ftit ħafna, kollha għandhom mandat pastorali. Il-Kunsill Presbiterali jiltaqa’ regolarment. Hemm sittax-il saċerdot imsiefer: erbgħa minnhom qed jistudjaw, tnejn jinsabu fis-servizz tas-Santa Sede, u l-oħrajn fidei donum anki f’artijiet tal-missjoni. F’erbatax-il sena għamilt il-funeral ta’ sebgħa u sebgħin saċerdot, filwaqt li ordnajt erbgħa u għoxrin saċerdot ġdid. Ilqajt it-talba għall-eskardinazzjoni ta’ seba’ saċerdoti, filwaqt li żewġ saċerdoti Għawdxin li kienu inkardinati barra ġew inkardinati fid-Djoċesi tagħna. Kont waqqaft kumitat biex isir studju dwar l-opportunità li niftħu dar għas-saċerdoti anzjani, imma l-parir li ngħatajt kien wieħed negattiv. Flimkien mal-Fondazzjoni Arka qed naħsbu biex fil-futur qarib ikollna żewġ appartamenti għas-saċerdoti anzjani.

Fis-Seminarju Maġġuri għandna tnax-il seminarista. Jien kuntent ħafna bl-equipe formattiv: ir-Rettur, il-Viċi-Rettur u Prefett tal-Istudji, ir-Responsabbli mill-Formazzjoni Pastorali u d-Direttur Spiritwali. Fis-Seminarju hemm tnejn u tletin li jiffurmaw il-korp tal-għalliema. Peress li huwa Seminarju affiljat mal-Angelicum, kull sena din il-Fakultà Pontifiċja f’Ruma tibgħat rappreżentant fl-eżamijiet finali tal-BA fit-Teoloġija u kull darba jagħtuna rapporti tajba ħafna dwar il-livell akkademiku fis-Seminarju. Attwalment għandna student reliġjuż (Franġiskan Konventwali) li qed jattendi għal-lezzjonijiet. Kellna wkoll l-esperjenza ġdida ta’ seminarista mill-Gwatemala li għamel snin fil-formazzjoni magħna. Kont f’diskussjoni ma’ ordni reliġjuż biex jibdew jibagħtu l-istudenti tagħhom għall-formazzjoni filosofika-teoloġika fis-Seminarju tagħna. Hemm relazzjoni tajba bejn is-Seminarju tagħna u dak ta’ Malta. Is-Seminarju għandu għeruqu fil-qalb tal-poplu ta’ Alla f’Għawdex li jgħożż ħafna din l-istituzzjoni kif tixhed il-ġenerożità tiegħu. Kemm-il darba lis-superjuri tiegħi għidtilhom li s-Seminarju tagħna għandu jibqa’!

Imseħbin mas-Seminarju Maġġuri ħsibt li jkun hemm: (1.1) saċerdot responsabbli mill- vokazzjonijiet li qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna ma’ adolexxenti u l-ġuvintur (fid-Djoċesi din is-sena pastorali hija ddedikata proprju lill-vokazzjonijiet). Din is-sena waqqaft Kummissjoni taħt it-tmexxija tas-Segretarju Pastorali biex toffri pjan ta’ ħidma vokazzjonali; (1.2) saċerdot ieħor jieħu ħsieb il-piccolo clero. Bi pjaċir ninnota li dan l-aħħar f’diversi parroċċi żdied in-numru tal-abbatini. (2) Ftit tax-xhur ilu waqqafna Istitut għall-Ministeru Pastorali bl-għan li joffri lil-lajċi u reliġjużi nisa korsijiet ta’ formazzjoni terzjarja, inkluża dik teoloġika. Dan l-istitut għandu l-liċenzja mill-Istat li jagħti gradi akkademiċi rikonoxxuti. Attwalment għaddej kors dwar is-safeguarding u dalwaqt jiġu proposti korsijiet oħra.

Il-ħajja kkonsagrata hija ‘pulmun’ importanti għall-ħajja ekkleżjali. Fid-Djoċesi hawn preżenza ta’ tnax-il familja reliġjuża. Tajt mandat lil wieħed reliġjuż bħala d-Delegat tiegħi għall-Ħajja Kkonsagrata. Hu jiltaqa’ regolarment ma’ rappreżentanti tar-reliġjużi biex iwettqu programm ta’ formazzjoni. Bl-għan li nippromovu din il-kariżma, matul l-episkopat tiegħi ftaħna monasteru ta’ ħajja kontemplattiva femminili, waqqafna Assoċjazzjoni lajkali tad-dritt pubbliku bil-ħsieb li ’l quddiem issir Istitut sekulari tad-dritt djoċesan (Anawim), u waqqafna wkoll l-Ordni tal-Verġni. Għamilt tentattivi biex fid-Djoċesi jkollna fergħa maskili tal-ħajja kontemplattiva, imma s’issa ma tawx frott. Huwa fatt li f’dawn l-aħħar snin rajna djar tar-reliġjużi jingħalqu, għax il-komunitajiet qed jikbru fl-età u jiċkienu fin-numru. Is-sorijiet Franġiskani għalqu l-kunvent tagħhom fil-Qala u kienu diġà telqu mis-Seminarju u waslu biex jagħlqu l-kunvent li hemm in-Nazzarenu (ix-Xagħra). Imma frott l-impenn tagħna u r-rieda tajba tal-Madre Ġenerali tal-Franġiskani, is-Sorijiet ġew lura s-Seminarju u n-Nazzarenu. Fi żmien il-Provinċjal tal-Ġiżwiti Paul Pace SJ, Dar Manresa kienet ser tagħlaq u konna wasalna għal ftehim li d-dar tgħaddi lid-Djoċesi; imma mbagħad għenthom biex sabu min jamministra d-dar u l-Ġiżwiti baqgħu hawn. Diversi drabi ħeġġiġt lir-reliġjużi, partikularment lis-sorijiet, biex iwettqu xi għamla ta’ ħidma vokazzjonali, imma ftit kien hemm rispons. Xtaqt ħafna li l-Kunsill tas-Superjuri Maġġuri Reliġjużi (KSMR) ikollu relazzjoni mill-qrib mal-Isqof ta’ Għawdex kif għandhom mal-Arċisqof f’Malta – almenu dawk is-Superjuri Maġġuri li għandhom komunitajiet fid-Djoċesi – imma ma nħossx li kien hemm rieda qawwija biżżejjed, għax fuq medda ta’ diversi snin ma ltqajniex aktar minn darbtejn.

Il-parteċipazzjoni tal-lajċi hija qawwija kemm fuq livell parrokkjali u kemm fuq livell djoċesan. Dawn l-aħħar snin ħtart Vigarju Episkopali għal-Lajċi. Kważi fil-parroċċi kollha hemm il-Kunsill Parrokkjali fejn il-kotra tal-membri huma l-lajċi. Wieħed mid-dispjaċiri tiegħi hu li flimkien mas-Segretarju Pastorali ta’ qabel għamilna diversi tentattivi biex ikollna l-Kunsill Pastorali Djoċesan, imma kull esperjenza li għamilna kienet short lived. Waħda mir-raġunijiet kienet li l-lajċi tagħna huma nieqsa minn formazzjoni ekkleżjali adegwata u għalhekk is-sehem tagħhom ikun limitat. Din il-formazzjoni hija meħtieġa biex isseħħ it-transizzjoni li semmejt aktar ’il fuq. Wieħed jittama li bil-preżenza tal-IMP ikun hawn qabża fil-kwalità fis-sehem tal-lajċi mhux biss fil-kamp pastorali imma wkoll fis-settur soċjali.

F’dik li hija l-formazzjoni tal-lajċi, minbarra l-għaqdiet tal-appostolat bħalma hija l-Azzjoni Kattolika, il-Leġjun ta’ Marija, il-Mixja Neo-Katekumenali u l-Kariżmatiċi, fil-parroċċi twaqqfu l-‘komunitajiet Ewkaristiċi’ u gruppi ta’ lectio divina. Minn sena ilu, grupp ta’ saċerdoti żgħażagħ qed joffru l-formazzjoni magħrufa bħala I Dieci Comandamenti liż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻG), li reġgħet twaqqfet din is-sena, torganizza laqgħat formattivi għaż-żgħażagħ. Dan l-aħħar snin rajna qawmien f’xi wħud miċ-ċentri parrokkjali fejn issir attività għall-adolexxenti u ż-żgħażagħ, tant li f’xi parroċċi saret ristrutturazzjoni kbira taċ-ċentri (San Ġorġ, ix-Xewkija u l-Qala) u fin-Nadur u f’Ta’ Kerċem qed jinbnew ċentri ġodda. Fil-predikazzjoni għandna l-aqwa għamla ta’ katekeżi li tilħaq lill-kotra kemm bl-omelija tal-quddies tal-Ħadd u kemm bil-prietki okkażjonali u bl-Eżerċizzi tar-Randan. Għalkemm rajt ħafna titjib fil-predikazzjoni, jiddispjaċini li xi saċerdoti, fosthom anki żgħar, għadhom ma ġeddux il-predikazzjoni tagħhom u jippreferu jappellaw għas-sentimenti popolari.

Il-katekeżi tat-tfal hija organizzata sewwa ħafna. Barra s-soċji tal-Museum li joffru katekeżi fl-oqsma tagħhom, hemm għadd ġmielu ta’ lajċi li huma katekisti. Hija nota pożittiva li f’dawn l-aħħar snin diversi kappillani rnexxielhom jirreklutaw katekisti lajċi żgħar u investew fil-formazzjoni tagħhom. Bl-għan li jkun hemm riforma fil-metodu u l-kontenut tal-katekeżi, madwar sentejn ilu kont waqqaft Kummissjoni li ppreżentat rapport, imma ma kienx konklużiv. Xtaqt li dan l-istudju jitkompla u jiġi ffinalizzat. Il-Parroċċa ta’ Għajnsielem adottat is-sistema kateketika magħrufa bħala I quattro tempi.

Komplejna bir-riforma fil-liturġija bħal meta introduċejna l-liturġija mġedda tal-funerali u dik tas-sagrament taż-żwieġ. Konna qegħdin inħejju proposta liturġika-kateketika għal qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-magħmudija. Il-Kummissjoni għal-Liturġija kienet tieħu ħsieb tħejji l-liturġija waqt ċelebrazzjonijiet djoċesani, bħal fil-każ tal-Festa ta’ Kristu Re. F’dawn l-aħħar snin diversi parroċċi ħejjew ‘santwarju tal-Qrar’ fejn dan is-sagrament jiġi ċċelebrat b’dinjità, kif ukoll il-‘kappella tal-Ewkaristija’ li ddum miftuħa tard billejl. Imma hemm ħafna aktar xi jsir biex titwettaq ir-riforma liturġika fl-ispirtu tal-Konċilju Vatikan II. B’xorti ħażina, ħafna għadhom jikkunsidraw is-sagramenti bħala esperjenza privata! Ħafna drabi, biex tiġi mħarsa t-tradizzjoni, jippreferu jissagrifikaw is-sehem mifhum u attiv tal-ġemgħa! Hemm kollaborazzjoni sabiħa bejn il-Kummissjoni Djoċesana u dik tal-Konferenza Episkopali li attwalment qed jaħdmu fuq edizzjoni ġdida tal-Missal Ruman. Bl-għan li titwettaq riforma fl-arti liturġika, tliet snin ilu waqqafna ċentru li jispeċjalizza fl-arti liturġika maħduma fil-mużajk (Eikon). Għal dan il-għan kont bgħatt saċerdot jitħarreġ għal erba’ snin fiċ-Ċentru Aletti mmexxi minn Patri Marko Ivan Rupnik SJ f’Ruma.

Kelli l-pjan li nibni knisja ġdida f’Marsalforn – żona pastorali periferika li dejjem qiegħda tikber bi ħtiġijiet partikulari. Kien b’dan il-ħsieb preċiż li ftit snin ilu kont tlabt lill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Pawlu Cremona OP jagħtina l-fond magħruf bħala tas-Sorijiet ta’ St Joseph; b’ġenerożità kbira l-Arċisqof Cremona għaddielna din il-proprjetà bħala commodatum b’kundizzjonijiet ferm favorevoli. Dawn l-aħħar sentejn diversi parroċċi daħlu għall-ħidma estensiva ta’ restawr tal-knejjes tagħna. Kienu proġetti meħtieġa biex jiġi salvat patrimonju artistiku u reliġjuż, għax il-ħsarat fl-arti sagra u fl-istrutturi kienu kbar ħafna. Huwa minnu li dawn il-proġetti saru bl-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern lokali, imma hu fatt li l-komunitajiet parrokkjali wkoll taw is-sehem finanzjarju tagħhom.

Iż-żwieġ u l-familja huma żewġ punti fokali tal-azzjoni pastorali tagħna. Id-Delegat għall-Pastorali Familjari, bl-għajnuna ta’ diversi koppji, irnexxielu joħloq programmi ta’ formazzjoni kemm għall-għarajjes bi tħejjija għaż-żwieġ u kemm għall-koppji miżżewġa. Dawn il-laqgħat isiru kemm fuq livell ta’ parroċċa u kemm bħala djoċesi fl-Istitut tal-Familja Ġwanni Pawlu II. Biex jintlaħqu l-koppji għarajjes li matul il-ġimgħa jkunu Malta, isiru laqgħat għalihom f’Malta wkoll. L-istess Istitut tal-Familja joffri laqgħat formattivi għal persuni separati jew li għandhom id-divorzju. Ta’ kull sena, il-Kummissjoni Familja torganizza Konferenza Djoċesana dwar tema li għandha x’taqsam mal-familja. Waqqafna wkoll ċentru ta’ terapija għall-koppji mmexxi minn saċerdot psikologu flimkien ma’ tim ta’ persuni mħarrġa f’dawn ix-xjenzi. Inħossni grat ħafna lejn is-Santwarju Ta’ Pinu li jerfa’ l-piż finanzarju ta’ dan iċ-ċentru.

Ħidma formattiva oħra tingħata mill-iskejjel tal-Knisja li għandna fid-Djoċesi. Fil-viżjoni tagħna l-iskola ma hijiex biss struttura akkademika imma opportunità biex tlaqqa’ lill-istudenti (u lill-familji tagħhom) ma’ Ġesù Kristu. Fil-fatt, introduċejna l-kunċett ta’ ‘skola-knisja’. Ħdimna fuq proġett li l-iskejjel tal-Knisja flimkien jiffurmaw ‘kulleġġ’ wieħed biex ikun hemm kontinwità bejn id-diversi gradi tal-iskejjel. Ksibna liċenzja għall-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju biex tkun b’direzzjoni awtonoma minn dik Primarja. Waqqafna l-Kunsill tal-Kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja kif ukoll il-Kunsill tall-Assistenti Kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja. Dawn iż-żewġ Kunsilli jiltaqgħu regolarment kull xahar. Ftit snin ilu tajt mandat lil saċerdot biex ikun responsabbli mill-pastorali skolastika u janima t-tim pastorali li twaqqaf f’ħafna skejjel. Għalkemm l-iskejjel tagħna jagħmlu parti mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni fi ħdan il-Konferenza Episkopali Maltija, introduċejna service manager biex jikkordina l-‘kulleġġ’ tal-iskejjel fid-Djoċesi. Fl-iskejjel sekondarji tal-Knisja hemm religious counsellor. Fit-tliet skejjel li huma tad-Djoċesi (is-Seminarju Minuri, il-Konservatorju Primarja u l-Konservatorju Sekondarja) għaddej xogħol strutturali.

Il-Knisja hija preżenti wkoll fl-iskejjel tal-Istat. Għandi relazzjoni tajba ħafna mal-Prinċipal tal-Kulleġġ tal-Iskejjel għal Għawdex kif ukoll mal-Ministeru għall-Edukazzjoni. Fl-iskejjel sekondarji hemm il-preżenza tar-religious counsellor u fl-iskejjel primarji huma l-kappillani li jieħdu ħsieb il-kura pastorali tat-tfal. Kont nagħmel żjajjar regolari lill-iskejjel kollha, kemm tal-Knisja u kemm tal-Istat.

F’Għawdex hawn preżenza mdaqqsa ta’ Nsara mhux Kattoliċi. Din is-sena tajt permess lill-Ortodossi Serbi biex kull ħmistax jiċċelebraw il-liturġija fil-Kappella tas-Seminarju. Din is-sena wkoll waqqaft il-Kummissjoni Ekumenika bis-sehem ta’ membri mhux Kattoliċi biex jikkordinaw l-atttività ekumenika fid-Djoċesi. Il-membri tal-Leġjun ta’ Marija jgħinu wkoll f’dan il-qasam. Dan l-aħħar snin kellna diveri adulti ta’ denominazzjoni Nisranija li talbu li jidħlu fil-Knisja Kattolika; ma’ dawn inżid lil dawk l-Insara mhux Kattoliċi li talbuni l-permess biex b’fedeltà għal dak li titlob il-Knisja Kattolika jirċievu s-sagrament tal-Ewkaristija. Peress li ta’ kull sena qed ikollna adulti barranin li jitolbu li jitgħammdu, id-Djoċesi nediet programm ta’ katekumenat għal dawn il-kandidati. Peress li f’Għawdex sar hawn preżenza ta’ komunità Musulmana, ħadna xi inizjattivi f’dak li għandu x’jaqsam mad-djalogu interreliġjuż (ngħidu aħna, l-ittra miftuħa lill-Insara u l-Musulmani).

Fid-Djoċesi għandna uffiċċju tal-Caritas attiv ħafna; imma s-sena l-oħra tajt mandat lil wieħed mis-saċerdoti biex jorganizza mill-ġdid id-djakonija djoċesana li tkun twieġeb għall-bżonnijiet kontemporanji. Hemm kummissjoni ta’ lajċi li qed tgħinu. Riċentement ġie inawgurat uffiċċju ġdid fi Triq il-Kappillan Hili, il-Fontana. Bħalissa nħolqu diversi focus groups fil-parroċċi biex issir mappa tal-faqar ta’ żminijietna. Kif ħabbart fl-aħħar Ittra Pastorali, dar li ksibna mingħand is-Sorijiet Dumnikani ser tiġi ristrutturata bħala Ċentru tad-Djakonija. Qegħdin fi trattattivi mal-Għaqda Suret il-Bniedem biex fid-Djoċesi niftħu dar għal dawk li għandhom problemi mentali. Barra minn hekk fid-Djoċesi għandna d-Dar Arka li tilqa’ fiha persuni b’diżabbiltà. Waqqaft Kummissjoni bl-għan li tieħu ħsieb il-kura pastorali tal-persuni b’diżabbiltà anki billi tgħin lil dawn il-persuni jintegraw fil-ġemgħa ekkleżjali. Grupp ta’ saċerdoti joffru servizzi pastorali lill-Oasi li hija fondazzjoni li toffri servizzi lil persuni b’dipendenzi mid-droga jew l-alkoħol. Dar Ġużeppa Debono, li hija mmexxija mill-Komunità Anawim, taħdem favur il-ħajja sa mit-tnissil. Biex ngħinu lill-istudenti Għawdxin li qed jistudjaw Malta, sentejn ilu, f’kollaborazzjoni mal-Patrijiet Agostinjani u s-Sorijiet ta’ St Joseph, inawgurajna żewġ hostels għalihom. Peress li jirriżulta li f’Għawdex it-tfal għandhom problemi serji tas-snien, dħalna fi ftehim mal-Fakultà tad-Dentistrija fl-Università ta’ Malta biex flimkien noffru servizz soċjali f’dan il-qasam.

It-Tribunal Ekkleżjastiku huwa effiċjentissmu fil-kawżi matrimonjali. Mertu tal-Vigarju Ġudizzjali! Fid-dawl tar-riforma li saret dwar il-proċess matrimonjali fid-Djoċesi ċċelebrajna diversi proċessi bil-forma brevior. Attwalment qed jiġu istruwiti żewġ proċessi ta’ kanonizzazzjoni: dak tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard u dak tal-Qaddej ta’ Alla Fra Grazzja Gauci OSA. Quddiem il-Kongregazzjoni tal-Qaddisin hemm il-kawża tal-Venerabbli Madre Margerita De Brincat, fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

Is-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu huwa l-ġojjell tad-Djoċesi. Huma bla għadd il-pellegrini, lokali u barranin, li jfittxu l-faraġ f’dan is-santwarju. Huma diversi s-saċerdoti addetti għal din il-Bażilika, partikularment il-konfessuri. Bħalissa għaddej xogħol fuq il-bini ta’ ċentru għall-pellegrini. Xtaqt ħafna li jkun hemm opra ta’ karità marbuta ma’ dan is-Santwarju. Marbuta ma’ dan is-Santwarju hemm l-istorja taċ-ċentru Marjan f’Bacchus Marsh, Melbourne, l-Awstralja li huwa mmexxi minn Mons. Beneditt Camilleri, eks Rettur tas-Santwarju Ta’ Pinu. Dwar dan iċ-ċentru hemm diversi issues pendenti li ppruvajt nissetilja, imma ma sibtx il-koperazzjoni meħtieġa. Kollox huwa ddokumentat.

Il-Knisja f’Għawdex hija Knisja missjunarja mhux biss għax huma diversi s-saċerdoti, reliġjużi u lajċi li jagħmlu esperjenzi missjunarji, imma wkoll għax il-poplu ta’ Alla huwa ġeneruż ħafna fl-għajnuniet li kontinwament jagħti lill-missjunarji. L-aħħar saċerdot li talabni biex imur il-missjoni kien saċerdot novell, Dun Mario Curmi, li qiegħed il-Gwatemala. Minbarra l-uffiċċju tal-Opri Missjunarji Pontifiċji, fid-Djoċesi hawn il-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu, il-Grupp Sapport Missjunarju u gruppi oħra li jsostnu lill-missjoni. Ta’ kull sena gruppi ta’ żgħażagħ jgħaddu l-btajjel tagħhom jgħinu lil missjunarji Għawdxin. Kien pjaċir tiegħi li f’dawn l-erbatax-il sena żort il-missjunarji tagħna fl-Albanija, fil-Brażil u fil-Perù. Huwa unur għal din id-Djoċesi li għandha erbgħa minn uliedha isqfijiet fil-missjoni: Mons. Joe Bonello OFM, Mons. George Bugeja OFM, Mons. Giovanni Cefai MSSP, u n-Nunzju Mons. Alfred Xuereb.

Fil-fehma tiegħi tliet esperjenzi qawwija li għexna bħala Knisja f’Għawdex f’dawn l-aħħar erbatax-il sena kienu: (a) il-Missjoni Djoċesana mifruxa fuq ħmistax u li fiha ħadu sehem madwar ħames mitt ruħ; (b) il-Viżta Pastorali mifruxa fuq tliet snin; (ċ) is-Sena Marjana (2019). Madwar sentejn ilu fi ħdan il-Kulleġġ tal-Kappillani bdejna nfasslu Missjoni Djoċesana ġdida.

Fil-bidu tal-episkopat tiegħi sibt li l-amministrazzjoni kienet f’qagħda diffiċli. Fl-ewwel jiem sibt li d-Djoċesi kienet qed tbigħ l-assi tagħha biex tagħmel tajjeb għall-fluwidità monetarja biex tħallaq mal-ispejjeż kurrenti. Wasalna fil-ħin biex insalvaw wieħed mill-assi tad-Djoċesi li llum jiswew id-deheb, li hi l-binja li d-Djoċesi tagħna għandha fil-Menqgħa ta’ Marsalforn. Minn dakinhar daħħalt il-policy li d-Djoċesi ma taljenax beni immobbli imma tipprova takkwista oħrajn biex tkun tista’ tivversifika l-investimenti tagħha. Meta nħares lura, din kienet deċiżjoni f’waqtha, għax wara l-kriżi tal-2008 l-interessi fl-investimenti li d-Djoċesi kellha fil-portfolios tagħha rrendew ftit li xejn. Bil-ħidma ta’ pariri għaqlin tal-Kumitat Amministrattiv u tal-Investment Treasury Committe, irrivalutajna l-kirjiet kummerċjali ta’ bini li ma kien baqagħlu l-ebda skop pastorali, bħalma mhuma l-istituti tat-tfal f’Għajnsielem li llum jikkontribwixxu dħul sostanzjali minn din l-għajn ġdida amministrattiva, filwaqt li tajniehom skop pastorali soċjali ġdid. Nista’ ngħid li l-kirjiet kummerċjali llum jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ dħul minn sorsi ta’ investimenti li fl-imgħoddi kienu jirrrendu u li d-Djoċesi kienet tiddependi fuqhom. Sors qawwi ta’ rendiment finanzjaru huma d-dividendi li nieħdu mill-Bank APS li dan l-aħħar irnexxielna nżidu bi ftit is-sehem tagħna fih (share holdings). Irrid ngħid ukoll li tul dawn l-aħħar erbatax-il sena żidna l-proprjetà immobiljari tad-Djoċesi u tal-parroċċi. Barra x-xiri ta’ xi proprjetà għal skop ta’ investiment, kellna wkoll l-akkwist permezz ta’ xiri jew lasciti ta’ proprjetà bħalma mhi Villa Gauci fit-Triq Ta’ Pinu mħollija lid-Djoċesi minn Mons. Anton Gauci, garaxx fil-Fontana li l-Kan. Ġużepp Sacco għaddielna bi prezz imnaqqas, Dar Trionfi fi Triq Sant’Ursula, u x-xiri bi prezz soċjali tal-kumpless tal-MAS f’Għajnsielem li parti minnu qed tintuża għall-qasam soċjali. F’din ir-riforma finanzjarja, grazzi għall-għaqal u d-dehen tas-Segretarju Amministrattiv, stajna għall-ewwel darba xi snin ilu nagħtu l-ewwel paga minima lill-kappillani u lill-addetti pastorali, fosthom is-saċerdoti kollha li m’għandhom l-ebda dħul ieħor, inklużi dawk li qegħdin fuq studju barra minn Malta. Qed nara kif intejjeb il-qagħda finanzjarja ta’ dawk li huma fil-missjoni. Minn din is-sena daħħalna sistema ta’ awment perjodikali fejn kappillani jew persuni b’responsabbiltajiet partikulari jiġu apprezzati finanzjarjament lil hinn minn dak li titlob il-paga minima. Id-Djoċesi bdiet tissussidja assigurazzjoni tas-saħħa lis-saċerdoti. Bi ftehim mal-Ġiżwiti bdejna noffru bi prezz nominali (għax sussidjat) pranzu/ċena lis-saċerdoti li ma għandhomx min isajrilhom. Dan l-aħħar offrejna servizz ta’ ħasil ta’ ħwejjeġ lil dawk is-saċerdoti li ma għandhomx min jaħslilhom. Stajna nagħmlu dan kollu għax inħolqu għejun ġodda ta’ dħul li jippermettu li s-saċerdoti tagħna jgħixu ħajja b’dinjità li tistħoqqilhom.

Għandna relazzjoni tajba ħafna mal-Arċidjocesi ta’ Malta u fi ħdan il-Konferenza Episkopali hemm spirtu ta’ kollaborazzjoni fraterna sabiħa. Matul l-episkopat tiegħi l-Arċisqof Cremona kien offrieli l-possibbiltà li nagħmel terminu bħala President tal-Konferenza. Fid-dawl ta’ dik l-esperjenza, nirrakkomanda li fil-ġejjieni dan l-uffiċċju jkun alternat bejn iż-żewġ isqfijiet djoċesani.

Dawn huma ftit mill-ħidmiet li bl-għajnuna ta’ Alla u ta’ għadd kbir ta’ persuni wettaqna matul dan il-mandat episkopali tiegħi f’din id-Djoċesi. Kif is-soltu jgħid il-Papa, l-importanti huwa li wieħed iqabbad proċess: f’dawn l-erbatax-il sena qabbadna diversi proċessi u għandi tama li f’din il-Knisja, li jien tant inħobb, hawn potenzjal li taħt il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu dan il-proċess jibqa’ għaddej.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading