Nixtiequ nagħtu sinjal qawwi ta’ tama lill-poplu kollu tagħna


L-Isqfijiet jirċievu żjara ta’ korteżija mill-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta fid-Dar tal-Kleru, Birkirkara.

Capture

L-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ltaqgħu mal-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta Dr Robert Abela, il-Ħamis 16 ta’ Jannar 2020, għal żjara ta’ korteżija. Fuq xewqa tal-Prim Ministru din saret fid-Dar tal-Kleru, Birkirkara, fejn jgħixu 47 saċerdot bejn reliġjużi u djoċesani.

Il-Prim Ministru Abela ġie milqugħ mill-Arċisqof Scicluna u wara ltaqa’ mal-membri tal-Kunsill tal-Arċisqof: l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi; Dr Nadia Delicata, id-Delegat Episkopali għall-Evanġelizzazzjoni; Dun Noel Vassallo, il-Vigarju Episkopali għall-Kleru u l-Parroċċi; Joe Farrugia, id-Delegat Episkopali għal-Lajċi; Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv; Kevin Papagiorcopulo, il-Kap tal-Media; Dr Godwin Grima, is-Segretarju tal-Kunsill; u Anthony Gatt, id-direttur tal-Caritas f’isem Mons. Charles Cordina, il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija.

Wara din il-laqgħa ta’ ftit aktar minn nofs siegħa, il-Prim Ministru żar lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P. Huwa ltaqa’ wkoll mad-direttur tad-Dar tal-Kleru Mons. Anton Cassar, mas-sorijiet tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu li jieħdu ħsieb lis-saċerdoti anzjani u morda, u mas-saċerdoti residenti. Fi tmiem iż-żjara, l-Arċisqof u l-Prim Ministru indirizzaw lill-media.

Messaġġ mill-Arċisqof Charles J. Scicluna

Nixtieq nirringrazzja ħafna lill-Onorevoli Prim Ministru, Dr Robert Abela, taż-żjara ta’ kortesija li qed jagħmel mhux biss lir-ragħajja tal-Knisja imma anke l-għażla tiegħu li niltaqgħu f’dan il-post, li huwa wieħed mill-postijiet fejn il-Knisja ssarraf il-kliem fl-għemil – fl-għemil ta’ solidarjetà, u b’mod speċjali ta’ kura lil saċerdoti li taw ħajjithom għall-poplu. Kif għidt ukoll lill-On. Prim Ministru, dawn huma nies li mhux bilfors kienu fil-headlines imma taw ħajjithom fil-missjonijiet, fil-parroċċi tagħna bħala reliġjużi wkoll u bl-għajnuna anke tal-qaddejja taċ-Ċenaklu, li qegħdin ikomplu l-missjoni tal-fundatur tagħhom Mons. Grima, qegħdin ukoll jagħtu servizz li hu wkoll karità konkreta.

Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-Prim Ministru tal-kliem tiegħu ta’ inkoraġġiment. Aħna min-naħa tagħna nwiegħduh is-sostenn totali tagħna, l-impenn tagħna li aħna nkomplu nikkoperaw mal-Istat għall-ġid komuni, anke għaliex nixtiequ ħafna li f’dan il-mument nagħtu sinjal qawwi ta’ tama lill-poplu kollu tagħna.