Quddiesa għall-koppji li żżewġu fl-2019


Is-Sibt, 11 ta’ Jannar 2020: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa għall-koppji li żżewġu matul l-2019, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Il-quddiesa, organizzata mill-Moviment ta’ Kana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

It-talba tal-Knisja f’din il-festa tfakkarna li f’dan il-mument importanti fil-ħajja ta’ Ġesù fejn hu jiddeċiedi jitlaq lil ommu, ormaj armla, Nazaret, jiġbor miegħu grupp ta’ dixxipli u nafu li mbagħad din l-esperjenza ddum għal tliet snin sakemm joqtluh f’Ġerusalemm u jqum mill-imwiet.

Imma llum qegħdin niċċelebraw propju l-bidu ta’ din l-esperjenza u f’din il-festa t-talba tal-Knisja tfakkarna wkoll li m’aħniex qed niltaqgħu biss ma’ Ġesù, imma l-Ispirtu jidher forma ta’ ħamiema u tinstema’ l-vuċi tal-Missier. Fit-tradizzjoni antika tal-Knisja din il-festa allura hija wkoll il-mument fejn Alla, il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, juri lilu nnifsu.

F’din il-festa li fiha titħabbrilna wkoll l-aħbar sabiħa li Alla huwa mħabba, mhuwiex xi poter waħdu li jrid jgħakkes lil xi ħadd juri kemm hu kbir, imma huwa mħabba. Aħna f’din il-festa nifhmu li dan Alla huwa mħabba, li minnu ħarġet kull ħlieqa, u mill-imħabba tiegħu ħriġna aħna. Għandu għalina, għal kull wieħed u waħda minna, proġetti ta’ mħabba kbira. Ħafna drabi d-dnub tagħna huwa li ningħalqu fina nfusna. Alla li huwa l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, diġà fil-ħajja tiegħu nnifsu huwa mħabba, il-ħin kollu joħroġ minnu nnifsu bħalma ħareġ minnu nnifsu fl-avventura tal-ħolqien.

L-imħabba ta’ bejnietkom u s-sapport tal-komunità jgħinukom tgħixu u ġġorru s-salib fejn hemm bżonn u kif hemm bżonn.

Din hija wkoll is-sejħa tagħkom bħala koppja. L-ewwel nett bħala individwi li tiffurmaw il-koppja, li ma tingħalqux fikom infuskom imma bl-imħabba ta’ bejnietkom propju tinfetħu wkoll għad-don tal-ħajja meta Alla jrid. U b’hekk intom issiru xbieha sabiħa tal-imħabba li biha Alla jħobb l-umanità u l-ħolqien. Intom mhux biss tħarsu l-ġenerazzjonijiet futuri imma ġġibuhom fid-dinja. Alla għażel li l-ġenerazzjonijiet tal-umanità jkunu frott tal-imħabba bejn ir-raġel u l-mara. U ż-żwieġ huwa l-ambjent straordinarjament sabiħ ta’ mħabba stabbli, ambjent fejn anke meta jkun hemm il-kunflitti, hemm l-imħabba li tista’ ssolvihom bir-rieda tajba. Anke fejn hemm it-tbatija ż-żwieġ għandu dan l-antidotu. It-tbatija ma nistgħux nevitawha imma fl-imħabba ta’ bejnietkom għandkom qawwa straordinarja li you live through it (tgħaddu minnha). Lanqas ngħid tegħlibha għax kultant it-tbatija hija tbatija għax ma jkollhiex soluzzjonijiet faċli. Imma l-imħabba ta’ bejnietkom u s-sapport tal-komunità jgħinukom tgħixu u ġġorru s-salib fejn hemm bżonn u kif hemm bżonn.

Intom imsejħin biex l-imħabba ta’ bejnietkom tgħixuha bħala mħabba totali, sħiħa, imħabba li tagħti l-frott kif u meta Alla jrid, imma wkoll li toffru l-ambjent fejn il-frott ta’ mħabbitkom, li hija t-tarbija, kif u meta jrid Alla, tikber. Għaliex aħna u niddefendu d-dritt tal-ħajja, qed nimpenjaw ruħna wkoll li nakkumpanjaw il-ħajja fl-istaġuni kollha tal-ħajja.

Intom u tħarsu lejn xulxin, ifhmu li r-responsabbiltà u l-privileġġ tagħkom huwa li tkunu sinjal ta’ tama għal xulxin u għalina. Tgħiduli: ‘Sabiħ dan il-kliem imma r-realtà, issa li żżewwiġna, ir-realtà ta’ kuljum, tal-platti li trid taħsel, tal-ħasil li jrid isir, tax-xogħol li trid tmur jogħġbok u ma jogħġbokx għax m’għadekx single hemm xi ħadd ifakkrek li rridu nirċievu ċ-ċekk fl-aħħar tax-xahar, mhix daqshekk ward u żahar, mhix daqshekk faċli, mhix tal-kartolini’.

U jiena nixtieq ngħidilkom li aħna nifhmuh dan u li m’għandkomx tħossukom weħidkom, intom u tidħlu għal dik li ġustament nistgħu nsejħulha sfida. Hija xi ħaġa sabiħa, realtà sabiħa u jien nħobb nirrepeti meta niltaqa’ magħkom miżżewġin ġodda l-kelma għarfa tal-Appostlu Missierna: iċċaħdux lil xulxin minn xulxin f’kull aspett tal-ħajja miżżewġa, l-intimità fiżika, l-intimità psikoloġika u personali.

Aħna u niddefendu d-dritt tal-ħajja, qed nimpenjaw ruħna wkoll li nakkumpanjaw il-ħajja fl-istaġuni kollha tal-ħajja.

Il-Papa m’ilux kien qed jgħid: ‘Din x’inhi li niltaqgħu madwar il-mejda u kulħadd iħares lejn l-ismartphone’. Donnu m’għandniex ċans li nħarsu f’wiċċ xulxin anke jekk aħna madwar l-istess mejda, kulħadd wiċċu ttimbrat jimmarka, mezz diġitali tal-komunikazzjoni. Qegħdin fil-preżenza ta’ xulxin! Ħin minnhomn il-Papa qal: ‘Għax ma tagħmlux regola bejnietkom li l-ismartphone tħalluh xi mkien ieħor meta qegħdin tieklu flimkien, meta qegħdin tiltaqgħu flimkien?’ Qabel konna ngħidu koppja tara t-televixin kulħadd iħares lejn it-televixin, ma nikkomunikawx bejnietna. Illum mhux biss fil-kamra tat-televixin tiġri din, prattikament f’kull mument ta’ ħajjitna. U dan f’isem il-komunikazzjoni! Ngħidulha social media aħna. U minflok tgħinna nkunu qrib xulxin kultant qiegħda tifridna. Ta’ min naħsbu fuqha din il-ħaġa.

Ta’ min ukoll indarru lil uliedna jsumu wkoll. Naħseb aħjar nibdew nitgħallmu aħna verament, imma din jekk hemm sawm li huwa neċessajru llum huwa dan is-sawm minn dak kollu li qed jifridna fiżikament, psikoloġikament biex ikollna ċans anke kunflitt nippruvaw nikkonfrontawh direttament mhux bil-posts jew bil-messaġġi. Kien xi darba li tħalli stikker mal-friġġ, dawk il-post its. Kien hemm min jixtrihom bil-konsenja. Illum tibgħat messaġġ jew inkella emoji, tista’ tagħmel anke b’wiċċek, ikun isbaħ.

Din hi r-realtà tal-komunikazzjoni li aħna rridu nifhmu jekk hiex verament tgħaqqadna jew inkella tbegħedna minn xulxin. U aħna nixtiequ, intom tixtiequ li meta l-Mulej iberikkom bl-ulied, intom tagħtuhom dak kollu li tistgħu. Tagħtuhom l-ewwel nett id-don tal-ħajja, lilkom infuskom, tgħaddulhom anke xi difett jew tnejn minn tar-razza wkoll. Għaliex? Għaliex huma espressjoni tal-patrimonju sabiħ u ikrah ta’ kull wieħed u waħda minnkom.

L-awgurju hu li ġġorru fiż-żwieġ qaddis tagħkom: sens ta’ tama, sens ta’ tama fil-ħajja, sens ta’ tama fl-umanità, sens ta’ tama li l-għażla li għamiltu hija worth it.

Imma kemm tkun ħaġa sabiħa li fl-ambjent li intom toħolqu bejnietkom, il-familja tikber bħala dak ir-rifless tat-Trinità Qaddisa ta’ Alla mħabba li llum propju juri lilu nnifsu fil-Magħmudija ta’ Ġesù. Ġesù li jinżel fl-ilma, li huwa l-element tal-kaos fil-mentalità tal-Kotba Mqaddsa, u jerġa’ jitla’. Joħroġna minnu għaliex hu jinżel fl-abbiss tal-umanità tagħna imma jitla’, jitla’ u fil-Magħmudija jurina li jixtieq – hu li ħa l-umanità tagħna – jagħtina sehem minn din l-esperjenza ta’ Alla mħabba.

Jiena nixieq nawguralkom ħafna. L-ewwel nett nirringrazzjakom li f’din is-serata verament xitwija kellkom iċ-ċans li tiġu hawnhekk biex nitolbu flimkien. Nitolbu anke għal dawk li ma setgħux jiġu, nitolbu għal kull koppja li żżewġet fis-sena li għaddiet u nħarsu b’sens ta’ tama. Dan il-messaġġ li nixtieq nawguralkom li tħossu li hu tassew għalikom, hu l-awgurju li ġġorru fiż-żwieġ qaddis tagħkom: sens ta’ tama, sens ta’ tama fil-ħajja, sens ta’ tama fl-umanità, sens ta’ tama li l-għażla li għamiltu hija worth it. Veru trid taħsel il-platti, aħjar taħsilhom milli tgarhom, mhux hekk? Naħseb taqblu miegħi. Imma hemm ħafna wkoll faraġ u konsolazzjoni li l-Mulej, bit-talb tal-Knisja, bis-sapport tagħna, jalla jimla ’l qalbkom bih.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 42, 1-4.6-7
Salm: 28 (29), 1a-2.3ac-4.3b u 9b-10
Qari II: Atti 10, 34-38
Evanġelju: Mt 3, 13-17

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.