Il-Papa f’Dar Santa Marta: L-essenzjali fil-ħajja hi r-relazzjoni tagħna ma’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 17 ta’ Jannar 2020: Il-mard tar-ruħ jeħtieġ li jitfejjaq. Il-mediċina hi l-maħfra. Il-Papa Franġisku qal dan waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta dalgħodu, f’kumment dwar il-fejqan tal-paralitiku li kellna fl-Evanġelju.

Il-Papa qal li tajjeb li nfejqu l-mard tal-ġisem imma għandna naħsbu wkoll fis-saħħa tar-ruħ li ħafna drabi ninsewha u ma mmorrux għand it-tabib biex infiqu.

Is-silta tal-Evanġelju tal-lum, meħuda minn San Mark, ittina l-episodju ta’ meta Ġesù fejjaq lir-raġel paralitiku f’Kafarnahum.

In-nies kienet tross madwar Ġesù u minn fetħa fis-saqaf, xi rġiel iniżżlulu quddiemu raġel mimdud fuq sodda.  Tamithom hi li Ġesù jfejqu, iżda l-Mulej jaħsad lil kulħadd għax jgħidlu: ‘Dnubietek maħfura.’

Ikun biss wara li jgħidlu biex iqum, jerfa’ friexu u jmur lejn daru.  Il-Papa Franġisku kkummenta li bi kliemu Ġesù jurina li jrid imur għal dak li hu essenzjali.  Huwa ‘bniedem ta’ Alla’,  jafferma, ifejjaq, imma ma kienx saħħar; kien jgħallem, imma kien xi ħaġa aktar minn imgħallem, u fix-xena li jsib quddiemu jmur għal dak li hu essenzjali.

Iħares lejn il-paralitiku u jgħidlu li dnubietu maħfura.  Il-fejqan fiżiku hu don, is-saħħa fiżika hi rigal li għandna nindukrawh.  Iżda l-Mulej jgħallimna li għandna nindukraw is-saħħa tar-ruħ, is-saħħa spiritwali.

Ġesù jmur għal dak li hu essenzjali anke mal-mara midinba, issokta l-Papa, meta quddiem il-biki tagħha jgħidilha li dnubietha kienu maħfura.

L-oħrajn jiskandalizzaw ruħhom meta Ġesù jmur għall-essenzjali għaliex hemmhekk hemm il-profezija, hemm il-qawwa.  L-istess jgħid Ġesù lir-raġel magħtub ħdejn il-menqa li ma jasal qatt biex jinżel fl-ilma biex ifiq: ‘Mur u tidnibx iżjed.’

Lis-Samaritana, li tagħmillu ħafna mistoqsijiet (ftit jew wisq kienet qed tkun teologa, ikkummenta l-Papa), Ġesù jistaqsiha dwar żewġha.  Imur għall-essenzjali tal-ħajja u l-essenzjali tal-ħajja hu r-relazzjoni ma’ Alla.

U ma ninsewx, kompla jgħid Franġisku, li ħafna drabi donnu li aħna nibżgħu mmorru fejn nistgħu nitlaqgħu mal-Mulej, ma’ Alla.  Aħna dejjem moħħna fis-saħħa fiżika.  Nagħtu pariri lil xulxin dwar tobba u dwar mediċini – u din hi ħaġa tajba – imma naħsbu fis-saħħa ta’ ruħna?

Hawnhekk għandna kelma ta’ Ġesù li forsi tgħinna: ‘Ibni, dnubietek maħfura.’  Aħna mdorrijin naħsbu dwar il-mediċina tal-maħfra ta’ dnubietna, tal-iżbalji tagħna?

Nistaqsu lilna nfusna: ‘Jien għandi għalfejn nitlob maħfra lil Alla dwar xi ħaġa?’ Iva, iva, iva, ġeneralment aħna lkoll midinbin!  U b’hekk inraqqdu kollox u kollox jitlef is-saħħa, il-forza tal-profezija li għandu Ġesù meta jmur għal dak li hu essenzjali.

U Ġesù llum jgħid lil kull wieħed u waħda minna: ‘Jien irrid naħfirlek dnubietek.’

Il-Papa Franġisku żied jgħid li forsi hawn min ma jsibx dnubiet xi jqerr għax fih ikun nieqes l-għarfien ta’ x’inhu dnub.  Id-dnubiet ‘konkreti’, il-mard tar-ruħ, għandhom jitfejqu u l-mediċina hi l-maħfra.

Hi ħaġa sempliċi li jgħallimhielna Ġesù meta jmur għal dak li hu essenzjali.  L-essenzjali huwa s-saħħa kollha: tal-ġisem u tar-ruħ.

Nieħdu ħsieb sewwa dik tal-ġisem, temm il-Papa, imma dik tar-ruħ ukoll.  Immorru għand dak it-Tabib li jista’ jfejjaqna, li jaħfrilna dnubietna.  Għalhekk ġie Ġesù, għal dan ta ħajtu.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading