Il-Papa f’Santa Marta: Alla jrid minna qalb miftuħa u mimlija kumpassjoni

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 18 ta’ Frar 2020: Id-dixxipli m’għandhomx ħobż biżżejjed fid-dgħajsa u jibdew jitħassbu minħabba dis-sitwazzjoni materjali. L-Evanġelju skont San Mark jgħid: ‘Bdew jiddiskutu bejniethom għax ma kellhomx ħobż.’ Ġesù jagħraf ħsibijiethom u jwiddibhom: ‘X’intom tgħidu bejnietkom li m’għandkomx ħobż? Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? X’ebusija ta’ ras għandkom! Għandkom għajnejn u ma tarawx, għandkom widnejn u ma tisimgħux. Ma tiftakrux meta qassamt il-ħames ħobżiet bejn il-ħamest elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu mimlija bil-bċejjeċ li kien għad fadal?’

Il-Papa Franġisku tnebbaħ minn dix-xena tal-Evanġelju biex jispjega d-differenza bejn ‘qalb iebsa’ bħal dik tad-dixxipli u ‘qalb ħanina’ bħal dik tal-Mulej.

Ir-rieda tal-Mulej hi l-ħniena: ‘Ħniena rrid u mhux sagrifiċċji.’ Qalb nieqsa mill-ħniena hi qalb idolatra, awtosuffiċjenti, li timxi biss fuq dak li jiddettalha l-egoiżmu tagħha, li ssib is-saħħa biss fl-ideoloġiji.

Niftakru ftit fl-erba’ gruppi ideoloġiċi ta’ żmien Ġesù: il-fariżej, is-saduċej, l-esseni u ż-żeloti.  Erba’ gruppi li kellhom qalbhom iebsa, li riedu jibnu proġett li ma kienx dak ta’ Alla; ma kienx hemm lok għall-proġett ta’ Alla, ma kienx hemm post għall-ħniena.

Imma hemm ‘mediċina’ kontra l-ebusija tal-qalb: il-memorja.  Għaldaqstant fl-Evanġelju tal-ġurnata u f’tant passi oħra tal-Bibbja, jidwi bla waqfien dan ‘ir-ritornell’:  il-fakra tal-qawwa salvifika tal-memorja, ‘grazzja’ li għandna nitolbu għaliha għax iżżommilna qalbna miftuħa u fidila.

Meta l-qalb tibbies, tibda tinsa.  Tinsa l-grazzja tas-salvazzjoni, tinsa l-gratwità.  Il-qalb iebsa tkebbes it-tilwim, il-gwerer, l-egoiżmu, il-qerda ta’ ħuk, għax nieqsa mill-ħniena.

L-akbar messaġġ tas-salvazzjoni hu li Alla ġietu ħniena minna.  Kemm drabi tittenna l-kelma ta’ Ġesù fis-sitwazzjonijiet ta’ niket: ‘ġietu ħniena’.  Kull qalb iebsa, Ġesù jdewwibha.

Għalhekk għandna nitolbu l-grazzja li qalbna ma tkunx maħkuma mill-ideoloġiji, u għalhekk iebsa, imma tkun miftuħa u ħanina quddiem dak kollu li qed jiġri fid-dinja għax dwar dan se nkunu ġġudikati fil-jum tal-ħaqq, mhux fuq l-ideat jew l-ideoloġiji li ħaddanna.

Fl-Evanġelju hemm miktub: ‘Kelli l-ġuħ u tmajtuni; kont fil-ħabs u ġejtu tarawni; kont imnikket u farraġtuni.’  Din hi l-ħniena, innota l-Papa Franġisku, din hi l-qalb li mhix iebsa.  L-umiltà, il-memorja ta’ għeruqna u tas-salvazzjoni tagħna jgħinuna ma ninsewx dan.

Kull wieħed u waħda minna għandna xi rokna iebsa f’qalbna.  Ejjew niftakru u jalla jkun il-Mulej li jtina qalb retta u sinċiera, fejn Hu jsib fejn jgħammar.

Il-Mulej ma jistax jidħol fil-qlub iebsa; fil-qlub ta’ min moħħu fl-ideoloġiji, il-Mulej ma jirnexxilux jidħol.  Il-Mulej jidħol biss fil-qlub li jixbhu lil tiegħu: il-qlub li jħennu, il-qlub miftuħa.  Jalla l-Mulej itina dil-grazzja, temm il-Papa.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading