Inħares lejn il-futur tal-Azzjoni Kattolika b’fiduċja u tama kbira

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 18 ta Frar 2020: Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna lill-Azzjoni Kattolika fl-okkażjoni tad-90 sena fil-Gżejjer Maltin.

L-okkażjoni tad-90 anniversarju mill-preżenza tal-Azzjoni Kattolika fil-Gżejjer Maltin tagħtini l-opportunità l-ewwel nett biex nesprimi l-gratitudni tal-Knisja f’Malta għal tant inizjattivi sbieħ, mhux biss ta’ formazzjoni imma ta’ solidarjetà, li l-Azzjoni Kattolika ppromwoviet f’dawn id-90 sena. Imma wkoll tagħtini l-opportunità biex inħares lejn il-futur tal-Azzjoni Kattolika b’fiduċja u tama kbira.

Huwa ta’ privileġġ għalija li regolarment niltaqa’ ma’ tant żgħażagħ taż-ŻAK li huma parti integrali mill-ħidma tal-Azzjoni Kattolika u nara l-impenn tagħhom biex jgħixu l-ħajja Nisranija fiċ-ċirkustanzi attwali. L-Azzjoni Kattolika hija wkoll preżenza importanti fil-media, hija preżenza importanti fis-solidarjetà u l-karità, hija preżenza importanti anki fil-parroċċi tagħna.

L-awgurju tiegħi hija li l-Azzjoni Kattolika tkompli tiżviluppa skont is-sinjali taż-żminijiet, tkompli dejjem turi l-lealtà tagħha lejn il-Qdusija Tiegħu l-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru, u tkompli tkun ukoll ta’ sapport għall-Isqfijiet ta’ Malta u ta’ Għawdex kif dejjem kienet.

Jiena nawgura wkoll li l-Azzjoni Kattolika, hi u tħares lejn il-futur, tkompli bil-ħidma formattiva tagħha imma wkoll tkun dik il-ħmira fis-soċjetà Maltija li tiggarantixxi li l-messaġġ tal-Evanġelju jibqa’ aħbar tajba u sabiħa għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading