Il-Papa f’Santa Marta: Meta niżżersqu lejn il-mondanità nkunu qed nitbegħdu mill-qalb ta’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 13 ta’ Frar 2020: Jekk ftit, ftit inħallu d-dnub ikaxkarna, meta kollox isir relattiv għax nibdew ninnegozjaw mal-allat tal-flus, tal-vanità u tal-kburija, inkunu qed nilluppjaw ruħna. Il-Papa Franġisku għamel din it-twissija llum, waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, huwa u jirrifletti dwar l-istorja tar-re Salamun.

Fl-istorja naqraw dwar ‘l-apostasija’ ta’ Salamun li tbiegħed minn Alla, ma baqax fidil lejH.  Meta xjaħ, in-nisa tiegħu ġagħluh imur wara allat oħra.  Għall-bidu kien żagħżugħ tajjeb li lil Alla talbu biss l-għerf. Tant sar magħruf għerfu li kienu jmorru għandu l-imħallfin; saħansitra marret għandu wkoll ir-reġina ta’ Saba, li waslet mill-Afrika mgħobbija bir-rigali għax kienet semgħet dwaru.

Xi ftit kienet filosfa għax għamlitlu mistoqsijiet ibsin u Salamun weġibha għal kull waħda.

Dak iż-żmien kien possibbli jkollok aktar minn mara waħda, iżda qalb Salamun iddgħajfet mhux għax kellu lil dawn in-nisa, ladraba seta’ jiżżewwiġhom, imma għax kien għażilhom minn popli oħra li jqimu allat oħra.  Salamun jidħol fix-xibka meta waħda min-nisa tiegħu qaltlu biex imur iqim lil Kamos jew lil Molok.  U hekk għamel ma’ kull mara stranġiera li kienu joffru sagrifiċċji lill-allat tagħhom.

Fi kliem ieħor ħalla kollox għaddej u ma baqax iqim lil Alla l-waħdieni.  B’qalb dgħajfa għall-imħabba lejn in-nisa, f’ħajtu daħal il-paganeżmu.  Dak ir-raġel għaqli li kien talab sewwa meta ried l-għerf, safa mbarri mill-Mulej.

Din l-apostasija ma ġratx minn jum għal ieħor: kienet qed tinħema naqra, naqra.  Missieru, ir-re David, ukoll kien dineb, imma nidem u talab maħfra u l-Mulej baqa’ jħarsu sat-tmiem.

David beka minħabba dnubu – biki ta’ qsim il-qalb tal-anqas f’żewġ okkażjonijiet.  David beka  minħabba dak id-dnub u minħabba l-mewt ta’ ibnu Assalonne u meta, qabel, kien qed jaħrab ’l ibnu, umilja ruħu hu u jaħseb fid-dnub tiegħu waqt li n-nies kienu qed jinsultawh.  Kien qaddis.  Salamun mhux qaddis.  Il-Mulej kien tah ħafna doni imma hu ħela kollox għax ħalla ’l qalbu tiddgħajjef.  Dan mhux dnub ta’ darba imma li rikbu ftit, ftit.

In-nisa dawrulu qalbu u l-Mulej ċanfru.  Dan jiġri fil-ħajja tagħna.  Ħadd minna mhu kriminali, ħadd minna ma jagħmel dnubiet kbar bħalma kien għamel David mal-mara ta’ Urija.  Imma fejn jinsab il-periklu? Li nibdew niżolqu ftit, ftit – għax din hi waqgħa lluppjata – nagħmlu kollox relattiv u l-fedeltà tagħna lejn Alla nitilfuha.

Dawn in-nisa kienu ġejjin minn popli oħra, kellhom allat oħra.  U kemm drabi aħna ninsew lill-Mulej u nidħlu f’negozjati ma’ allat oħra: il-flus, il-vanità, il-kburija!  Dan isir ftit, ftit u jekk il-grazzja t’Alla tkun nieqsa, nitilfu kollox.

Noqogħdu attenti mill-mondanità għax ma nistgħux inkunu sew ma’ Alla u fl-istess ħin max-xitan.

Il-Papa kkwota s-Salm 105 (106) biex juri li t-taħlit mal-ġnus li jgħallmuna drawwiethom ifisser li nsiru tad-dinja, pagani.

U għalina, li naqra, naqra nersqu lejn il-mondanità, huwa dnub kbir: nirraġunaw, ‘Kulħadd hekk jagħmel, m’hemmx problema.  Veru li mhux ideali… imma…’

Bi kliem bħal dan niġġustifikaw ruħna u l-prezz li nħallsu hu li nitilfu l-fedeltà lejn Alla l-waħdieni.  Dawn huma l-idoli moderni.  Naħsbu ftit f’dad-dnub tal-mondanità u li bih nitilfu l-imħabba ta’ dan Alla li ta ħajtu għalina.   Mill-Evanġelju nisiltu dak lil hu ġenwin, mill-Kelma t’Alla.  Dak li hu ġenwin insibuh  fil-Kelma t’Alla. Ma nistgħux naqdu lil Alla u lix-xitan fl-istess ħin.

Dan ilkoll kemm aħna ngħiduh meta nitkellmu dwar xi persuna li tgħix ħajja doppja imma li tkun tilfet il-fedeltà. Fil-fatt dil-persuna la tkun fidila lejn Alla u lanqas lejn ix-xitan.  Għalhekk nitolbu l-grazzja li meta nindunaw li qalbna ftit, ftit bdiet titwarrab minn Alla, nieqfu.

Naħsbu ftit dwar id-dnub ta’ Salamun u kif dal-bniedem għaref, imbierek mill-Mulej, tbiegħed minkejja l-wirt ta’ missieru David;  tbiegħed ftit, ftit u resaq lejn il-mondanità, tant li tteħditlu s-saltna.

Nitolbu lil Alla li nagħrfu l-waqt li qalbna tibda tiddgħajjef u titwarrab mill-Mulej, biex nieqfu.  Jekk nitolbuH, ikunu mħabbtu u l-grazzja tiegħu li jgħinuna nieqfu milli nkomplu niżżerżqu.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading